30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/6


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2015/C 143/07)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona sħiħa tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, ġaladarba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita : Malta

Is-suġġett ta’ kommemorazzjoni : L-ewwel titjira minn Malta

Deskrizzjoni tad-disinn : Il-munita tfakkar pass importanti fl-istorja tal-avjazzjoni Maltija — 100 sena mill-ewwel titjira minn Malta. Kien fit-13 ta’ Frar 1915 li l-Kaptan Kilmer tar mill-Port il-Kbir fuq idroplan li kien fuq l-HMS Ark Royal. L-ajruplan niżel fil-port wara titjira ta’ 55 minuta. Il-munita turi l-idroplan tal-Kaptan Kilmer bil-Ponta tal-Isla, fattizz prominenti fil-Port il-Kbir, fl-isfond. Fin-naħa ta’ fuq hemm l-iskrizzjoni “L-EWWEL TITJIRA MINN MALTA” f’nofs ċirku. Fuq il-lemin is-snin “1915-2015”. Fil-qiegħ tax-xellug l-iskrizzjoni “IL-100 ANNIVERSARJU” u isfel nett hemm l-inizjali tad-disinjatur “NGB” (Noel Galea Bason).

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu :

Data tal-ħruġ : Marzu 2015


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-ewro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).