14.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 380/6


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2015/C 380/05)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li tintuża biss id-denominazzjoni ta’ EUR 2. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita : L-Andorra

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : It-30 anniversarju tad-drittijiet politiċi tal-irġiel u n-nisa li jagħlqu t-18-il sena u jsiru adulti

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri r-riproduzzjoni parzjali ta’ persuna żagħżugħa titfa’ l-vot tagħha. Id-dokument tal-vot li l-persuna għandha f’idejha tirriproduċi l-iskrizzjoni “ANDORRA”. Fuq ix-xellug tal-persuna hemm is-snin li qed jiġu mfakkra “1985” u “2015” (din tal-aħħar hija s-sena tal-ħruġ tal-munita wkoll). Skrizzjoni iqsar tat-tifkira ddur madwar id-disinn kollu “30è ANIVERSARI MAJORIA D’EDAT ALS 18 ANYS” (it-30 anniversarju meta wieħed isir adult ta’ 18-il sena).

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu :

Data tal-istampar tal-muniti : Diċembru 2015


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).