29.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/4


Wiċċ nazzjonali ġdid ta' muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2014/C 383/05)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha, bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li jridu jkunu muniti taż-EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita : Malta

Is-Suġġett tal-kommemorazzjoni : L-Indipendenza ta' Malta fl-1964

Deskrizzjoni tad-disinn : Il-munita li tfakkar il-kostituzzjoni tal-Indipendenza ta' Malta fl-1964 hija r-raba' waħda f'serje ta' ħames muniti li jfakkru passi kostituzzjonali importanti fl-istorja ta' Malta. Permezz tal-kostituzzjoni tal-1964 Malta saret nazzjon indipendenti għall-ewwel darba wara mijiet ta’ snin ta' ħakma barranija. In-naħa nazzjonali tal-munita turi dettall tal-monument tal-bronż li jfakkar l-Independenza li kien iddisinjat mill-artist Gianni Bonnici fl-1989. Dan juri mara żagħżugħa, li tirrappreżenta lil Malta, iżżomm il-bandiera Maltija. Fuq il-lemin, f’nofs ċirku, hemm il-kitba “MALTA – Independence 1964” u isfel hemm is-sena tal-ħruġ “2014”.

Iċ-ċirku ta' barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta' muniti li għandhom jinħarġu :

Data tal-ħruġ : Ottubru 2014


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).