10.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 372/1


Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/119

(2015/C 372 A/01)

INFORMAZZJONI ĠENERALI

Dipartiment

Direttorat Ġenerali A, Uffiċċju tas-Sigurtà

Post tax-xogħol

Brussell

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur tas-Sigurtà

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

TRES SECRET UE/EU TOP SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

It-8 ta’ Diċembru 2015

MIN AĦNA

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jipprovdi assistenza lill-Kunsill tal-UE u l-Kunsill Ewropew. L-Uffiċċju tas-Sigurtà, li huwa parti mid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni, jissorvelja u jmexxi s-sigurtà interna tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew kif ukoll is-sigurtà esterna tiegħu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Belġjani. Il-missjoni tiegħu huwa li jiżgura li n-nies, l-assi u l-informazzjoni jkunu protetti b’mod adegwat kontra r-riskji għas-sigurtà, u li s-SĠK jħares d-dmir ta’ diliġenza tiegħu fil-konfront tal-persunal u l-viżitaturi.

L-Uffiċċju tas-Sigurtà jipproteġi lill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-UE, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Ministri tal-gvern u l-mexxejja viżitaturi minn stati terzi, u jissorvelja l-ħarsien tal-bini tal-Kunsill. Huwa jmexxi kapaċità ta’ reazzjoni 24/7, huwa responsabbli mis-sensibilizzazzjoni tal-persunal u d-delegati dwar kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà u jmexxi investigazzjonijiet tas-sigurtà. Huwa jiżviluppa atti legali u politiki dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, inkluż dwar is-sistemi tal-IT klassifikati. Huwa jwettaq monitoraġġ u jirrakkomanda kif għandu jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà tal-operat tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, inkluż l-ispjunaġġ. Huwa jiżviluppa u jikkoordina wkoll il-politika ta’ kontinwità tal-operat tas-SĠK.

X’QEGĦDIN INFITTXU

Aħna qegħdin nirreklutaw maniġer dinamiku, li għandu kapaċitajiet ta’ tmexxija u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, biex imexxi, jispira u jimmotiva tim ta’ madwar 160 membru tal-persunal li jaħdmu fi tliet unitajiet f’ambjent internazzjonali, multikulturali u multilingwi, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni għolja.

Qed infittxu komunikatur eċċellenti, li jaf sewwa l-politika u l-linji politiċi tal-UE, b’kapaċità qawwija li jiżviluppa u jwassal viżjoni strateġika ċara dwar ir-rwol tas-sigurtà fil-kuntest tal-UE tal-lum.

Il-kandidat ideali għandu jkollu esperjenza professjonali f’pożizzjonijiet maniġerjali ta’ livell għoli, preferibbilment f’ambjent internazzjonali, f’wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin: is-sigurtà, id-diplomazija, il-protokoll, l-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ avvenimenti politiċi ta’ livell għoli. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala vantaġġi: l-esperjenza fil-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà; il-ġestjoni ta’ programmi ta’ sigurtà komprensivi; l-ippjanar tal-kontinwità tal-operat; l-iżvilupp ta’ politika dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u l-akkreditament ta’ sistemi tal-IT klassifikati. Huwa/hija għandu/ha jkollu/ha fehim tajjeb dwar it-theddid għas-sigurtà li qed jevolvi u ta’ x’inhu meħtieġ biex jiġi implimentat programm komprensiv ta’ sigurtà u jmexxi b’mod effettiv ir-riskji ta’ sigurtà.

Peress li s-SĠK jinkoraġġixxi kultura ta’ mobbiltà tal-maniġers tiegħu, li għandu jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu kapaċi u lesti li jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

GĦAN ĠENERALI TAL-KARIGA

Taħt l-awtorità tal-Viċi Direttur Ġenerali/Direttur Ġenerali, għandu jmexxi d-Direttorat tiegħu u jagħti pariri fl-oqsma li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu

Jipprovdi pariri, analiżi u rakkomandazzjonijiet ta’ politika u proċedurali ta’ livell għoli, bil-fomm u bil-miktub, lill-maniġers f’livell għoli u s-Segretarju Ġenerali, il-presidenzi tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-mandat tad-Direttorat

Jipprovdi tmexxija strateġika u jiżviluppa politiki, kunċetti u soluzzjonijiet innovattivi dwar il-kwistjonijiet kollha fi ħdan il-mandat tal-uffiċċju ta’ sigurtà

KOMPITI

Taħt l-awtorità tal-Viċi Direttur Ġenerali/Direttur Ġenerali, imexxi d-Direttorat tiegħu, jorganizza l-attivitajiet tiegħu u jappoġġa u jimmotiva l-persunal f’xogħlu

Jipprovdi pariri professjonali fl-ogħla livell dwar is-sigurtà u kwistjonijiet tal-kontinwità tal-operat lill-Viċi Direttur Ġenerali u d-Direttur Ġenerali, is-Segretarju Ġenerali u, kif meħtieġ, lill-Presidenza u l-Kunsill, u lill-President tal-Kunsill Ewropew

Jiddefinixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu u jikkontribwixxi biex jintlaħqu billi jistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tad-Direttorat u jiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tiegħu

Jirrappreżenta s-servizz tiegħu fil-livell ta’ Diretturi kemm fis-SĠK kif ukoll esternament, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Presidenza b’rotazzjoni, u mal-istituzzjonijiet l-oħra

Jiżgura l-kwalità tas-servizzi u l-prodotti pprovduti mid-Direttorat

Jiżgura ġestjoni professjonali tar-riżorsi tad-Direttorat

Jiżgura komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi, kemm fid-Direttorat kif ukoll ma’ servizzi oħra tas-SĠK

Jiżgura li r-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati fl-oqsma rilevanti tad-Direttorat, jiġu rispettati

AMBJENT TAX-XOGĦOL

Tista’ tkun meħtieġa preżenza barra mill-ħinijiet tax-xogħol normali, skont il-ħtiġijiet tas-servizz, b’mod partikolari għal Kunsilli Ewropej u laqgħat oħrajn ta’ livell għoli

Missjonijiet okkażjonali barra l-pajjiż, ġeneralment ġewwa l-UE

Post tax-xogħol: Justus Lipsius u bini ieħor tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew

KOMPETENZI SPEĊIFIĊI

Kompetenzi professjonali

Peress li l-Franċiż u l-Ingliż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni interna fis-SĠK, jinħtieġ għarfien tajjeb tal-Franċiż u l-Ingliż u l-kapaċità ta’ komunikazzjoni biż-żewġ lingwi. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE huwa ta’ vantaġġ (1).

Għarfien tajjeb ħafna tal-istruttura u kif jaħdem il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew u r-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE

Fehim tajjeb tal-kuntest politiku u ta’ sigurtà li fih joperaw l-istituzzjonijiet tal-UE

Kapaċità li jittratta informazzjoni b’diskrezzjoni

Ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni bil-miktub

Twettiq ta’ kompiti u ksib ta’ riżultati

Kapaċità soda ta’ ppjanar u organizzazzjoni tax-xogħol u biex jinkisbu r-riżultati (kompetenza essenzjali)

Kapaċità li jkun innovattiv u jissimplifika l-proċessi tal-attivitajiet

Kwalitajiet personali

Sens qawwi ta’ responsabbiltà (kompetenza essenzjali)

Kapaċità li jantiċipa u jidentifika problemi potenzjali u jsolvihom

Kapaċità li jaħdem f’oqsma differenti ta’ attività matul il-karriera tiegħu fis-SĠK

Ħiliet interpersonali

Kapaċità li jinteraġixxi b’mod effettiv u b’mod konvinċenti ma’ partijiet ikkonċernati interni u esterni u mal-pubbliku

Kapaċità li jibni relazzjonijiet tax-xogħol ibbażati fuq il-fiduċja ma’ partijiet ikkonċernati interni u esterni rilevanti f’livell għoli

Kompetenzi Maniġerjali

Ġestjoni tax-xogħol u r-riżorsi, għarfien tal-organizzazzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet, ħila fit-tmexxija u żvilupp tal-persunal

MIN JISTA’ JAPPLIKA

Fil-mument tal-applikazzjoni l-applikanti għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin għall-ammissjoni:

(a)

Kondizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kondizzjonijiet speċifiċi

ikunu lestew edukazzjoni universitarja sħiħa ċċertifikata b’diploma (2);

ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali li minnhom tal-inqas ħames snin fejn kienu responsabbli minn entità amministrattiva, u jkunu effettivament eżerċitaw responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi

RIMARKI

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bħala dak li jħaddem, iħaddan il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u jilqa’ applikazzjonijiet minn kandidati rġiel u nisa mill-bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli fost l-Istati Membri tal-UE. Is-SĠK joffri miżuri għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali mal-ħajja privata u jista’ jipprovdi aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol għal persuni b’diżabbiltà (għal aktar informazzjoni ara l-Anness I). Minħabba r-rappreżentanza baxxa ta’ nisa fil-livelli maniġerjali superjuri, jilqa’ b’mod partikolari applikazzjonijiet minn kandidati nisa għal din il-pożizzjoni.

Din il-pożizzjoni teħtieġ awtorizzazzjoni tas-sigurtà li tippermetti aċċess għad-dokumenti klassifikati (livell TRES SECRET EU/EU TOP SECRET). Jinftiehem li dawk li japplikaw għall-pożizzjoni jkunu lesti li jkunu sottoposti għal skrutinju ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ser tidħol fis-seħħ biss bil-kondizzjoni li l-kandidat magħżul ikun kiseb ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà ser jiġi offrut kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

Il-bord konsultattiv tal-għażla ser ikollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ valutazzjoni. Ir-rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ valutazzjoni ser jibqgħu validi għal sentejn.

Fil-bidu, il-bord konsultattiv tal-għażla ser jeżamina l-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti u jfassal lista ta’ kandidati, li ser jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Wara dik l-intervista, il-bord konsultattiv tal-għażla ser jagħmel preselezzjoni tal-kandidati, li ser jipparteċipaw f’eżerċizzji f’ċentru ta’ valutazzjoni mmexxija minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ u f’intervista oħra mal-bord konsultattiv tal-għażla.

L-ippjanar proviżorju tal-għażla huwa kif ġej:

Huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti jiġu infurmati sa nofs Diċembru

L-ewwel intervisti huma previsti għall-bidu ta’ Jannar 2016

L-eżerċizzji fiċ-ċentru ta’ valutazzjoni huma maħsuba li jsiru f’nofs Jannar 2016

It-tieni ċiklu ta’ intervisti mistenni jsir fi tmiem Jannar 2016

Pożizzjoni vakanti ppubblikata skont l-Artikolu 29 paragrafu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal (pożizzjoni maniġerjali superjuri).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija t-8 ta’ Diċembru 2015.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika indirizzata lil Selection.of.Officials-Applications.Management.Posts@consilium.europa.eu sa mhux aktar tard mid-data tal-għeluq.

Biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu:

(a)

il-formola tal-applikazzjoni (Anness IV) mimlija u datata kif xieraq; il-formola tal-applikazzjoni elettronika tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Kunsill minn dan il-link: http://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/job-opportunities/

(b)

ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ curriculum vitae dettaljat, bl-Ingliż jew bil-Franċiż, preferibbilment fil-format Europass (http://europass.cedefop.europa.eu), li jkopru l-karriera kollha tal-applikant, u jelenka, fost l-oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant; u

(c)

fotokopji tad-diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u fotokopji tad-dokumenti u ċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali. Id-dokumenti ta’ prova jridu jinħarġu minn parti terza u mhux biżżejjed li sempliċiment tintbagħat is-CV msemmija f’(b).

Id-dokumenti kollha ta’ prova mehmuża mal-applikazzjoni jridu jkunu f’format ta’ test Word, pdf jew jpg, jingħataw isem (bl-EN jew bil-FR) u jkunu nnumerati f’sekwenza (Anness 1, 2, eċċ.). Trid tiġi mehmuża wkoll lista tal-annessi kollha. Applikazzjonijiet li jintbagħtu permezz ta’ soluzzjoni ta’ ħżin ta’ data bbażata fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-fajls mhumiex ser jiġu kkunsidrati.

Il-kandidat magħżul għall-pożizzjoni ser jintalab jipprovdi l-verżjoni oriġinali tad-dokumenti msemmija hawn fuq.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-proċeduri relatati mat-talbiet għal rieżami, appelli u riferimenti għall-Ombudsman Ewropew jinsabu fl-Anness II ta’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli għall-ipproċessar ta’ data personali b’rabta ma’ din il-proċedura tal-għażla jinsabu fl-Anness III ta’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.


(1)  Il-lingwi tal-UE huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż, l-Iżvediż.

(2)  L-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin.

(3)  ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1.


ANNESS I

Opportunitajiet Indaqs fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

Bħala dak li jħaddem, is-SĠK huwa responsabbli biex jiżgura opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi.

L-għanijiet ewlenin tal-politika tiegħu ta’ Opportunitajiet Indaqs huma li:

jiżgura li l-politika tiegħu dwar ir-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-persunal tirrispetta l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

jikseb rappreżentanza bbilanċjata ta’ rġiel u nisa, speċjalment f’pożizzjonijiet maniġerjali;

itejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-bini tiegħu u ta’ ambjent tax-xogħol li jkun inklużiv u adattat għall-ħtiġijiet tagħhom:

L-aġġustamenti għall-persuni b’diżabbiltà (“akkomodazzjoni raġonevoli”) jistgħu jinvolvu l-arranġament mill-ġdid tal-kompiti jew ir-responsabbiltajiet, l-għoti ta’ għajnuniet tekniċi u aġġustamenti oħra tal-ambjent tax-xogħol. Miżuri bħal dawn ser jittieħdu dment li dawn ma jimponux piż żejjed fuq ir-riżorsi tal-istituzzjoni.

jipproteġi l-persunal tiegħu minn fastidju fuq il-post tax-xogħol;

jieħu kont tal-ħtiġijiet tal-persunal li jinstab bilanċ bejn l-impenji tax-xogħol u dawk familjari tagħhom billi joffri pakkett tajjeb ta’ miżuri favur il-familja, inkluż ħinijiet flessibbli ta’ xogħol, telexogħol u kondiviżjoni ta’ xogħol.

Miżuri ta’ bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata

Fis-SĠK kollu titħaddem sistema ta’ ħinijiet flessibbli tax-xogħol konformi ma’ ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol, fejn il-persunal mhux maniġerjali jista’ jieħu leave flessibbli. F’bosta ambjenti ta’ xogħol, jista’ jsir qbil dwar skeda tal-ħin individwali fi ħdan is-sigħat qafas ta’ 07:00 sa 20:00.

Jista’ jingħata impjieg part-time, pereżempju għall-indukrar ta’ tfal dipendenti sal-età ta’ 12-il sena, jew 14-il sena meta l-uffiċjal ikun ġenitur waħdu.

Il-leave statutorju tal-maternità huwa ta’ 20 ġimgħa u meta l-omm terġa’ lura għax-xogħol tista’ tingħata sa sagħtejn kuljum għat-treddigħ. Il-missirijiet għandhom id-dritt għal leave tal-paternità mħallas ta’ għaxart ijiem. Jista’ jingħata leave tal-ġenituri għal perijodu sa sitt xhur għal kull wild, jew sa tnax-il xahar għal ġenitur waħdu, bil-ħlas ta’ indennizz b’rata fissa. Fil-każ ta’ mard serju jew diżabbiltà ta’ wild, il-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri huma itwal. Jista’ jingħata wkoll leave tal-familja bil-ħlas ta’ indennizz b’rata fissa fil-każ ta’ membri tal-familja b’mard serju jew diżabbiltà. Jingħata leave speċjali f’każijiet bħal żwieġ, twelid jew adozzjoni ta’ wild, u mewt jew mard serju ta’ membru tal-familja. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ jingħata leave bla ħlas għal raġunijiet personali(CCP).

Skont il-kompiti u l-ambjent tax-xogħol, jista’ jkun possibbli telexogħol taħt l-iskema ta’ telexogħol standard (60 % mid-dar u 40 % mill-uffiċċju) jew taħt l-iskema ta’ telexogħol okkażjonali (sa 20 jum fis-sena).

Il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li ġejjin huma disponibbli għall-persunal bi tfal, skont kriterji ta’ prijorità: Il-crèche tas-SĠK għat-tfal minn 0 sa 4 snin, indukrar wara l-ħin tal-iskola u faċilitajiet fi żmien il-vaganzi organizzati mill-Kummissjoni Ewropea u attivitajiet wara l-ħin tal-iskola fl-iskejjel Ewropej.

Għal aktar informazzjoni, ibgħat posta elettronika indirizzata lil egalite-des-chances@consilium.europa.eu


ANNESS II

TALBA GĦAL RIEŻAMI – PROĊEDURI TAL-APPELLI ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk, f’xi stadju tal-proċedura tal-għażla, inti tqis li xi deċiżjoni tolqtok b’mod negattiv, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:

Titlob rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord konsultattiv tal-għażla

Fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-ittra li tgħarrfek bid-deċiżjoni meħuda mill-bord konsultattiv tal-għażla, inti tista’ tressaq talba bil-miktub għal rieżami ta’ tali deċiżjoni, u tagħti r-raġunijiet tat-talba tiegħek, lil:

Council of the European Union

Office for Selection of Officials

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGUIQUE/BELGIE

indirizz elettroniku: Selection.of.officials@consilium.europa.eu

Proċedura tal-appell

Tista’ tippreżenta lment kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fi żmien 3 xhur min-notifika tad-deċiżjoni, lil:

Council of the European Union

Advisers Unit, DGA 1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGUIQUE/BELGIË,

Tista’ tressaq appell ġudizzjarju skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal lil:

European Union Civil Service Tribunal

Rue du Fort Niedergrünewald

2925 Luxembourg

LUXEMBOURG

Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew

Bħal kull ċittadin ieħor tal-Unjoni, inti tista’ tressaq ilment lil:

The European Ombudsman

1, avenue du Président Robert Schuman

BP 403

67001 Strasburgu Cedex

FRANCE

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1).

Għandek tinnota li lmenti mressqa lill-Ombudsman Ewropew ma għandhom ebda effett sospensiv fuq il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 90(2) u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal biex jiġu ppreżentati lmenti jew appelli quddiem it-Tribunal tal-Unjoni Ewropea għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


ANNESS III

PROTEZZJONI TAD-DATA

Bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-proċedura tal-għażla, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiżgura li d-data personali tal-applikanti tiġi pproċessata konformement mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1).

Il-bażi legali għall-proċedura tal-għażla hija r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2013/488/UE). Il-proċedura ta’ għażla titmexxa taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani (DĠ A 1 A), Unità tal-Persunal u Mobbiltà, u l-kontrollur huwa l-kap ta’ dik l-unità. L-informazzjoni pprovduta mill-applikanti ser tkun aċċessibbli għall-membri tal-uffiċċju għall-għażla ta’ uffiċjali u l-ġerarkija ta’ superjuri tagħhom, għall-membri tal-Kumitat Konsultattiv tal-Għażla, u, jekk meħtieġ, għall-unità tal-konsulenti legali. L-informazzjoni amministrattiva li tidentifika l-applikant u/jew l-organizzazzjoni prattika tal-proċedura jistgħu jintbagħtu lil ċentru ta’ valutazzjoni.

L-għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa l-ġbir ta’ data li tidentifika l-applikanti kollha għal pożizzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li jingħażel wieħed minn dawk l-applikanti.

Id-data inkwistjoni hija:

data personali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-applikanti (kunjom, isem, data tat-twelid, sess, ċittadinanza);

informazzjoni pprovduta mill-applikanti biex tiffaċilita l-organizzazzjoni prattika tal-proċedura (indirizz postali, indirizz elettroniku, numru tat-telefon);

informazzjoni pprovduta mill-applikanti biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk huma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għall-ammissjoni stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti (ċittadinanza; lingwi; kwalifiki tal-applikanti u s-sena meta nkisbu, tip ta’ diploma/lawrja, isem l-istituzzjoni minn fejn inkisbu; esperjenza professjonali);

fejn japplika, informazzjoni dwar it-tip u t-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-applikanti;

ir-riżultati tat-testijiet tal-għażla li l-applikanti ser jagħmlu, inkluż l-evalwazzjonijiet magħmula mill-konsulenti taċ-ċentru ta’ valutazzjoni f’isem il-bord tal-għażla.

L-ipproċessar jibda mid-data meta tkun waslet l-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet jiġu ffajljati u jinħażnu fl-arkivji għal sentejn.

L-applikanti kollha jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess u d-dritt li jirrettifikaw id-data personali. Talbiet sostanzjati għandhom jintbagħtu b’posta elettronika lill-uffiċċju għall-għażla tal-uffiċjali fl-indirizz Selection.of.officials@consilium.europa.eu

L-applikanti jistgħu jirrikorru fi kwalunkwe mument għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu).


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS IV

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image