4.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/16


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.7403 — CSSC Investment/Wärtsilä Dutch Holding/Wärtsilä Switzerland)

Każ li jista’ jitqies għall-proċedura simplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/C 434/08)

1.

Fis-26 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi China State Shipbuilding Corporation (“CSSC”, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina), ultimament ikkontrollata mill-istat Ċiniż, u Wärtsilä Corporation (“Wärtsilä”, il-Finlandja) jakkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt tal-impriża Wärtsilä Switzerland Ltd (“WCH”, l-Isvizzera) permezz tax-xiri ta’ ishma. Bħalissa, WCH hija kkontrollata unikament minn Wärtsilä.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal CSSC: CSSC hija l-kumpanija prinċipali ta’ waħda mill-akbar konglomerati għall-bini tal-vapuri fiċ-Ċina (il-Grupp CSSC), li topera diversi tarznari, manifatturi ta’ tagħmir marbut tal-baħar, instituti tar-riċerka u kumpaniji marbuta mal-bini ta’ vapuri kif ukoll attivitajiet fil-qasam tal-ajruspazju, il-kostruzzjoni, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-petrokimiċi, inġinerija idrolika, il-ħarsien tal-ambjent, il-metallurġija, il-ferroviji u l-industrija ħafifa;

—   għal Wärtsilä: Wärtsilä hija l-kumpanija prinċipali tal-Grupp Wärtsilä li hija attiva fil-provvista ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija fiċ-ċiklu komplet għas-swieq tal-baħar u tal-enerġija. Il-Grupp Wärtsilä jissupplixxi l-enerġija tal-vapuri lill-bennejja, is-sidien u l-operaturi tal-valuri u stallazzjonijiet fuq il-baħar. Huwa għandu netwerk ta’servizzi globali għall-makkinarju tal-vapuri tal-klijenti f’kull stadju tal-ħajja tal-magna, u jipprovdi impjanti tal-enerġija, servizzi operattivi u ta’ trattament tul il-ħajja ta’ magna fil-ġenerazzjoni tal-enerġija diċentralizzata;

—   għal WCH: WCH hija attiva fl-iżvilupp u l-liċenzjar tat-teknoloġija tal-makni tal-vapuri b’veloċità baxxa 2-stroke.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati biex iressqula l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-fax (+32 22964301), permezz tal-e-Mail lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.7403 — CSSC Investment/Wärtsilä Dutch Holding/Wärtsilä Switzerland, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.