8.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 407/1


Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (COMP)

Pubblikazzjoni tal-kariga ta’ Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni (grad AD 14)

Ingaġġ ta’ Aġent Temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra

COM/2015/10363

(2015/C 407 A/01)

Id-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni qed ifittex persuna biex tieħu post l-Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni tiegħu, liema kariga ssir vakanti fl-1 ta’ Settembru 2016.

Min aħna

Il-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni, tinforza b’mod dirett ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE biex is-swieq jaħdmu aħjar, billi tiżgura li l-kumpaniji kollha jikkompetu bl-istess mod u b’mod ġust abbażi tal-merti tagħhom. Dan hu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, in-negozji u b’mod ġenerali l-ekonomija Ewropea.

Fil-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Kompetizzjoni hu primarjament responsabbli għal dawn is-setgħat ta’ infurzar dirett.

L-Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni jgħin lid-DĠ tal-Kompetizzjoni fl-evalwazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-azzjonijiet tiegħu fl-oqsma tal-UE dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet, tal-antitrust u tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

Il-kariga timtela f’livell ta’ Direttur (AD 14). Din hija kariga temporanja għal tliet snin, u tista’ tiġġedded għal massimu ta’ sentejn.

Nipproponu

L-Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni jirrapporta direttament lid-Direttur Ġenerali. Hu jkollu tliet kompiti ewlenin, b’mod partikolari:

Jagħti gwida dwar kwistjonijiet ta’ metodoloġija fejn tidħol l-ekonomija u l-ekonometrija fl-applikazzjonijiet ta’ regolamenti tal-kompetizzjoni tal-UE. Hu jista’ wkoll jissejjaħ biex jagħti l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp ta’ strumenti ta’ politika ġenerali jew analiżi;

Jagħti gwida ġenerali f’każijiet individwali ta’ kompetizzjoni mill-istadji bikrin tagħhom;

Jagħti gwida dettaljata fl-aktar każijiet importanti ta’ kompetizzjoni li jkunu jinvolvu kwistjonijiet kumplessi ta’ ekonomija, b’mod partikolari dawk li jkunu jinħtieġu analiżi kwantitattiva sofistikata. Dan jista’ jimplika li membru tal-persunal assenjat lit-tim tal-Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni jista’ jiġi ssekondat biex jaħdem f’tim ta’ każ speċifiku.

Il-parir finali tiegħu dwar każijiet individwali importanti tal-kompetizzjoni jkun disponibbli għall-Kummissarju għall-Kompetizzjoni u, fejn xieraq, għall-Kulleġġ tal-Kummissarji.

L-Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni jkollu persunal iddedikat ta’ madwar 30 ekonomista speċjalizzat, li nofshom ikunu uffiċjali permanenti u l-bqija aġenti temporanji. L-Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni u l-persunal tiegħu jikkomunikaw u jaġixxu skont kif ikun xieraq mal-persunal l-ieħor tad-Direttorat Ġenerali, b’mod partikolari ma’ dawk li jkollhom kompetenza ekonomika.

X’qegħdin infittxu (il-kriterji tas-selezzjoni)

Tingħata preferenza lill-kandidati li jkollhom:

Għarfien ippruvat u kompetanza fl-analiżi tal-aspetti ekonomiċi ta’ kwistjonijiet marbuta mal-kompetizzjoni, ippruvat b’rekord akkademiku sod, li tiegħu trid tingħata prova permezz ta’ pubblikazzjonijiet f’ġurnali akkademiċi magħrufa, it-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ konsulenza lil korpi pubbliċi, studji u possibbilment xogħol ta’ konsultazzjoni f’diversi oqsma tal-politika tal-kompetizzjoni;

Ħila ppruvata fit-tmexxija ta’ tim ta’ ekonomisti b’ħiliet għolja, partikolarment fil-ġestjoni organizzattiva u tan-nies fosthom aspetti bħall-iffissar tal-prijoritajiet, ir-reklutaġġ, l-evalwazzjonijiet tal-persunal, l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-motivazzjoni;

Ħiliet ikkonfermati ta’ komunikazzjoni, li jippermettulu li jikkomunika b’mod effiċjenti u effikaċi mal-partijiet kkonċernati interni u esterni u li jirrappreżenta lill-Kummissjoni u biex jiddefendi l-pożizzjoni tagħha f’fora Ewropej u internazzjonali.

Il-Kummissjoni qiegħda tfittex b’mod partikolari ekonomista li, barra mit-taħriġ bażiku, ikun speċjalizzat fl-organizzazzjoni industrijali u li jkollu esperjenza prattika fl-analiżi ta’ każijiet individwali tal-kompetizzjoni.

Matul iż-żmien li jdum fil-kariga, l-Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni jista’ jippubblika dokumenti u jgħallem b’mod limitat, sakemm dan ma jtellifx ix-xogħol fil-mandat tiegħu.

Il-kandidati jridu (kriterji ta’ eliġibbiltà)

1.

Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

2.

Lawrja jew diploma universitarja: il-kandidati għandu jkollhom lawrija universitarja. Addizzjonalment, huwa meħtieġ li jkollhom dottorat f’qasam tal-ekonomija jew l-ekonometrija, li jkollu x’jaqsam mal-politika tal-kompetizzjoni.

3.

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom mill-anqas 15-il sena ta’ esperjenza professjonali post universitarja miksuba wara t-tlestija tal-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas 10 snin minn din l-esperjenza professjonali jridu jkunu nkisbu f’livell għoli fl-oqsma relevanti għall-kariga battala (1).

4.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta’ lingwa uffiċjali oħra (2). Il-bordijiet tas-selezzjoni jivverifikaw waqt l-intervista/i jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li parti mill-intervista ssir f’din il-lingwa l-oħra.

5.

Limitu tal-età: Il-kandidati jridu jkunu jistgħu jagħmlu l-mandat sħiħ ta’ tliet snin qabel ma jilħqu l-età regolari tal-irtirar li, għall-aġenti temporanji tal-Unjoni Ewropea, hija ddefinita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq is-66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra) (3).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibdew jaqdu dmirijiethom, il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw il-volontà tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ kwalunkwe interess li jista’ jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Il-ħatra u l-kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-selezzjoni tal-Ekonomista Prinċipali tal-Kompetizzjoni ssir kif deskritt f’dan id-Dokument ta’ Kompilazzjoni dwar il-Politika dwar Uffiċjali f’Kariga Għolja  (4). Waqt il-proċess tas-selezzjoni, il-Kummissjoni tista’ tkun megħjuna minn konsulenti esterni, fosthom minn esperti ta’ reputazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ekonomija.

Bħala parti minn dan il-proċess tas-selezzjoni, il-kandidati li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet, ikollhom jgħaddu, qabel din l-intervista, minn ċentru ta’ valutazzjoni ta’ ġurnata sħiħa mmexxi minn konsulenti esterni ta’ reklutaġġ.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tas-selezzjoni titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll dak tal-istituzzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea twettaq il-proċedura tas-selezzjoni bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (5) biss.

Il-kandidat magħżul jiġi impjegat mill-Kummissjoni bħala Aġent Temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra. Il-paga u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk għal Aġenti Temporanji li jokkupaw funzjoni li tikkorrispondi mal-post bażiku ta’ Direttur fil-grad AD14 tal-Unjoni Ewropea. Din hija kariga temporanja għal tliet snin, u tista’ tiġi mġedda għal perjodu massimu ta’ sentejn.

L-applikanti għandhom ikunu jafu bir-rekwiżit, skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, li kull membru ġdid tal-persunal irid jgħaddi b’suċċess minn perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Brussell. Huwa mistenni li l-kandidat magħżul jieħu l-kariga fl-1 ta’ Settembru 2016.

Opportunitajiet indaqs

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs. Minħabba r-rappreżentanza baxxa ta’ nisa f’funzjonijiet ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir applikazzjonijiet mingħand nisa.

Il-proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha (“Il-kandidati jridu”), b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa, kif ukoll dawk rigward il-kompetenza lingwistika tiegħek. Min ma jissodisfax dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tas-selezzjoni.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet billi tmur fis-sit web

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li hemm li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tkun ikkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċess tas-selezzjoni. Għaldaqstant informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u li timla onlajn, ittra ta’ motivazzjoni (massimu ta’ 8  000 karattru). Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tas-selezzjoni tintemm malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll dak tal-istituzzjoni, is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni jridu jinkitbu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. L-ittra elettronika fiha wkoll numru ta’ reġistrazzjoni li jkun in-numru ta’ referenza tiegħek f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Jekk għandek xi diżabbiltà li ma tippermettilekx li tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) fuq il-karta bil-posta rreġistrata f’dan l-indirizz: European Commission, Directorate-General for Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, SC11 8/59, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË, u indika b’mod ċar bħala referenza: Vacancy for the function of Chief Competition Economist (COM/2015/10363), u l-ittra trid tkun ittimbrata mhux aktar tard mid-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F’dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat, maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek. Għandek tispjega wkoll, fuq karta separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fis-selezzjoni.

Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-29 ta’ Jannar 2016, f’nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell, u wara dan ma jkunux jistgħu jsiru aktar reġistrazzjonijiet onlajn.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ tibdel jew iżżid xi dejta. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati tas-selezzjoni huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f’isimhom mal-kumitat tas-selezzjoni huwa pprojbit.

Il-protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi proċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (6).


(1)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw almenu għal dawn l-għaxar snin f’liema attivitajiet akkwistaw l-esperjemza professjonali f’livell għoli (pereż. titolu u funzjonijiet dettaljati miżmuma)

(2)  http://ec.europa.eu/languages/policy/linguistic-diversity/official-languages-eu_mt.htm

(3)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(4)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/official_policy_en.pdf

(5)  Il-bord tas-selezzjoni jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ lil kelliema nattivi ta’ dawn iż-żewġ lingwi.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.