15.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 231/1


SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA' INTERESS

Aġenti kuntrattwali fil-qasam tas-sorveljanza u l-prevenzjoni — grupp ta' funzjoni I (GF I)

(2015/C 231 A/01)

 

I.   DAĦLA

Il-Parlament Ewropew qed iniedi din is-sejħa għal espressjoni ta' interess bl-għan li jistabbilixxi bażi ta' data tal-kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala aġenti kuntrattwali (grupp ta' funzjoni I) fil-qasam tas-sorveljanza u l-prevenzjoni.

Il-proċedura ta' selezzjoni se tiġi organizzata bl-assistenza teknika tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).

Il-bażi ta' data se tintuża mill-Parlament Ewropew. L-impjiegi se jkunu bbażati l-aktar fil-Lussemburgu, iżda wkoll fi BrussellStrasburgu, skont il-ħtiġijiet tas-servizzi tal-istituzzjoni.

Is-selezzjonijiet tal-aġenti kuntrattwali ġeneralment jattiraw numru kbir ta' kandidati kwalifikati li jgħaddu b'suċċess is-selezzjoni. Għalhekk, il-kandidati jridu jkunu konxji tal-fatt li n-numru ta' ismijiet fil-bażi ta' data jista' jeċċedi l-ħtiġijiet tal-istituzzjoni.

In-numru ta' impjiegi disponibbli huwa madwar 300. L-aġenti kuntrattwali li se tingħatalhom offerta ta' xogħol se jiġu rreklutati skont l-arranġamenti indikati fit-taqsima VIII ta' din is-sejħa għal espressjoni ta' interess.

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn l-aġenti huma definiti mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg) (1).

Ir-remunerazzjoni bażika ta' kull xahar (grad I, skala 1) hija ta' EUR 1  862,54. Mar-remunerazzjoni bażika jistgħu eventwalment jiżdiedu benefiċċji u allowances previsti mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni.

Ir-remunerazzjoni hija soġġetta għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor stabbiliti mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni. Ir-remunerazzjoni hija eżentata minn kull taxxa nazzjonali.

L-aġenti kuntrattwali jiġu rreklutati fuq medda ġeografika kemm jista' jkun wiesgħa fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri, mingħajr distinzjoni ta' oriġini razzjali jew etnika, twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, età jew diżabilità, sess jew orjentazzjoni sesswali u indipendentement mill-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja tagħhom.

Kull referenza, f'din is-sejħa għal espressjoni ta' interess, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

II.   DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET

L-aġent kuntrattwali se jkun inkarigat li jassisti amministratur f'tim magħmul minn aġenti ta' sorveljanza u prevenzjoni, li r-responsabilità tiegħu hi li japplika l-miżuri ta' sigurtà tal-Parlament Ewropew, jilqa' u jinforma lill-Membri, il-persunal statutorju u l-mistednin tagħhom skont ir-regoli dwar it-titoli u l-awtorizzazzjonijiet li jagħtu aċċess għall-bini tal-Parlement Ewropew.

Taħt l-awtorità tal-uffiċjal responsabbli u abbażi tad-direttivi ġenerali u tad-deċiżjonijiet tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, l-aġent kuntrattwali se jwettaq il-funzjonijiet ta' sorveljanza, prevenzjoni u protezzjoni tal-persuni u tal-oġġetti fi ħdan il-bini tal-Parlament Ewropew.

Hu se jkun inkarigat b'mod speċjali li jwettaq il-kompiti dettaljati hawn taħt:

jiffiltra u jikkontrolla l-aċċess tal-persuni u tal-oġġetti permezz ta' scanners u walk-through metal detectors;

jiġġestjona malajr u b'mod effikaċi sitwazzjonijiet speċifiċi, fejn xieraq permezz tar-rikonoxximent viżwali tal-Membri, il-persunal statutorju, il-fornituri tas-servizzi u l-viżitaturi;

iwettaq rondi ta' sigurtà ġewwa l-bini tal-istituzzjoni;

iwettaq il-kontroll tas-sigurtà tal-posta, pakketti u kunsinni;

jieħu kull inizjattiva meħtieġa biex jiggarantixxi servizz kontinwu u professjonali fi ħdan l-istituzzjoni,

jintervjeni f'każ ta' twissija u allarm ta' nar billi jsegwi l-proċeduri stabbiliti mis-servizzi kompetenti u japplika l-istruzzjonijiet ta' bażi rigward il-prevenzjoni u t-tifi tan-nar;

jagħti l-ewwel għajnuna lil kull min ikun fil-bżonn;

iwettaq diversi kompiti amministrattivi (tfassil ta' rapporti, klassifikazzjoni, word processing, statistiki, kodifikazzjoni, arkivjar u aġġornament tal-fajls).

Uħud mill-aġenti rreklutati fil-qasam tas-sorveljanza u l-prevenzjoni jistgħu jiġu offruti taħriġ fil-qasam tal-prevenzjoni ta' nirien, fejn fi tmiemu jistgħu jkollhom kariga ta' ħaddiem tat-tifi tan-nar.

Il-Parlament Ewropew jinsisti fuq il-kapaċità tal-kandidati li jitrattaw firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet differenti, jirreaġixxu malajr u b'mod kalm għall-bidliet taċ-ċirkostanzi u jikkomunikaw b'mod effikaċi. Huma jridu jkunu kapaċi jaħdmu regolarment b'mod intensiv, b'mod indipendenti jew f'tim, f'ambjent multikulturali.

Il-Parlament Ewropew se jipprovdi lill-aġenti ta' sorveljanza u prevenzjoni uniformi tas-servizz. Din l-uniforma se jkollha l-badge tal-istituzzjoni.

L-aġent kuntrattwali jista' jkollu jwettaq servizz ta' żewġ xifts, tliet xifts, u fejn xieraq, jaħdem bil-lejl u fit-tmiem il-ġimgħa.

III.   KALENDARJU INDIKATTIV TAL-PROĊEDURA

Il-ġestjoni tal-proċedura se titwettaq mill-Parlament Ewropew b'kollaborazzjoni mal-EPSO, bl-għajnuna ta' bord ta' selezzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew.

Il-kalendarju indikattiv huwa dan li ġej:

selezzjoni skont il-kwalifiki: Settembru 2015,

tħabbir tar-riżultati: Ottubru 2015.

IV.   KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

Fid-data tal-għeluq stabbilita għall-applikazzjoni elettronika, il-kandidati għandhom jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

A.   Kundizzjonijiet ġenerali

a)

ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

b)

igawdu d-drittijiet ċiviċi tagħhom,

c)

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta' reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

d)

jipproduċu r-referenzi ta' karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet previsti.

B.   Kundizzjonijiet partikolari

I.   Kwalifiki

Tlestija b'suċċess tal-edukazzjoni obbligatorja, iċċertifikata b'diploma jew ċertifikat.

II.   Esperjenza professjonali/għarfien meħtieġ

Il-kandidati għandhom ikunu kisbu, wara t-tlestija b'suċċess tal-edukazzjoni obbligatorja, esperjenza professjonali ta' mill-anqas sentejn b'rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni, is-sigurtà pubblika jew privata, is-sorveljanza, it-tħaris, l-akkoljenza jew il-protezzjoni tal-persuni pubbliċi.

III.   Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandhom ikollhom għarfien profond (livell C1  (2)) ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1 – lingwa prinċipali) (3), kif ukoll għarfien sodisfaċenti (livell B2) tal-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż (lingwa 2). Il-lingwa 2 għandha tkun differenti mil-lingwa 1.

Waqt l-applikazzjoni, il-kandidati jistgħu jagħżlu bħala l-lingwa prinċipali (lingwa 1) lingwa waħda biss mit-23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma mhux se jkunu jistgħu jbidlu l-għażla tal-lingwa tagħhom wara li jivvalidaw il-formola tal-applikazzjoni elettronika tagħhom.

Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja) fil-Kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana/il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew jista' jillimita l-għażla tal-lingwi 2 għal numru limitat ta' lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Il-kandidati huma għalhekk informati li l-lingwi 2 magħżulin għall-finijiet ta' din is-sejħa għal espressjoni ta' interess ġew definiti skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi li r-reklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih u kapaċi jikkomunikaw b'mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta' kuljum. Inkella, il-funzjonament effikaċi tal-istituzzjoni jirriskja li jkun serjament ostakolat.

Abbażi tal-prattika li ilha għaddejja tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni rigward il-lingwi ta' komunikazzjoni interna, u b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-lingwi l-aktar użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż, u l-Ġermaniż huma bil-kbir l-aktar lingwi 2 magħżula mill-kandidati fil-kompetizzjonijiet u fi proċeduri oħra ta' selezzjoni, meta dawn ikollhom il-possibilità li jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom. Dan jikkonferma l-livell ta' studju u l-kompetenzi professjonali li jistgħu jkunu verament mistennija mill-kandidati għal pożizzjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta' mill-anqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, fl-ibbilanċjar tal-interessi tas-servizzi u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, b'kunsiderazzjoni tal-qasam speċifiku ta' din is-sejħa għal espressjoni ta' interess, huwa ġustifikat li jiġi mitlub l-għarfien ta' waħda minn dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi garantit, tkun liema tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, li l-kandidati kollha jkollhom għarfien tajjeb ta' mill-inqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali bħala lingwa tax-xogħol.

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn it-tliet lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra, li trid tkun waħda minn dawn it-tliet lingwi. Għalhekk il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi tippermetti lill-Parlament Ewropew li jivvaluta l-kapaċità tal-kandidati li jkunu operattivi minnufih f'ambjent li jkun qrib dak li se jkunu mitluba jaħdmu fih.

IV.   Ħiliet

Ikunu rigorużi, kreattivi, u japprezzaw il-ħidma f'tim multikulturali,

ikunu disponibbli u flessibbli,

ikollhom ħiliet interpersonali tajbin u jkunu diplomatiċi, edukati, kunfidenti u diskreti,

jieħdu inizjattiva u jkollhom ħila ta' versatilità u organizzazzjoni.

V.   PROĊEDURA U L-ISKADENZA TAL-APPLIKAZZJONI

Il-kandidati għandhom japplikaw b'mod elettroniku fis-sit tal-internet tal-EPSO f'dan l-indirizz li ġej http://europa.eu/epso/apply/jobs/index_en.htm u jsegwu l-istruzzjonijiet li jinsabu hemm, b'mod partikolari, fil-manwal ta’ applikazzjoni onlajn. Il-formola ta' applikazzjoni għandha timtela' bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

Il-kandidati huma mistennija jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-applikazzjoni elettronika titlesta qabel l-iskadenza. Huwa rrakkomandat li l-kandidati ma jħallux għall-aħħar biex japplikaw għaliex jekk il-linji jkunu eċċezzjonalment okkupati jew jekk ikun hemm problema fil-konnessjoni tal-internet, il-kandidati jkollhom jirrepetu l-applikazzjoni elettronika u dan ikun impossibbli ladarba jiskadi l-ħin.

Ladarba tiġi vvalidata, l-applikazzjoni ma tistax tiġi modifikata għaliex id-data tiġi pproċessata minnufih mill-Parlament Ewropew, f'kollaborazzjoni mal-EPSO, għall-organizzazzjoni tas-selezzjoni.

SKADENZA TAL-APPLIKAZZJONIJIET (validazzjoni inkluża):

it-3 ta' Settembru 2015 f'nofsinhar (ħin ta' Brussell).

VI.   STADJI TAS-SELEZZJONI

Is-selezzjoni hija organizzata abbażi tal-kwalifiki biss u abbażi tal-eżaminazzjoni tat-tweġibiet dettaljati fit-taqsima “Talent screener” li tinsab fil-formola ta' applikazzjoni.

Il-kriterji applikati għas-selezzjoni huma dawn li ġejjin:

1.

taħriġ fil-qasam tas-sigurtà u s-sorveljanza li jkun sar wara l-edukazzjoni obbligatorja;

2.

ċertifikat/diploma fil-qasam tal-ewwel għajnuna u/jew tat-tifi tan-nar (pereżempju ċ-ċertifikat tal-protezzjoni kontra n-nar, iċ-ċertifikat tal-ewwel għajnuna) maħruġa minn awtorità kompetenti rikonoxxuta;

3.

esperjenza/taħriġ fl-użu tal-apparat/istallazzjonijiet u t-tagħmir ta' sigurtà (skanner tal-bagalji, walk-through metal detectors, CCTV, pakketti suspettużi eċċ);

4.

taħriġ/esperjenza fl-użu tal-għodda tal-uffiċċju (word processor, email, intranet, spreadsheets, aġenda elettronika);

5.

il-pussess ta' ċertifikat ta' approvazzjoni ta' sigurtà nazzjonali u/jew Ewropea;

6.

apparti l-esperjenza minima meħtieġa ta' sentejn fil-qasam, esperjenza professjonali addizzjonali fil-qasam tal-prevenzjoni, is-sigurtà pubblika u/jew privata, is-sorveljanza, it-tħaris, l-akkoljenza jew il-protezzjoni tal-persuni pubbliċi;

7.

apparti l-esperjenza minima meħtieġa ta' sentejn fil-qasam, esperjenza professjonali addizzjonali fil-qasam tat-tifi tan-nar jew tal-ewwel għajnuna;

8.

esperjenza miksuba f'organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali jew f'ambjent multikulturali jew multinazzjonali;

9.

għarfien (minimu ta' livell intermedjarju (A2)) ta' waħda jew diversi lingwi oħra tal-UE (differenti mil-lingwi 1 u 2 iddikjarati skont il-punt IV. B. III. tas-“Sejħa għal espressjoni ta' interess”).

Il-bord ta' selezzjoni se japplika piż għal kull mistoqsija tat-“Talent screener” fuq skala minn 1 sa 3. Imbagħad jagħti minn 0 sa 4 punti għal kull waħda mit-tweġibiet dettaljati tat-“Talent screener”. Il-marka finali se tinkiseb billi jiġu mmultiplikati l-punti mogħtija għal kull tweġiba skont il-piż previst għall-mistoqsija korrispondenti.

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet pprovduti fl-applikazzjoni ma jkunux eżatti, il-kandidat jiġi eskluż mill-proċedura.

VII.   IR-RIŻULTATI TAS-SELEZZJONI

Ir-riżultati tas-selezzjoni se jiġu ppubblikati fil-kont tal-EPSO tal-kandidati.

L-ismijiet tal-600 kandidat li jkunu kisbu l-aktar punti (4) fi tmiem is-selezzjoni u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u partikolari kif indikat fit-taqsima IV punt A. u B. ta' dan l-avviż se jiddaħħlu fil-bażi ta' data u mhux se jiġu ppubblikati b'mod ieħor. L-aċċess għall-bażi ta' data se jkun miftuħ għall-Parlament Ewropew. Il-bażi ta' data se tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2018.

VIII.   REKLUTAĠĠ

L-iskrizzjoni fil-bażi ta' data mhijiex garanzija ta' reklutaġġ.

Jekk ikun hemm possibilità ta' kuntratt, is-servizzi ta' reklutaġġ se jikkonsultaw il-bażi ta' data u jistiednu l-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-eżiġenzi tal-impjieg ikkonċernat.

Dawn il-kandidati jagħmlu intervista sabiex jiġi vvalutat jekk il-profil tagħhom jikkorrispondix għall-impjieg disponibbli. Waqt din l-intervista, l-għarfien lingwistiku (lingwa 1 u lingwa 2) se jiġi wkoll ivvalutat.

Il-kandidati mistiedna għandhom jipprovdu, għall-intervista, id-dokumenti kollha li jagħtu prova li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta' dan l-avviż, li mingħajrhom ma jistgħux jiġu offruti impjieg.

Skont ir-riżultat ta' din l-intervista, il-kandidati jistgħu jiġu proposti offerta ta' xogħol.

Il-kuntratt jiġi stabbilit skont l-Artikoli 3a, 84 u 85 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni. Il-kuntratt ikollu dewmien inizjali ta' sena (1) u jkun jista' jiġġedded għal dewmien ta' sena (1).

It-tieni tiġdid għal dewmien indeterminat jista' jingħata biss wara l-kisba ta' approvazzjoni ta' sigurtà mogħti mis-servizzi tal-Parlament Ewropew.

IX.   KOMUNIKAZZJONI

Il-Parlament Ewropew se jikkuntattja l-kandidati permezz tal-kont tal-EPSO tagħhom jew permezz tal-email. Hija r-responsabilità tagħhom li jsegwu l-iżvilupp tal-proċedura u li jivverifikaw l-informazzjoni li tikkonċernahom billi jikkonsultaw il-kont tal-EPSO tagħhom u l-email personali tagħhom b'mod regolari, tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa. Jekk, minħabba problema teknika, il-kandidati ma jkunux jistgħu jivverifikaw din l-informazzjoni, hija r-responsabilità tagħhom li jinfurmaw dan il-fatt minnufih permezz tal-indirizz elettroniku tal-proċedura

ACprevention2015@ep.europa.eu

Għal kull komunikazzjoni oħra dwar il-proċedura, ikun xieraq li tintbagħat email f'dan l-indirizz elettroniku.

Sabiex tiġi garantita ċ-ċarezza u l-komprensjoni tat-testi ġenerali u l-korrispondenza mibgħuta lill-kandidati u rċevuta mingħandhom, kull korrispondenza bejn il-Parlament Ewropew u l-kandidati se tkun biss bil-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż.

X.   RAĠUNIJIET TA' SKWALIFIKA MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI

Il-Parlament Ewropew jiżgura bir-reqqa li l-prinċipju tal-ugwaljanza tat-trattament jiġi rispettat. Għalhekk, jekk fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, il-Parlament Ewropew jinnota li kandidat ħoloq diversi kontijiet tal-EPSO jew aktar minn applikazzjoni waħda għal din il-proċedura ta' selezzjoni jew li pprovda dikjarazzjonijiet foloz, hu jiġi skwalifikat mill-proċedura ta' selezzjoni.

Kull frodi jew tentattiv ta' frodi jista' jkun punibbli b'sanzjoni. F'dan ir-rigward, il-kandidati għandhom jinnotaw li l-persuni tal-ogħla integrità biss jiġu reklutati mill-istituzzjonijiet.

XI.   KUNDIZZJONIJIET SPEĊJALI

Il-kandidati li għandhom diżabilità jew li jinsabu f'sitwazzjoni partikolari li jistgħu jikkawżalhom diffikultajiet waqt l-intervista għandhom jimmarkaw il-kaxxa prevista għal dan l-għan fil-formola tal-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni utli sabiex jippermettu lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex tieħu, jekk ikun possibbli, il-miżuri kollha neċessarji.

XII.   PROĊEDURI TA' RIEŻAMI/APPELL

Il-kandidati li jqisu li deċiżjoni affettwathom b'mod negattiv jistgħu jitolbu li jsir rieżami ta' din id-deċiżjoni, jappellaw jew jippreżentaw ilment lill-Ombudsman Ewropew (5).

Talbiet ta' rieżami

Talba għal rieżami, għandha tiġi indirizzata:

jew permezz ta' email lill-indirizz elettroniku tal-proċedura:

ACprevention2015@ep.europa.eu

jew permezz ta' faks lil dan in-numru: + 32 2 28 31717

fi żmien għaxart ijiem li jibdew jgħoddu mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tas-selezzjoni fil-kont tal-EPSO tal-kandidati. It-tweġiba se tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata mill-aktar fis possibbli.

Appelli (din il-possibilità hija miftuħa fl-istadji kollha tal-proċedura ta' selezzjoni)

Il-kandidati jistgħu jagħmlu lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li għandu jiġi indirizzat lil:

M. le Secrétaire général

Parlement européen

Bât. Konrad Adenauer

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati fuq id-diskrezzjoni kbira li jgawdu minnha l-bordijiet ta' selezzjoni, li jaġixxu b'mod indipendenti, u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jinbidlu mill-Awtorità tal-Ħatra. Id-diskrezzjoni kbira tal-bordijiet ta' selezzjoni hija soġġetta għall-kontroll biss f'każ ta' ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw il-ħidma tal-bord ta' selezzjoni. F'dan l-aħħar każ, id-deċiżjoni tal-bord tista' titressaq direttament quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea anke jekk ma jkun sar l-ebda lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Talba għal appell lil:

Tribunal de la fonction publique de l'Union européenne

2925 Luxembourg

LUXEMBOURG,

abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Uffiċjali.

Din il-possibilità hija miftuħa biss għad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord ta' selezzjoni.

F'każ ta' deċiżjonijiet amministrattivi li jirrifjutaw l-aċċess għall-proċedura ta' selezzjoni minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet ta' ammissjoni kif stipulat fit-titolu IV B. ta' dan l-avviż, jista' jsir appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea biss wara li jsir ilment kif imsemmi hawn fuq.

It-talba għal appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea teħtieġ b'mod obbligatorju l-intervent ta' avukat li jista' jeżerċita quddiem ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-limiti ta' żminijiet imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Uffiċjali (6) u li japplikaw għal dawn iż-żewġ tipi ta' appelli jibdew jgħoddu, jew min-notifika tad-deċiżjoni inizjali li taffettwa b'mod negattiv jew, fil-każ biss ta' talba għal rieżami, mid-data tan-notifika tat-tweġiba inizjali tal-bord ta' selezzjoni għal din it-talba.

Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew

Bħal kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati jistgħu jagħmlu lment lil:

Médiateur européen

1 avenue du Président Robert Schuman

BP 403

67001 STRASBOURG CEDEX

FRANCE,

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994).

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati fuq il-fatt li l-ilmenti li jsiru lill-Ombudsman ma jdewmux il-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għat-tressiq ta' appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u riċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Jekk jogħġbok irreferi għas-sit tal-Europass, aċċessibbli permezz tal-link li ġej: http://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr

(3)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: il-Ġermaniż (DE), l-Ingliż (EN), il-Bulgaru (BG), il-Kroat (HR), id-Daniż (DA), l-Ispanjol (ES), l-Estonjan (ET), il-Finlandiż (FI), il-Franċiż (FR), il-Grieg (EL), l-Ungeriż (HU), l-Irlandiż (GA), it-Taljan (IT), il-Latvjan (LV), il-Litwan (LT), il-Malti (MT), in-Netherlandiż (NL), il-Pollakk (PL), il-Portugiż (PT), ir-Rumen (RO), is-Slovakk (SK), is-Sloven (SL), l-Isvediż (SV) u ċ-Ċek (CS).

(4)  Jekk diversi kandidati jkunu kisbu l-istess numru ta' punti għall-aħħar post, il-bord jaċċetta l-kandidati kollha ex aequo.

(5)  Talbiet għal rieżami, appell jew ilment lill-Ombudsman Ewropew ma jwaqqfux il-ħidma tal-bord ta' selezzjoni.

(6)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.