10.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 217/1


IL-BORD UNIKU TA' REŻOLUZZJONI

AVVIŻ TA' POST BATTAL

PRESIDENT TAL-BORD

COM/2014/10359

2014/C 217 A/01

 

Il-Bord

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (“il-Bord”) bħala parti mill-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR), se jkun wieħed mill-elementi ewlenin tal-Unjoni Bankarja l-ġdida tal-Ewropa, flimkien mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. L-Unjoni Bankarja hija essenzjali biex is-swieq bankarji tal-Ewropa jaħdmu aħjar, u biex tinkiser ir-rabta bejn il-banek u l-finanzi nazzjonali.

Il-MUR huwa mfassal biex jipprovdi lill-Ewropa b’qafas effiċjenti u effettiv għar-riżoluzzjoni tal-banek u jiżgura li r-regoli tar-riżoluzzjoni jiġu applikati b'mod konsistenti fiż-Żona tal-Euro u fi Stati Membri oħra parteċipanti fl-Unjoni Bankarja.

Il-Bord se jwettaq kompiti speċifiċi biex iħejji u jwettaq ir-riżoluzzjoni ta' bank li jkun qed ifalli jew li probabbli li jfalli. Se jkun stabbilit Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni taħt il-kontroll tal-Bord biex jiżgura li jkun hemm appoġġ ta' fondi disponibbli fuq perjodu medju filwaqt li tkun qed tiġi ristrutturata u/jew riżolta istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-post battal: President

Il-Kummissjoni Ewropea qed torganizza proċedura tal-għażla għall-pożizzjoni ta’ President tal-Bord. Il-post tal-impjieg ikun Brussell (il-Belġju), fejn il-Bord se jkollu s-sede tiegħu.

Din il-proċedura ta’ għażla hija suġġetta għall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-MUR. Dan tal-aħħar huwa mistenni fit-tielet kwart tal-2014.

Il-President ikun ir-rappreżentant legali u l-immaġni pubblika tal-Bord u jkun responsabbli quddiem is-sessjoni plenarja tiegħu.

Hu jkun responsabbli li:

jaġixxi bħala kap u rappreżentant legali tal-Bord;

iħejji x-xogħol tal-Bord u jlaqqa’ u jippresjedi s-sessjonijiet plenarji u eżekuttivi tiegħu;

jimmaniġġja l-Bord u jieħu r-responsabbiltà globali għall-operazzjonijiet tiegħu, inkluż il-persunal kollu u l-kwistjonijiet baġitarji, l-implimentazzjoni tal-programm annwali ta’ ħidma, u l-amministrazzjoni ta’ kuljum;

jippreżenta r-rapport annwali tal-Bord, dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija lilu skont ir-Regolament dwar il-MUR, lill-Parlament Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

jieħu sehem f’seduti ta' smigħ li jsiru mill-Kunsill wara talba mingħandu stess dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti ta’ riżoluzzjoni tal-Bord;

jipparteċipa wara talba mill-Parlament, f’seduti ta’ smigħ dwar dwar l-eżekuzzjoni tal-Bord tal-kompiti ta’ riżoluzzjoni tiegħu mill-kumitati parlamentari kompetenti; u, wara talba, jorganizza diskussjonijiet kunfidenzjali orali mal-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti fejn tali diskussjonijiet huma meħtieġa biex il-Parlament jeżerċita s-setgħat tiegħu skont it-Trattat; kif ukoll

jipparteċipa, wara stedina mill-parlament nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, fi skambji ta’ fehmiet, flimkien ma’ rappreżentant tal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, dwar ir-riżoluzzjoni tal-entitajiet fl-Istat Membru inkwistjoni.

Il-President ikun megħjun minn Viċi President u minn persunal dedikat.

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Sabiex jitqiesu għall-fażi tal-għażla, l-kandidati jridu jilħqu l-kriterji formali li ġejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

Lawrja jew diploma universitarja: ikollhom

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar; jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b'diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża mal-esperjenza professjonali postuniversitarja meħtieġa hawn taħt);

Esperjenza professjonali: (1) ikollhom mill-inqas 20 sena esperjenza postuniversitarja wara l-kisba tal-kwalifika msemmija hawn fuq;

Esperjenza professjonali rilevanti: mill-20 sena esperjenza professjonali, il-kandidati jridu jkunu kisbu mill-inqas ħames snin ta' esperjenza f'oqsma rilevanti għas-superviżjoni, ir-ristrutturazzjoni jew ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u r-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji;

Esperjenza ta' maniġment f'livell għoli: ikollhom mill-inqas ħames snin ta' esperjenza professjonali ta' tmexxija ta' organizzazzjoni f'pożizzjoni eżekuttiva ta' livell għoli (2); kif ukoll

Lingwi: irid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' mill-inqas lingwa uffiċjali oħra (3).

Ma hemm l-ebda limitu ta' età.

Kriterji tal-għażla

Il-kandidati għandu jkollhom:

għarfien profond tas-settur bankarju u finanzjarju;

esperjenza mill-aqwa f'waħda jew aktar minn dawn l-oqsma: is-superviżjoni, ir-ristrutturazzjoni jew ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjari, ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji;

għarfien tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, kif ukoll proċessi Ewropej u internazzjonali oħra rilevanti għall-attivitajiet tal-Bord;

esperjenza ta’ suċċess fi rwol eżekuttiv, fit-tmexxija ta' organizzazzjoni b’għanijiet ambizzjużi u kompiti kumplessi u fid-direzzjoni tagħha għall-kisba tal-għanijiet tagħha;

il-kapaċità li jiżviluppaw u jimplimentaw viżjoni strateġika;

sens ta’ responsabbiltà u inizjattiva mill-aqwa;

ħiliet ippruvati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operattiv;

ħiliet ta' komunikazzjoni u interpersonali eċċellenti;

ħiliet ta’ negozjar eċċellenti u l-abbiltà li jibnu relazzjonijiet ta’ ħidma b'fiduċja ma’ rappreżentanti għolja tal-partijiet ikkonċernati rilevanti; kif ukoll

għarfien tajjeb tal-Ingliż u ħiliet eċċellenti ta’ preżentazzjoni

Esperjenza ppruvata f’pożizzjoni ta’ tmexxija f’Bank Ċentrali jew Awtorità tar-Riżoluzzjoni tkun ta’ vantaġġ.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Il-President irid jaġixxi b’mod indipendenti u fl-interess tal-Unjoni biss u la jista' jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni Ewropea, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat.

Ladarba jinħatar, se jkun professjonista full-time u ma jista’ jkollu ebda uffiċċju ieħor fuq livell nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali.

Qabel il-ħatra tiegħu ikun meħtieġ li jissottometti:

dikjarazzjoni ta’ impenn li se jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku; kif ukoll

dikjarazzjoni fir-rigward ta’ kull tip ta’ interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu/tagħha.

Il-kandidati jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

L-GĦAŻLA U L-ĦATRA

1.

Il-Kummissjoni Ewropea twaqqaf bord tal-għażla li jivvaluta l-applikazzjonijiet kollha. Il-kandidati li huma kkunsidrati li għandhom il-profil l-aktar xieraq għall-funzjoni ta’ President tal-Bord se jissejħu għal intervista ma’ dan il-bord tal-għażla.

2.

Wara dawn l-intervisti, il-bord tal-għażla jfassal l-ewwel lista ta’ kandidati, ibbażata fuq il-merti tagħhom u l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ post battal.

3.

Dawn il-kandidati jiġu mistiedna għal intervista ma’ wieħed jew aktar mill-Membri tal-Kummissjoni Ewropea.

4.

Fuq il-bażi tar-riżultat ta’ dan il-proċess ta’ għażla, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista mqassra ta’ kandidati xierqa għall-funzjoni ta’ President tal-Bord. Din il-lista mqassra tintbagħat lill-Parlament Ewropew; fl-istess ħin, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiġi mgħarraf.

5.

Il-Kummissjoni Ewropea mbagħad tibgħat proposta għall-ħatra tal-President tal-Bord lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni.

6.

Wara l-approvazzjoni ta’ din il-proposta, il-Kunsill jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex jaħtar lill-President tal-Bord. Il-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Il-kandidati jistgħu jintalbu jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq.

Din is-sejħa għal applikazzjonijiet hija l-bażi li fuqha l-proposta tal-Kummissjoni għall-ħatra tal-President tal-Bord lill-Parlament Ewropew tiġi stabbilita. L-inklużjoni fil-lista mqassra li tiġi trażmessa lill-Parlament Ewropew jew fil-proposta għal ħatra mhijiex garanzija ta’ ħatra. Il-kandidati għandhom jinnutaw li ladarba l-lista mqassra tiġi adottata mill-Kummissjoni, din għandha mnejn tkun disponibbli għall-pubbliku.

Opportunitajiet indaqs

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea japplikaw politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċettaw applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta' natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Il-President jinħatar għal perjodu inizjali ta’ tliet snin, li jista’ jiġi estiż għal ħames snin oħra, kif stipulat fir-Regolament dwar il-MUR.

Il-President jitqies fuq l-istess livell tal-ViċiPresident tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-emolumenti u l-età pensjonabbli, kif stipulat fir-Regolament Nru 422/67/KEE (4). Is-salarju tiegħu jkun ibbaż at fuq il-grad AD16, livell 3, suġġett għal fattur ta' moltiplikazzjoni ugwali għal 125 % tas-salarju għal dak il-grad u l-livell. (5) Madankollu, hu ma jkunx soġġett għal età massima tal-irtirar. Għall-kundizzjonijiet tal-impjieg l-oħra kollha, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra japplikaw b’analoġija.

Il-post tal-impjieg huwa Brussell (il-Belġju) fejn se jkun ibbażat il-Bord.

KIF TAPPLIKA

Jekk jogħġbok ħu nota:

Il-pożizzjoni tal-President hija ppubblikata flimkien mal-funzjoni ta’ Viċi President u erba’ funzjonijiet ta’ Membru tal-Bord. Jekk tixtieq tapplika għal kwalunkwe waħda minn dawn il-funzjonijiet l-oħra (Viċi-President jew Membru tal-Bord) jkollok bżonn tagħmel applikazzjonijiet separati.

Qabel ma tippreżenta applikazzjoni, jekk jogħġbok ivverifika bir-reqqa jekk tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibilità kollha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ kwalifiki meħtieġa kif ukoll tal-esperjenza professjonali u maniġerjali.

L-applikazzjonijiet għandhom isiru permezz tal-internet fil-websajt:

https://ec.europa.eu/dgs/human-riżorsi/seniormanagementvacancies/

Tista' tagħmel dan billi toħloq profil u ssegwi l-istruzzjonijiet.

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu validi, trid ittella’ CV f’format Word jew PDF, u tikteb ittra ta’ motivazzjoni onlajn (massimu ta’ 8  000 karattru) bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex jiġi kkonfermat il-ħolqien tal-fajl tiegħek u biex tkun infurmat bl-eżitu tal-proċedura tal-għażla. Jekk jogħġbok informa lill-Kummissjoni Ewropea f'każ li l-indirizz tal-posta elettronika tiegħek jinbidel.

Hekk kif tlesti l-applikazzjoni tiegħek, int tirċievi numru ta’ reġistrazzjoni; żomm dan in-numru, peress li jintuża biex tiġi kkuntattjat matul il-proċedura tal-għażla. Meta tirċievi numru ta’ reġistrazzjoni, tkun taf li tkun irreġistrajt id-dejta kollha b’mod korrett u li l-proċess tal-applikazzjoni huwa mitmum.

Jekk ma tirċievi l-ebda numru ta' reġistrazzjoni, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress ta' kull applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għażla, il-komunikazzjonijiet kollha lill-kandidati dwar din il-proċedura tal-għażla jkunu bl-Ingliż biss.

Tistenniex sal-aħħar ftit jiem qabel l-iskadenza biex tapplika, peress li konġestjoni qawwija fuq l-Internet jew diffikultajiet ta’ konnessjoni jista’ jwassal għal problemi.

Kull kwistjoni għal aktar informazzjoni jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, għandhom jintbagħtu bl-e-mail lil: HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.

Kandidati b'diżabbiltà li ma tippermettilhomx jirreġistraw onlajn, jistgħu jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) bil-posta rreġistrata  (6), b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni suss egwenti bejn il-kandidat u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati jridu jehmżu ċertifikat, maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jiċċertifika d-diżabbiltà tagħhom. Il-kandidati għandhom isemmu wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li jaħsbu li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-selezzjoni.

Data tal-Għeluq

Data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet: it-3 ta’ Settembru 2014. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara 12:00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li testendi d-data tal-għeluq ta’ dan il-post battal permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss.

Protezzjoni ta' dejta personali

Il-Kummissjoni u l-Bord se jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (7).


(1)  L-esperjenza professjonali tingħadd mid-data li fiha l-kandidat ikun kiseb il-kwalifika minima għal aċċess għall-profil inkwistjoni. Attivitajiet professjonali dokumentati kif xieraq biss (jiġifieri impjieg imħallas jew impjieg indipendenti) jiġu kkunsidrati. Xogħol part-time se jitqies fi proporzjon mal-perċentwal ta’ sigħat ta’ xogħol full-time maħduma. Perjodi ta’ edukazzjoni jew taħriġ u apprendistati bla ħlas ma jitqisux. Boroż ta' studju, attività ffinanzjata permezz ta’ għotjiet kif ukoll Dottorati jistgħu jitqiesu bħala esperjenza professjonali sa massimu ta’ tliet snin.

(2)  Il-kandidati huma mitluba espliċitament li għal kull pożizzjoni ta' maniġment/ta' tmexxija miżmuma jindikaw: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet miżmuma; (2) l-għadd ta’ persunal li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits immaniġjati; u (4) l-għadd ta' livelli ġerarkiċi fuqhom u taħthom u l-għadd ta' kollegi fl-istess livell.

(3)  Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).

(4)  Ir-Regolament Nru 422/67/KEE: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1967R0422:20040501:EN:PDF kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom), Nru 904/2012; http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2012:269:0001:0002:MT:PDF.

(5)  Ara l-Artikolu 66 tar-REGOLAMENT Nru 31(KEE), 11(KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 45, 14.6.1962, p. 1385).

(6)  Indirizz: European Commission, Directorate General Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, SC11 8/35, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.