28.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 382/1 |
SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA/31/2014
Programm Erasmus+, Azzjoni Ewlenija 3 — Appoġġ għar-Riforma Politika
Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u ż-Żgħażagħ
(2014/C 382/01)
INTRODUZZJONI
Il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ hija essenzjali biex jinħoloq sens wiesa' ta' responsabbiltà fir-rigward tal-istrateġiji u l-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja, u biex jitqiesu l-ideat u t-tħassib tal-partijiet interessati fil-livelli kollha. Hija importanti biex jiżdied l-għarfien dwar l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir u postijiet tax-xogħol, il-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020), aġendi ta' politiki speċifiċi bħall-proċess ta' Bolonja fl-Edukazzjoni Għolja jew il-proċess ta' Bruges u Kopenħagen fl-Edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Dan huwa vitali biex jinkiseb l-involviment ta' partijiet interessati għall-implimentazzjoni ta' riformi ta' politika fil-pajjiżi differenti, għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm Erasmus+ u fi Programmi oħra Ewropej u għat-tixrid ta' riżultati ta' politika u programmi u prattika tajba permezz tan-netwerks estensivi tagħhom ta' sħubija.
F'dan il-qafas, din is-Sejħa għal proposti tipprovdi finanzjament permezz taż-żewġ Lottijiet li ġejjin:
|
Jekk jogħġbok innota li organizzazzjoni tista' tissottometti applikazzjoni waħda skont din is-Sejħa għal proposti, jew għal-Lott 1 jew għal-Lott 2, iżda mhux għat-tnejn.
ELEMENTI KOMUNI APPLIKABBLI GĦAŻ-ŻEWĠ LOTTIJIET
1. Objettivi ġenerali
L-objettiv ta' din is-Sejħa huwa li tingħata għajnuna strutturali, imsejħa għotja operattiva, lil organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej (ENGOs) u lil netwerks fl-UE attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew fil-qasam taż-żgħażagħ u li jsegwu l-għanijiet ġenerali li ġejjin:
— |
Ikun hemm għarfien minn partijiet interessati dwar aġendi ta' politiki Ewropej fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, l-aktar dwar Ewropa 2020, Edukazzjoni u Taħriġ 2020, aġendi ta' politiki speċifiċi bħall-proċessi ta' Bolonja jew ta' Bruges u Kopenħagen, kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. |
— |
Jiżdiedu l-impenn u l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati ma' awtoritajiet pubbliċi għall-implimentazzjoni ta' politiki u riformi fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u taż-żgħażagħ, b'mod partikolari tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżi maħruġin skont il-qafas tas-Semestru Ewropew; |
— |
Tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ; |
— |
Tingħata spinta lill-involviment tal-partijiet interessati fit-tixrid ta' azzjonijiet u riżultati u prattika tajba ta' politiki u Programmi fost il-membri tagħhom u lil hinn minnhom. |
Dawn l-għanijiet għandhom ikunu inkorporati b'mod ċar fil-pjanijiet tax-xogħol, l-attivitajiet u r-riżultati tanġibbli tal-organizzazzjonijiet applikanti.
2. Eliġibbiltà
2.1. Applikanti eliġibbli
Din is-Sejħa hija miftuħa għal żewġ kategoriji ta' korpi:
— Kategorija 1: Organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej (ENGO) fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew fil-qasam taż-żgħażagħ;
— Kategorija 2: Netwerks fl-UE kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew fil-qasam taż-żgħażagħ.
Organizzazzjoni tista' tissottometti applikazzjoni waħda, jew għal kategorija 1 jew għal kategorija 2.
Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti għandhom:
— |
Ikunu mhux governattivi; |
— |
Ma jkollhomx skop ta' qligħ; |
Jekk jogħġbok irreferi għad-definizzjonijiet dettaljati taż-żewġ kategoriji ta' applikanti eliġibbli mogħtijin għal kull Lott.
La Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ u lanqas organizzazzjonijiet li jkollhom ħafna Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ bħala membri (2/3 jew aktar) mhuma eliġibbli għal din is-Sejħa.
2.2. Pajjiżi eliġibbli
Applikazzjonijiet minn entitajiet legali stabbiliti f'wieħed mill-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli:
— |
L-Istati Membri tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit; |
— |
Il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jagħmlu parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja; |
— |
Pajjiżi kandidati li għalihom tkun twaqqfet strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fi ftehimiet qafas li jkunu ntlaħqu ma' dawk il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fi Programmi tal-UE: l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija. |
3. Arranġamenti ta' finanzjament
Din is-sejħa għal proposti toffri l-opportunità ta' applikazzjoni għal
— |
Ftehimiet Qafas ta' Sħubija (għal Lottijiet 1 u 2) u għal |
— |
Għotjiet Operattivi Annwali (Lott 2 — Żgħażagħ biss). F'dan il-każ, l-organizzazzjoni tista' tissottometti applikazzjoni waħda, għal Ftehim Qafas ta' Sħubija jew għal Għotja Operattiva Annwali. |
3.1. Ftehim Qafas ta' Sħubija
Il-Ftehimiet Qafas ta' Sħubija jkopru l-kooperazzjoni fit-tul fil-livell Ewropew. Dan it-tip ta' ftehim jifformalizza s-sħubija għal tliet snin.
L-applikazzjonijiet għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija għandhom jinkludu:
— |
programm tax-xogħol dettaljat fuq 12-il xahar (programm ta' ħidma annwali) għall-2015 flimkien mal-informazzjoni meħtieġa biex tiġi kkalkulata l-għotja (ara l-Linji Gwida għall-Applikanti, taqsima 11.2); |
— |
pjan ta' azzjoni għal tliet snin li jkopri l-perjodu 2015-2017. |
Il-pjan ta' azzjoni għal tliet snin għandu jistabbilixxi strateġija li tinkludi l-objettivi, ir-riżultati mistennija u r-riżultati tanġibbli għall-perjodu 2015-2017, kemm globali kif ukoll għal kull waħda mit-tliet snin, kif ukoll l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati biex jiggarantixxu l-kisba tagħhom.
Il-programm annwali ta' xogħol għandu jkun ibbażat fuq il-pjan ta' azzjoni stabbilit għall-perjodu 2015-2017 u għandu jkun il-bażi għall-għoti ta' għotja operattiva annwali speċifika għal kull waħda mit-tliet snin baġitarji kkonċernati. Il-konsistenza u l-komplementarjetà bejn l-elementi pluriennali u annwali tal-programm għandhom jintwerew b'mod ċar.
3.2. Għotja Operattiva Annwali (applikabbli għal Lott 2 — Żgħażagħ)
L-Għotjiet Operattivi Annwali jiffukaw fuq il-kooperazzjoni ta' terminu qasir fil-livell Ewropew.
L-applikazzjonijiet għall-Għotjiet Operattivi Annwali għandhom jinkludu programm tax-xogħol dettaljat fuq 12-il xahar (programm tax-xogħol annwali) għall-2015 flimkien mal-informazzjoni meħtieġa biex tiġi kkalkulata l-għotja.
4. Kriterji għall-għoti
Il-kwalità tal-applikazzjonijiet eliġibbli tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin (1):
— |
Rilevanza (massimu 30 punt); |
— |
Kwalità tat-tifsila u tal-implimentazzjoni tal-pjan tax-xogħol (massimu 20 punt); |
— |
Profil, għadd ta' parteċipanti u pajjiżi involuti fl-attivitajiet (massimu 20 punt); |
— |
Impatt, tixrid u sostenibbiltà (massimu 30 punt). |
Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, il-proposti għandu jkollhom
— |
mill-anqas 60 punt globalment u |
— |
mill-anqas nofs tal-punti massimi f'kull wieħed mill-kriterji għall-għoti msemmijin hawn fuq (15-il punt għall-kriterji “Rilevanza” u “Impatt, tixrid u sostenibbiltà”, 10 punti għall-kriterji “Kwalità tat-tifsila u tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma” u “Profil, għadd ta' parteċipanti u pajjiżi involuti fl-attivitajiet”). |
5. Baġit
Din is-Sejħa għal proposti għandha l-għan li jintgħażlu organizzazzjonijiet biex jintlaħqu ftehimiet annwali għal għotjiet operattivi li jkopru s-sena tal-baġit 2015.
Il-baġit totali allokat fis-sena 2015 għal din is-sejħa (Lottijiet 1 u 2) huwa ta' EUR 6 300 000.
L-Aġenzija tirriserva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.
6. Sottomissjoni ta' applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet għandhom isiru billi tintuża formola onlajn ta' applikazzjoni għal għotja (eForm).
L-eForm tista' tinkiseb bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fl-indirizz li ġej fuq l-Internet:
http://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/eacea312014-civil-society-cooperation_en
u għandha titlesta kif imiss f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.
L-eForm mimlija kif xieraq għandha tintbagħat onlajn sa 12.00 (nofsinhar, ħin ta' Brussell) tas-17/12/2014 u tkun tinkludi l-anness rilevanti (2):
— |
Dikjarazzjoni ta' unur |
L-annessi addizzjonali obbligatorji (3) għandhom jintbagħtu b'email lill-Aġenzija sal-istess skadenza.
7. Informazzjoni addizzjonali
Applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet li hemm fil-Linji gwida għall-Applikanti — Sejħa għal proposti EACEA/31/2014, li tinsab fuq l-Internet fl-indirizz li ġej:
http://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/eacea312014-civil-society-cooperation_en
ELEMENTI SPEĊIFIĊI
LOTT 1
Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili: Edukazzjoni u Taħriġ
1. Objettivi speċifiċi
L-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu mistennija li jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji u attivitajiet innovattivi, immirati u kreattivi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi u l-azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:
Promozzjoni ta' eċċellenza u innovazzjoni, permezz ta' approċċi ta' tagħlim formali, mhux formali u informali u dispożizzjonijiet dedikati għal min jitgħallem dwar kompetenzi bażiċi u trasversali, inklużi lingwi, kompetenzi diġitali u intraprenditorjali; żieda fl-għarfien dwar approċċi edukattivi innovattivi bħal Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER) u Korsijiet Massivi Miftuħa Onlajn (MOOCs); ħolqien ta' ambjenti ta' tagħlim miftuħa u sħubiji transettorjali ta' partijiet interessati;
Ġestjoni tan-nassa ta' ħiliet baxxi billi jkun iffaċilitat l-investiment effiċjenti u sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ; promozzjoni ta' analiżi u dibattiti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali biex jiġu esplorati jew żviluppati approċċi innovattivi ta' finanzjament; żieda fil-livelli ta' otteniment u minimizzazzjoni tar-rati tal-abbandun bikri mill-iskola; titjib fl-attrattività tal-ambjenti tat-tagħlim, iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet u rotot flessibbli jew alternattivi ta' tagħlim; żvilupp ta' Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET) ta' kwalità li jinvolvi t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, traineeships jew apprendistati, allinjament ta' politiki mal-istrateġiji tal-iżvilupp ekonomiku; modi ġodda ta' kwalifikazzjoni f'oqsma li jistgħu jkunu ta' tkabbir jew f'oqsma b'nuqqas ta' kompetenza; titjib fl-opportunitajiet indaqs għal aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, inkluż dawk li jitgħallmu li ġejjin minn ambjenti żvantaġġjati; promozzjoni ta' approċċi innovattivi ta' gwida u konsulenza;
Għajnuna lil ġenerazzjoni ġdida ta' edukaturi bit-titjib fil-profil professjonali tal-għalliema, il-ħarrieġa, l-edukaturi għalliema u l-mexxejja tal-iskola, b'titjib fl-għażla, ir-reklutaġġ u ż-żamma, edukazzjoni inizjali effettiva, għajnuna fil-bidu fil-karriera, tagħlim u żvilupp professjonali tul il-karriera, feedback u inċentivi pedagoġiċi; stimulazzjoni tat-tagħlim bejn il-pari u ta' komunitajiet ta' tagħlim; titjib fil-ġbir tad-dejta u l-analiżi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ;
Rikonoxximent u valur għall-kompetenzi permezz tal-għodod Ewropej għat-trasparenza u r-rikonoxximent tat-tagħlim preċedenti — inkluż ir-riżultati tat-tagħlim mhux formali u informali — u tal-esperjenza; nies ta' kull età mgħammra b'kompetenzi aħjar u iżjed rilevanti permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, inkluż l-aġġornament u t-titjib tal-kompetenzi ta' adulti b'ħiliet baxxi; tfassil, twassil u evalwazzjoni tal-korsijiet billi jitqiesu l-projezzjonijiet tal-kompetenzi u t-tkabbir u d-dejta dwar l-impjiegi; l-iżvilupp ta' rotot ta' tagħlim interdixxiplinari.
Il-pjan tax-xogħol għandu juri b'mod ċar il-potenzjal u l-kapaċità tal-organizzazzjoni biex tiġġenera impatti konkreti mill-anqas fi tnejn minn dawn l-oqsma.
2. Korpi applikanti
Korpi biss li jkunu jaqblu mad-definizzjonijiet imsemmijin hawn taħt jitqiesu eliġibbli skont il-Lott 1:
Kategorija 1: Organizzazzjoni Ewropea mhux governattiva (ENGO)
Fil-kuntest ta' Lott 1, ENGOs iridu:
— |
jkunu attivi fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020), mill-anqas f'wieħed mis-setturi li ġejjin — edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, edukazzjoni tal-iskola, edukazzjoni ogħla, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, tagħlim għall-adulti — jew mill-anqas f'wieħed mill-oqsma transettorjali ewlenin bħall-ICT, il-lingwi, l-edukazzjoni intraprenditorjali, eċċ. |
— |
Jirrappreżentaw mill-anqas grupp wieħed ewlieni ta' partijiet interessati bħal studenti, għalliema/ħarrieġa/mexxejja tal-iskola, fornituri tat-tagħlim, ġenituri, eċċ. |
— |
Jaħdmu permezz ta' struttura magħrufa formalment, magħmula minn (a) korp/segretarjat Ewropew (l-applikant) stabbilit legalment għal mill-anqas sentejn f'Pajjiż Eliġibbli fid-data meta tintbagħat l-applikazzjoni u minn (b) organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali (4) f'mill-anqas 12-il Pajjiż Eliġibbli li jkollhom rabta statutorja mal-korp/segretarjat Ewropew. |
— |
Ikunu indipendenti minn awtoritajiet pubbliċi, partiti politiċi u organizzazzjonijiet kummerċjali. |
— |
Ikollhom mill-anqas membru wieħed tal-persunal b'salarju (ekwivalenti għal full-time). |
Kategorija 2: Netwerk fl-UE kollha (netwerk formali)
Fil-kuntest ta' Lott 1, netwerk fl-UE kollha huwa organizzazzjoni umbrella li jaqgħu taħtha organizzazzjonijiet Ewropej mhux governattivi (ENGOs kif definiti fil-kategorija 1). L-ispeċifiċità ta' dan in-netwerk fl-UE kollha hija li l-membri tiegħu huma NGOs huma stess fil-livell Ewropew. Għalhekk, organizzazzjoni umbrella Ewropea tirrappreżenta numru kbir ħafna ta' partijiet interessati Ewropej u tkopri firxa wiesgħa ta' dominji ta' politika. Huwa għandu:
— |
Ikun magħmul minn ENGOs legalment awtonomi kif definiti fil-kategorija 1 u jkunu attivi fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET 2020); |
— |
Jissodisfa t-tliet rekwiżiti li ġejjin:
|
— |
Ikun stabbilit formalment, jiġifieri jkollu personalità ġuridika u jkun ilu reġistrat legalment għal mill-anqas sentejn f'Pajjiż eliġibbli fid-data meta tintbagħat l-applikazzjoni (applikanti għandhom jibagħtu kopja tal-artikoli ta' assoċjazzjoni tal-organizzazzjoni tal-applikant u ċertifikat uffiċjali ta' reġistrazzjoni); |
— |
Ikollu minimu ta' 20 organizzazzjoni membru (ENGOs kif definiti fil-kategorija 1); |
— |
Ikun indipendenti minn awtoritajiet pubbliċi, partiti politiċi u organizzazzjonijiet kummerċjali; |
— |
Ikollu mill-anqas membru wieħed tal-persunal b'salarju (ekwivalenti għal full-time). |
3. ATTIVITAJIET
Attivitajiet eliġibbli għandu jkollhom rabta diretta mal-objettivi ġenerali u speċifiċi ta' din is-Sejħa u għandhom ikunu dettaljati fi programm ta' ħidma annwali.
Din li ġejja hija lista indikattiva mhux eżawrjenti:
— |
Attivitajiet li jħaffu l-aċċess u l-parteċipazzjoni ta' partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' politika tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; |
— |
Skambji ta' esperjenza u prattika tajba; netwerking u sħubijiet ma' partijiet interessati oħra; |
— |
Formazzjoni ta' kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet membri, inkluż tagħlim bejn il-pari, taħriġ, konsulenza, gwida u attivitajiet ta' coaching biex titjieb l-effikaċja tal-azzjonijiet ta' politika; |
— |
Inizjattivi u avvenimenti għall-iżvilupp tas-sħubija tal-ENGO/netwerk fl-UE kollha; |
— |
Studji, analiżi, stħarriġ u rapporti tematiċi u speċifiċi għal pajjiżi dwar il-prijoritajiet tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 (Semestru Ewropew, Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għal Pajjiżi) u tal-qafas strateġiku ET 2020; |
— |
Attivitajiet ta' żieda fl-għarfien, informazzjoni, tixrid u promozzjoni (seminars, workshops, kampanji, laqgħat, dibattiti pubbliċi, konsultazzjonijiet, eċċ.) dwar prijoritajiet ta' politika tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dwar l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE (Programmi Ewropej — b'mod partikolari Erasmus+, Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment) biex jgħinu dawn il-prijoritajiet. Attivitajiet li jistabbilixxu sinerġiji bejn Erasmus+ u sorsi oħra ta' finanzjament mill-UE jew nazzjonali/reġjonali huma mħeġġa. |
— |
Proġetti ta' kooperazzjoni biex jiżdied l-impatt tal-politika fuq il-gruppi u/jew sistemi fil-mira; |
L-attivitajiet jistgħu jsiru f'livell Ewropew, transkonfinali, nazzjonali, reġjonali jew lokali
4. Baġit
Il-baġit totali tal-UE fl-2015 għall-kofinanzjament tal-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ huwa EUR 2 500 000.
Bħala indikazzjoni:
— |
Korpi tal-kategorija 1 (ENGOs) jgħoddu madwar 90 % tal-baġit disponibbli għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ; |
— |
Netwerks ta' ENGOs tal-kategorija 2 jgħoddu madwar 10 % tal-baġit disponibbli għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ. |
L-għotja operattiva massima annwali fl-2015 taħt Ftehim Qafas ta' Sħubija għal tliet snin tkun:
|
Kategorija 1: Organizzazzjoni Ewropea mhux governattiva (ENGO)
|
|
Kategorija 2: Netwerks fl-UE kollha
|
LOTT 2
Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili: Żgħażagħ
1. Objettivi speċifiċi
L-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ li se jkunu megħjuna skont din is-Sejħa jkunu mistennija ljagħmlu attivitajiet bil-għan li:
— |
Issir promozzjoni għal impjiegi għaż-żgħażagħ, l-aktar permezz ta' attivitajiet li jrawmu l-iżvilupp ta' kompetenzi u ħiliet permezz ta' edukazzjoni mhux formali; |
— |
Jitrawwem it-tisħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà u titrawwem il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; |
— |
Jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali taż-żgħażagħ fl-Ewropa; |
— |
Jikkontribwixxu għall-iżvilupp tax-xogħol taż-żgħażagħ f'livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali; |
— |
Jikkontribwixxu għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta' politika u l-iżvilupp tagħhom li jolqtu ż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f'livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali; |
— |
Jagħtu promozzjoni lil tagħlim interkulturali, lir-rispett għad-diversità u l-valuri tas-solidarjetà, opportunitajiet indaqs u d-drittijiet tal-bniedem fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa; |
— |
Jippromwovu l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet fis-soċjetà. |
2. Korpi applikanti
Fil-kuntest tal-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
Kategorija 1: L-Organizzazzjoni Ewropea mhux governattiva (ENGO) għandha:
|
|
Kategorija 2: Netwerk fl-UE kollha (netwerk informali) għandu:
|
3. Attivitajiet
Il-korpi applikanti għandhom jippreżentaw pjan konsistenti ta' xogħol li jintegra attivitajiet mingħajr skop ta' qligħ, immexxijin miż-żgħażagħ li jkunu adatti biex ikunu segwiti l-objettivi tas-Sejħa.
L-aktar:
— |
Programmi mhux formali u informali ta' tagħlim u attivitajiet immirati lejn iż-żgħażagħ u l-ħaddiema żgħażagħ; |
— |
Attivitajiet għal żvilupp kwalitattiv ta' xogħol għaż-żgħażagħ; |
— |
Attivitajiet għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' mezzi ta' għarfien u trasparenza fil-qasam taż-żgħażagħ; |
— |
Seminars, laqgħat, workshops, konsultazzjonijiet, dibattiti minn żgħażagħ dwar politiki għaż-żgħażagħ u/jew suġġetti Ewropej; |
— |
Konsultazzjonijiet taż-żgħażagħ li jiddaħħlu fid-Djalogu Strutturat tal-qasam taż-żgħażagħ; |
— |
Attivitajiet għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika; |
— |
Attivitajiet għall-promozzjoni ta' tagħlim interkulturali u ta' għarfien fl-Ewropa; |
— |
Attivitajiet tal-midja u tal-komunikazzjoni u mezzi dwar iż-żgħażagħ u affarijiet Ewropej. |
4. Baġit
Il-baġit totali tal-UE għall-kofinanzjament tal-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ huwa EUR 3 800 000.
Bħala indikazzjoni:
— |
Korpi tal-kategorija 1 (ENGOs) dedikati esklussivament għaż-żgħażagħ jgħoddu madwar 70 % tal-faxxa tal-baġit li hemm għaż-żgħażagħ; |
— |
Korpi tal-kategorija 1 (ENGOs) li jkollhom skop usa' iżda li jkollhom taqsima dedikata għaż-żgħażagħ jgħoddu madwar 10 % tal-faxxa tal-baġit li hemm għaż-żgħażagħ; |
— |
Korpi tal-kategorija 2 (netwerks fl-UE kollha) dedikati esklussivament għaż-żgħażagħ jgħoddu madwar 20 % tal-faxxa tal-baġit li hemm għaż-żgħażagħ. |
L-għotja operattiva massima annwali tkun:
|
Kategorija 1: Organizzazzjoni Ewropea mhux governattiva (ENGO)
|
|
Kategorija 2: Netwerks mal-UE kollha
|
(1) Għal aktar dettalji dwar il-kriterji għall-għoti, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 9 tal-Linji gwida għall-Applikanti.
(2) Kull dokument amministrattiv ieħor meħtieġ fil-Linji gwida għall-Applikanti għandu jintbagħat b'email lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura sas-17/12/2014 (nofsinhar, ħin ta' Brussell) fl-indirizz e-Mail li ġej: Lott 1: EACEA-CIVIL-EDU@ec.europa.eu — Lott 2: EACEA-YOUTH@ec.europa.eu.
(3) Għal aktar dettalji dwar l-annessi li għandek tissottometti, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 14 tal-Linji gwida għall-Applikanti
(4) L-ENGO għandha tipprovdi evidenza li l-organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali kollha għandhom rabtiet statutorji mal-korp/segretarjat Ewropew.