|
20.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 93/11 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2015/C 93/06)
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f'termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita : Il-Portugall
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : Il-500 sena mill-ewwel kuntatti mat-Timor, illum il-ġurnata pajjiż indipendenti fejn jiġi mitkellem il-Portugiż (Timor Leste)
Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri vapur tas-Seklu XVI, li jirrappreżenta l-wasla tal-baħħara Portugiżi fil-gżira, u saqaf ta' dar lokali tal-qasbija, bl-iskulturi tal-injam tipiċi, memorji permanenti ta' miti u leġġendi. Dak li jidher fuq il-munita jirrappreżenta l-istorja tal-ewwel abitanti, li waslu bid-dgħajjes minn partijiet oħrajn tal-kontinent Asjatiku, u l-importanza taż-żwiemel biex wieħed jivvjaġġa madwar il-muntanji għoljin li jgħattu l-biċċa l-kbira tal-gżira. Fin-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin, is-sena “1515” u l-isem tal-pajjiż li qed joħroġ il-munita “PORTUGAL”. Fil-qiegħ fuq ix-xellug, l-iskrizzjoni “Timor” u s-sena “2015”. Fil-qiegħ, il-firma tal-artist Fernando Fonseca.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu :
Data tal-ħruġ : Lulju 2015
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).