4.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/2


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2015/C 255/02)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, diment li jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikulari li tintuża biss id-denominazzjoni taż-2 euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħrajn taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f'termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita : L-Istat tal-Belt tal-Vatikan

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : It-VIII Laqgħa Dinjija tal-Familji

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri żewġ familji li idealment jgħannqu d-dinja kollha. Fin-naħa ta' fuq, is-sena tal-ħruġ “2015”. Fuq in-naħa tax-xellug, isem l-artist “C. Principe”. Il-marka taz-zekka R tidher fuq driegħ wieħed mill-membri tal-familja fuq il-lemin. Id-disinn huwa mdawwar bl-iskrizzjoni “VIII INCONTRO MONDIALE DELLE FAMIGLIE” (It-VIII Laqgħa Dinjija tal-Familji), mix-xellug għal-lemin f'nofs tond u “CITTA' DEL VATICANO” isfel.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu :

Data tal-ħruġ : Ottubru 2015


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).