11.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 299/1


Pubblikazzjoni ta' post tax-xogħol battal bħala Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), Malta

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

COM/2015/20010

(2015/C 299 A/01)

 

Min aħna

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) huwa Aġenzija tal-UE li tinsab fil-Port tal-Belt Valletta, Malta. Twaqqaf mir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (1) (imsejjaħ “ir-Regolament”).

L-EASO attwalment iħaddem madwar 100 membru tal-persunal u għandu baġit ta' madwar EUR 15-il miljun għas-sena 2015.

Skont ir-Regolament, il-missjoni tal-EASO hija li jgħin fit-titjib tal-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (is-SEKA), għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni prattika fost l-Istati Membri fejn jidħol l-asil u biex jipprovdi u/jew jikkoordina l-għoti ta' appoġġ operattiv lil Stati Membri li jkunu soġġetti għal pressjoni partikolari fis-sistemi ta' asil u akkoljenza tagħhom.

Biex jissodisfa l-missjoni tiegħu l-EASO essenzjalment iwettaq dawn id-dmirijiet:

jiffaċilita, jikkoordina u jsaħħaħ il-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri billi jgħinhom jimplimentaw kif xieraq is-SEKA, inkluż id-dimensjoni esterna tagħha. Għal dan l-għan, l-Uffiċċju jiffoka b’mod partikolari fuq it-titjib tal-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, billi jiżviluppa l-aħjar prattiki u programmi ta’ taħriġ, kif ukoll approċċ komuni dwar informazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini,

jipprovdi appoġġ operattiv effettiv għal Stati Membri bi ħtiġijiet speċifiċi u għal Stati Membri li jkunu soġġetti għal pressjoni partikolari fuq is-sistemi ta’ asil u akkoljenza tagħhom,

jipprovdi assistenza xjentifika u teknika għat-tfassil tal-politika u leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma kollha li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq l-asil, bl-Uffiċċju bħala sors indipendenti ta' informazzjoni.

L-EASO jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet tal-asil tal-Istati Membri u servizzi nazzjonali oħrajn, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Aġenziji tal-UE (b’mod partikolari Frontex) kif ukoll l-UNHCR. L-EASO ma għandu l-ebda setgħa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-talbiet individwali għal protezzjoni internazzjonali.

Nipproponu

Id-Direttur Eżekuttiv imexxi u jirrappreżenta l-EASO. Huwa jkun ir-rappreżentant legali u l-immaġini pubblika tal-EASO. Huwa jkun indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu u jkun responsabbli mill-attivitajiet tiegħu lejn il-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija huwa magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru marbut bir-Regolament (id-Danimarka għandha status ta’ osservatur), żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni, rappreżentant wieħed tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (United Nations High Commissioner for Refugees, UNHCR) mingħajr drittijiet tal-vot kif ukoll rappreżentanti tal-Pajjiżi Assoċjati bħala osservaturi.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu rwol ċentrali fit-tmexxija tal-Aġenzija. Ikun responsabbli mit-twaqqif u t-tmexxija tal-istrutturi amministrattivi, operattivi u finanzjarji meħtieġa għall-operat xieraq tal-EASO.

Bla ħsara għas-setgħat tal-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv jassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti fdati lill-EASO u jkun soġġett għall-proċedura ta' kwittanza annwali mill-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit. Id-Direttur Eżekuttiv irid jirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar it-twettiq tal-kompiti tegħu meta jintalab jagħmel hekk. Il-Kunsill jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv biex jirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Ir-responsabbiltajiet speċifiċi tad-Direttur Eżekuttiv jinkludu, b'mod partikulari:

l-iżgurar tal-operat tal-EASO skont il-missjoni tiegħu kif stabbilit fir-Regolament fundatur, u r-rapportar f’intervalli regolari lill-Bord tat-Tmexxija,

l-iżvilupp u t-twettiq tal-objettivi strateġiċi tal-EASO skont il-missjoni tiegħu,

l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-EASO, inkluż ir-reklutaġġ,

it-tfassil ta’ programmi ta’ ħidma tal-EASO u dokumenti ta’ ppjanar ewlenin oħrajn, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Kummissjoni,

l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma tal-EASO u d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija,

it-tħejjija tal-abbozz ta' dikjarazzjoni tal-istima tad-dħul u n-nefqa tal-EASO u t-tmexxija tal-baġit tiegħu,

it-tfassil tal-kontijiet finali tal-EASO taħt ir-responsabbilità tiegħu stess u jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni,

l-eżerċizzju tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament EASO fir-rigward tal-persunal tal-EASO,

it-teħid tad-deċiżjonijiet kollha dwar it-tmexxija tas-sistemi ta' informazzjoni tal-EASO,

it-teħid tad-deċiżjonijiet kollha dwar it-tmexxija tal-istrutturi interni tal-EASO,

it-twaqqif u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-EASO, l-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u Aġenziji tal-UE (b’mod partikulari l-Frontex) u korpi oħrajn tal-UE,

l-inizjazzjoni, it-tmexxija u l-koordinazzjoni tal-organizzazzjoni u l-użu tat-timijiet ta' appoġġ għall-asil,

il-koordinazzjoni u t-tħaddim tal-Forum Konsultattiv tal-EASO,

l-interazzjoni mal-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li dan jiġi infurmat regolarment dwar il-ħidma tal-EASO.

Għal aktar informazzjoni irreferi għad-dispożizzjonijiet ġuridiċi tar-Regolament.

X'qegħdin infittxu (il-kriterji tal-għażla)

Il-kandidati għandu jkollhom:

kapaċità ppruvata li jmexxu b'mod effettiv aġenzija tal-UE ta' madwar 100 membru tal-persunal, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell ta' tmexxija interna, u kapaċità li jmexxu u jimmotivaw tim kbir f'ambjent Ewropew, multikulturali u multilingwi,

esperjenza tajba u ppruvata ta' mmaniġjar baġitarju, finanzjarju u tar-riżorsi umani f'kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali,

kapaċità ppruvata li jiżviluppaw viżjoni taħt il-kompetenza tal-Aġenzija, ħiliet kunċettwali u analitiċi tajbin ħafna, kapaċità qawwija li jaħsbu b’mod kreattiv,

għarfien tajjeb tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-asil u esperjenza utli fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tagħha,

esperjenza professjonali utli f’awtorità dwar l-asil fi Stat Membru tal-UE, f’dipartiment tal-gvern li jimmaniġġja kwistjonijiet marbuta mal-asil, jew f’organizzazzjoni internazzjonali li tittratta kwistjonijiet dwar l-asil,

kapaċità li jikkomunikaw b’mod effiċjenti u effettiv mal-pubbliku u jikkooperaw mal-partijiet ikkonċernati (awtoritajiet Ewropej, internazzjonali, nazzjonali u lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi),

għarfien tajjeb ħafna tal-istituzzjonijiet tal-UE u kif dawn joperaw u jinteraġixxu mal-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-asil,

fehim ċar tal-politiki tal-UE u l-attivitajiet internazzjonali rilevanti għall-attivitajiet tal-EASO,

ħiliet ta' komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm eċċellenti; ġudizzju tajjeb u esperjenza ta’ ħidma fuq kwistjonijiet li huma politikament sensittivi; esperjenza ppruvata f’negozjati u ħiliet diplomatiċi xierqa.

Il-kandidati jridu jkunu (il-kriterji ta' eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla fuq il-bażi ta' dawn il-kriterji formali li għandhom jiġu ssodisfati qabel id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: Ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jipparteċipa fl-EASO.

Lawrja jew Diploma Universitarja: Ikollhom

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar,

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b'diploma u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta' esperjenza professjonali ma tistax tiġi inkluża fl-esperjenza professjonali postuniversitarja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza Professjonali: Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza postuniversitarja wara l-kisba tal-kwalifiki meħtieġa msemmija hawn fuq.

Esperjenza Professjonali Rilevanti: Mill-15-il sena esperjenza professjonali msemmija hawn fuq, mill-inqas ħames snin iridu jkunu esperjenza professjonali f' qasam ta' rilevanza diretta għall-attivitajiet tal-EASO.

Esperjenza ta' Tmexxija: mill-anqas ħames snin mill-esperjenza professjonali postuniversitarja jridu jkunu nkisbu f’funzjoni maniġerjali ta’ livell għoli (2). Esperjenza direttament relatata ma' qasam rilevanti għal din il-pożizzjoni tkun ta’ vantaġġ.

Lingwi: ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra minn dawn il-lingwi.

Limitu tal-Età: ikunu jistgħu jlestu l-mandat sħiħ ta’ ħames snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Għall-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija ddefinita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq is-66 sena (4).

Il-kandidat magħżul għandu jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu.

Approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal hija deċiżjoni amministrattiva li ssegwi proċess ta' screening ta’ sigurtà mwettaq mill-awtorità nazzjonali tas-sigurtà kompetenti tal-individwu skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tas-sigurtà applikabbli, u li tiċċertifika li individwu jkun jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. Kun af li jista' jingħata bidu għall-proċedura meħtieġa biex tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà biss wara li ssir talba minn min jimpjega, u mhux mill-kandidat individwali.

Il-ħatra għal din il-kariga ssir biss fuq il-kundizzjoni li l-kandidat li jintagħżel ikun kiseb ċertifikat validu ta' approvazzjoni tas-sigurtà.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta' impenn li jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara kwalunkwe interess li jista' jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

L-għażla u l-ħatra

Il-Kummissjoni Ewropea se twaqqaf bord ta' preselezzjoni għall-proċess ta' għażla. Dan il-bord jistieden lill-applikanti li jkollhom l-aħjar profil għar-rekwiżiti speċifiċi għal din il-pożizzjoni għal intervista, magħżula fuq il-bażi tal-merti tagħhom u l-kriterji stabbiliti hawn fuq. Il-kandidati proposti għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet tal-Kummissjoni (Consultative Committee on Appointments, CCA) ikollhom jagħmlu eżami f'ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Il-kandidati li jitpoġġew fuq il-lista preliminari mis-CCA imbagħad jiġu intervistati mill-Kummissarju/i rilevanti.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni tadotta lista preliminari tal-kandidati li huma l-iktar adattati, li mbagħad tiġi kkomunikata lill-Bord ta' Tmexxija tal-EASO. Dan tal-aħħar jista’ jintervista lill-kandidati ta’ fuq il-lista preliminari tal-Kummissjoni. L-inkluzjoni fil-lista mhix garanzija tal-ħatra. Il-kandidati jistgħu jintalbu jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla tintemm malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll dak tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla ssir biss bl-Ingliż (5). Madankollu, il-bordijiet tal-għażla se jivverifikaw waqt l-intervista/i jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li kandidat jintalab iwieġeb f’lingwa oħra għajr l-Ingliż.

Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord tat-Tmexxija jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat/i kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu/tagħhom. Wara din id-dikjarazzjoni, il-Parlament Ewropew jista' jadotta opinjoni li fiha jispjega l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidat magħżul.

Il-Bord tat-Tmexxija jinforma lill-Parlament Ewropew bil-mod li bih tqieset din l-opinjoni. L-opinjoni tiġi ttrattata bħala personali u kunfidenzjali sakemm jinħatar il-kandidat.

Il-Bord tat-Tmexxija jieħu d-deċiżjoni finali dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv.

Opportunitajiet indaqs

L-EASO japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u mhux diskriminatorja skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Direttur Eżekuttiv jinħatar bħala membru tal-persunal tal-EASO bħala aġent temporanju fil-grad AD 14 skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea għal perjodu ta' ħames snin, li jista' jiġi estiż darba għal mhux aktar minn tliet snin, kif stipulat fl-Artikolu 30 tar-Regolament. Il-kandidati għandhom jinnotaw ir-rekwiżit għall-persunal kollu ġdid li jwettaq b'suċċess perjodu ta' prova ta' disa' xhur.

Il-post tal-impjieg huwa l-Port tal-Belt Valletta (Malta), fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali tal-EASO.

Id-Direttur Eżekuttiv huwa mistenni li jassumi l-kariga tiegħu l-aktar tard sal-bidu tal-2016.

Proċedura ta' applikazzjoni

Qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà (“Il-kandidati jridu jkunu”), b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi u l-esperjenza professjonali u maniġerjali kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa. Fir-rigward tat-tip ta’ esperjenza maniġerjali ta’ livell għoli, ipprovdi informazzjoni preċiża u dettaljata fl-applikazzjoni tiegħek. Min ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-internet billi tmur fuq is-sit web:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li hemm li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan l-indirizz jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul il-proċess ta' selezzjoni. Għaldaqstant informa lill-Kummissjoni b'kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format PDF u li timla ittra ta' motivazzjoni onlajn (massimu ta' 8  000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra ta' motivazzjoni jridu jinkitbu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi fuq l-iskrin numru tar-reġistrazzjoni li trid tiktbu u tiftakru – dan ikun in-numru ta' referenza tiegħek f'kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek.

Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm – in-numru huwa l-konferma li d-dejta tiegħek ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Kun af li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Jekk għandek xi diżabbiltà li ma tippermettilekx li tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) fuq il-karta bil-posta rreġistrata f'dan l-indirizz: European Commission, Directorate-General for Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, SC11 8/59, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË,, u indika b'mod ċar bħala referenza: Vacancy for an Executive Director of the European Asylum Support Office (EASO) (COM/2015/20010), u l-ittra trid tkun ittimbrata mhux aktar tard mid-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni Ewropea tkun bil-posta. F’dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat, maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek. Għandek tispjega wkoll, fuq karta separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija d-9 ta’ Ottubru 2015 f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, peress li konġestjoni qawwija fuq l-internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' aktar iddaħħal dejta. Reġistrazzjonijiet bil-posta elettronika normali li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett tal-applikanti jew ta’ xi ħadd ieħor li jaġixxi f’isimhom mal-membri ta’ dawn il-kumitati tal-għażla huwa pprojbit.

Il-protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija u l-Bord tat-Tmexxija tagħha se jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (6).


(1)  ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.

(2)  Fil-curriculum vitae (CV) tagħhom il-kandidati għandhom jindikaw tal-inqas għal dawn il-ħames snin x'tip ta' esperjenza maniġerjali tkun inkisbet: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali miżmuma; (2) l-għadd ta’ persunal amministrat f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits amministrati; (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel; u (5) l-għadd ta’ persunal fl-istess livell.

(3)  http://ec.europa.eu/languages/policy/linguistic-diversity/official-languages-eu_mt.htm

(4)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(5)  Il-bord tal-għażla jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi ta' din il-lingwa.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.