28.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 356/1


AVVIŻ TA’ POST BATTAL ECA/2015/DIR1

Direttur — Awditjar

(Grupp ta’ funzjonijiet AD, Grad 14)

Awla I

(2015/C 356 A/01)

 

MIN AĦNA

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) stabbilita bit-Trattat biex twettaq l-awditu tal-finanzi tal-Unjoni. Bħala l-awditur estern tal-UE, hija tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u taġixxi bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Il-Qorti tipprovdi servizzi tal-awditjar li permezz tagħhom hija tevalwa kif il-fondi tal-UE jiġu riċevuti u użati. Hija teżamina jekk l-operazzjonijiet finanzjarji jkunux ġew irreġistrati u ppreżentati b’mod korrett, jekk ikunux ġew implimentati b’mod legali u regolari, u jekk ikunux ġew immaniġġjati b’mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv. Il-Qorti tikkomunika r-riżultati tal-awditi tagħha f’rapporti ċari, rilevanti u oġġettivi. Hija tfassal ukoll opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni finanzjarja.

Il-Qorti taħdem għat-tisħiħ tal-obbligu ta’ rendikont, tħeġġeġ it-trasparenza u tassisti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, notevolment matul il-proċedura ta’ kwittanza. Il-Qorti hija impenjata li tkun organizzazzjoni effiċjenti fuq il-quddiem nett tal-progress fil-qasam tal-awditjar u l-amministrazzjoni tas-settur pubbliku.

L-organizzazzjoni tal-Qorti hija strutturata madwar it-twettiq ta’ numru ta’ kompiti. Il-persunal jiġi assenjat ċentralment fil-livell tal-Qorti, iżda fil-livell amministrattiv jiġi allokat f’awli differenti skont prijoritjiet strateġiċi.

Is-sede tal-Qorti tal-Awdituri tinsab fil-Lussemburgu.

L-Awla I hija responsabbli mill-awditjar tal-infiq tal-UE fl-oqsma tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, tal-ambjent u l-azzjoni klimatika, tal-affarijiet marittimi u s-sajd kif ukoll tas-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur. Dawn l-oqsma jirrappreżentaw total annwali ta’ madwar EUR 58 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament.

Id-Direttorat huwa inkarigat mill-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-awditjar tal-Awla. Huwa jassisti u jagħti wkoll pariri lill-Membri tal-Awla fit-twettiq tal-missjoni tagħhom. Id-Direttorat huwa responsabbli, b’mod partikolari:

mill-organizzazzjoni u l-ġestjoni tax-xogħol tal-Awla,

mill-kontroll tal-kwalità tal-attivitajiet tal-awditjar,

mill-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tal-persunal.

X’QEGĦDIN NOFFRU

Qegħdin infittxu biex nirreklutaw Direttur mill-1 ta’ Frar 2016.

Il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta’ reklutaġġ għal post ta’ Direttur (grad AD14) fi ħdan l-Awla I, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”). Din il-proċedura tal-għażla, li timmira li żżid il-possibbiltajiet tal-għażla għall-Awtorità tal-Ħatra, se ssir b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD14. Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 13  322,22 fix-xahar. Skont il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolamenti tal-Persunal, ċerti benefiċċji jistgħu jiġu miżjuda mas-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa Komunitarja u huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali.

Id-Direttur huwa l-uffiċjal fl-ogħla livell fi ħdan l-Awla; għandu obbligu li jagħti rendikont lill-Membri tal-Awla. Huwa jimmaniġġja r-riżorsi tal-Awla u jassumi r-responsabbiltà ġenerali għat-twettiq tal-programm ta’ ħidma fil-limiti ta’ żmien, mingħajr ma jeċċedi l-baġit u f’konformità mal-istandards tal-kwalità kif ukoll mal-politiki u l-istandards tal-awditjar tal-Qorti. Għal din il-fini, d-Direttur jalloka għal kull kompitu l-elementi meħtieġa fir- rigward ta’:

riżorsi tal-persunal u riżorsi finanzjarji (missjonijiet u esperti esterni),

servizzi tal-awditjar: riżorsi umani, allokazzjoni u mmaniġġjar tal-persunal, sostenn permezz ta’ kompetenzi fir-rigward tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità, għarfien.

Id-Direttur jappoġġa lid-Dekan fl-amministrazzjoni u t-tmexxija tal-Awla, kif ukoll fil-kompiti ta’ programmazzjoni, ta’ segwitu u ta’ rappurtar. Huwa jiżgura t-tmexxija tajba tal-missjonijiet u l-kompiti kollha tal-awditjar li jiġu fdati lilu.

X’QEGĦDIN INFITTXU

Din il-proċedura tal-għażla hija miftuħa għall-kandidati li, fid-data ta’ għeluq għall-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Livell ta’ edukazzjoni

F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ kors komplet ta’ studji universitarji, iċċertifikat b’lawrja meta t-tul ta’ żmien normali ta’ dawn l-istudji jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ kors komplet ta’ studji universitarji, iċċertifikat b’lawrja, u esperjenza professjonali adatta ta’ mill-anqas sena meta t-tul ta’ żmien normali ta’ dawn l-istudji jkun ta’ mill-inqas tliet snin, jew

meta jkun iġġustifikat fl-interessi tas-servizz, taħriġ vokazzjonali ta’ livell ekwivalenti.

2.

Esperjenza professjonali

Esperjenza professjonali ddokumentata u adatta ta’ mill-inqas 15-il sena wara l-kisba tal-lawrja msemmija hawn fuq, f’livell internazzjonali jekk possibbli; dawn jinkludu esperjenza ta’ mill-inqas 4 snin f’livell maniġerjali. B’mod partikolari, esperjenza ddokumentata u ta’ suċċess fil-qasam tal-awditjar, inkluż il-kontroll tal-kwalità ta’ awditi; il-proċeduri kontradittorji mal-partijiet awditjati u l-pubblikazzjoni ta’ rapporti.

3.

Għarfien

Kompetenza eċċellenti fl-istandards u l-metodi tal-awditjar inġenerali u fl-awditjar finanzjarju u tal-konformità inpartikolari.

Għarfien approfondit ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea; l-għarfien ta’ lingwi oħra huwa ta’ vantaġġ. Għal raġunijiet ta’ servizz, huwa meħtieġ għarfien tajjeb tal-Franċiż u tal-Ingliż.

4.

Kapaċitajiet

Kapaċità biex jiżviluppa u jistabbilixxi strateġija, jiddefinixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu u r-riżultati li għandhom jinkisbu; ħila biex jikkomunika, jinnegozja u jaħdem mal-partijiet interessati; kompetenza eċċellenti fil-metodi ta’ maniġment u kompetenzi interpersonali eċċellenti.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

Il-Qorti tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u tħeġġeġ il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet mingħand nisa u rġiel kwalifikati, mingħajr ebda diskriminazzjoni.

KUNDIZZJONIJIET TA’ REKLUTAĠĠ

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jridu:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

igawdu mid-drittijiet tagħhom kollha bħala ċittadini,

ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta’ reklutaġġ fir-rigward ta’ servizz militari,

jipproduċu r-referenzi ta’ karattru meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Se jitwaqqaf kumitat ta’ preselezzjoni.

L-evalwazzjoni se tiġi organizzata mill-kumitat f’bosta stadji eliminatorji abbażi:

(a)

tad-dokumenti pprovduti mill-kandidat. Wara dan l-istadju, jinżammu biss l-aħjar 10 kandidati eliġibbli.

(b)

ta’ studju tal-każ ippreżentat bil-miktub, u

(c)

ta’ intervista.

PREŻENTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

L-applikazzjonijiet, li jridu jinkitbu bl-Ingliż jew bil-Franċiż, għandhom jintbagħtu fl-indirizz e-mail li ġej: vacancies@eca.europa.eu

L-applikazzjoni trid tinkludi n-numru ta’ referenza tal-avviż ta’ post battal fis-suġġett u trid tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

ittra ta’ motivazzjoni (mhux itwal minn paġna waħda),

curriculum vitae aġġornat, fuq il-mudell “curriculum vitae Europass” (mhux itwal minn tliet paġni)

(jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web li ġej: http://europass.cedefop.europa.eu) Dawk is-CVs li jkunu f’dan il-format biss jiġu pproċessati,

id-dikjarazzjoni formali (mehmuża) kkompletata, datata u ffirmata.

Id-data ta’ għeluq għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet hija t-12 ta’ Novembru 2015, f’12.00 (nofsinhar).

Il-kandidati li jiġu mistiedna għal intervista għandhom jinnutaw li, fid-data tal-intervista, huma jridu jippreżentaw biss kopji jew fotokopji tad-dokumenti ta’ sostenn relatati mal-istudji, l-esperjenza professjonali u l-funzjonijiet attwali tagħhom. Dawn id-dokumenti ta’ sostenn ma jingħatawx lura lill-kandidati.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data  (1), ir-riċevitur “għandu jipproċessa d-data personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet trażmessa.”

Il-Lussemburgu, it-8 ta’ Ottubru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor CALDEIRA

Il-President


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Image

Image

Image

Image

Image

Image