12.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 397/3


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2014/C 397/04

Image

Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-EUR 2, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn Spanja

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinni tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti : Spanja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : Is-Siti Dinjija tal-Wirt Kulturali u Naturali tal-Unesco — L-Għar ta’ Altamira

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri fuq quddiem it-tpinġija tal-biżonti mill-Għar ta’ Altamira li jinsab fil-Kantabrija. Fin-naħa ta’ fuq tal-immaġni, f’sens ċirkolari u b’ittri kbar il-kelma “ESPAÑA”, fil-parti ta’ isfel is-sena tal-ħruġ “2015” u fuq il-lemin hemm il-marka taz-zekka.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Numru ta’ muniti li għandhom jinħarġu :

Data tal-ħruġ : L-1 ta’ Frar 2015.


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).