|
20.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 93/9 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2015/C 93/04)
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita : Ir-Repubblika Taljana
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : is-750 anniversarju mit-twelid ta’ Dante Alighieri 1265-2015
Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri lil Dante bi ktieb miftuħ f’idu x-xellugija u l-muntanja tal-Purgatorju fl-isfond: dettall mill-illustrazzjoni tal-Kummiedja Divina mpittra minn Domenico di Michelino (1417-1491) fil-koppla ta’ S. Maria del Fiore f’Firenza; fin-nofs, il-monogramma tar-Repubblika Taljana, “RI”; fuq il-lemin, l-iskrizzjoni “R”, għaz-Zekka ta’ Ruma; fil-qiegħ, l-iskrizzjoni “SP”, l-inizjali ta’ Silvia Petrassi u d-dati “1265 2015”, jiġifieri s-sena tal-anniversarju u tal-ħruġ tal-munita rispettivament; f’forma ta’ arkata, l-iskrizzjoni “DANTE ALIGHIERI”.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu : 3,5 miljun
Data tal-ħruġ : Lulju 2015
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).