4.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 62/9 |
AVVIŻ TA' REKLUTAĠĠ PE/176/S — DIRETTUR
(Grupp ta' funzjonijiet AD, grad 14)
DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-FINANZI — DIRETTORAT GĦALL-BAĠIT U S-SERVIZZI FINANZJARJI
(2014/C 62 A/02)
1. Pożizzjoni battala
Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi l-proċedura biex timtela' din il-pożizzjoni battala ta' Direttur (1) (AD, grad 14) fid-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi — Direttorat għall-Baġit u s-Servizzi Finanzjarji, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (2) (minn issa 'l quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).
Din il-proċedura ta' għażla, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta' kandidati, se tiżvolġi b'mod parallel mal-proċeduri interni u interistituzzjonali ta' reklutaġġ.
Ir-reklutaġġ se jsir għall-grad AD14 (3). Is-salarju bażiku huwa ta' EUR 13 216,49 fix-xahar. Ma' dan is-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa Komunitarja u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.
Il-kandidati għandhom jinnutaw li dan l-impjieg huwa suġġett għar-Regolament dwar il-Politika ta' Mobilità adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fid-29 ta' Marzu 2004.
Dan l-impjieg jirrikjedi flessibilità, kuntatt frekwenti ma' nies fil-Parlament u barra minnu, kif ukoll mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Id-Direttur se jkun mitlub iwettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom..
2. Post tax-xogħol
Il-Lussemburgu. Dan l-impjieg huwa suġġett għal trasferiment f'xi wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.
3. Opportunitajiet indaqs
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiki ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
4. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Uffiċjal ta' livell għoli li, kif imfisser fil-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttorat Ġenerali, id-direttur għandu dawn id-dmirijiet (4):
— |
jiżgura l-funzjonament tajjeb ta' dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta' kompetenza tad-Direttorat, |
— |
imexxi, jistimula, jimmotiva u jikkoordina timijiet ta' aġenti jaħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li jiżgura servizz ta' kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni eċċ) fl-oqsma ta' attività tiegħu, |
— |
jippjana l-attivitajiet tad-Direttorat (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji); jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; jevalwa s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiġi garantita l-kwalità tagħhom, |
— |
jagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament dwar il-qasam ta' attività tiegħu, |
— |
jikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, jirrappreżenta lill-Istituzzjoni u jinnegozja kuntratti jew ftehimiet fil-qasam ta' attività tiegħu, |
— |
imexxi u jwassal fi tmiemhom il-proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji, |
— |
iwettaq il-funzjoni ta' uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega. |
5. Eliġibilità (profil meħtieġ)
Din il-proċedura ta' għażla hija miftuħa għall-kandidati kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet:
(a) Kundizzjonijiet ġenerali
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal il-kandidat jeħtieġ li:
— |
ikun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, |
— |
igawdi mid-drittijiet kollha tiegħu bħala ċittadin, |
— |
jissodisfa kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari, |
— |
jipprovdi r-referenzi għall-karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet previsti. |
(b) Kundizzjonijiet speċifiċi
(i) Kwalifiki, diplomi u esperjenza professjonali meħtieġa
— |
Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċertifikati b'diploma, meta l-perjodu normali ta' dawn l-istudji universitarji jkun ta' erba' snin jew aktar, jew |
— |
livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċertifikati b'diploma flimkien ma' esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena (5) meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun għall-inqas ta' tliet snin. |
— |
Esperjenza professjonali, ta' mill-inqas tnax-il sena, miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq, fosthom mill-inqas sitt snin ta' esperjenza maniġerjali. |
(ii) Għarfien meħtieġ
— |
Għarfien kulturali ġenerali eċċellenti tal-affarijiet Ewropej, |
— |
fehim eċċellenti ta' kwistjonijiet politiċi interni, nazzjonali u internazzjonali, |
— |
għarfien eċċellenti tal-metodi ta' tmexxija ta' organizzazzjoni kbira tas-settur pubbliku jew privat li tinkludi dimensjonijiet politiċi u ta' ġestjoni, |
— |
fehim tajjeb ħafna tal-kulturi differenti rappreżentati fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, |
— |
għarfien eċċellenti tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-organizzazzjoni u l-ambjent tiegħu u l-atturi varji, |
— |
għarfien eċċellenti tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-interpretazzjoni tagħhom u tar-regoli derivati, |
— |
għarfien eċċellenti tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli ta' applikazzjoni tagħhom u tar-regoli interni u testi oħra subordinati tal-Parlament Ewropew, |
— |
għarfien amministrattiv tajjeb ħafna (riżorsi umani, ġestjoni, baġit, finanzi, informatika, aspetti ġuridiċi, eċċ.), |
— |
għarfien eċċellenti tat-tekniki tal-immaniġġjar. |
(iii) Għarfien tal-lingwi
Il-pożizzjoni tesiġi għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) kif ukoll għarfien tajjeb ħafna ta' mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi.
Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta' lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
(iv) Kapaċitajiet meħtieġa
— |
Sens ta' strateġija, |
— |
kapaċità maniġerjali, |
— |
kapaċità ta' ppjanar bil-quddiem, |
— |
kapaċità ta' reazzjoni għall-avvenimenti, |
— |
approċċ metikoluż, |
— |
kapaċità ta' komunikazzjoni. |
6. Proċedura ta' għażla
Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-ħatra ta' uffiċjali għolja se jistabbilixxi l-lista ta' kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta' dawn il-persuni, il-Kumitat jagħmel l-intervisti u jissottometti r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F'dan il-qafas, il-Bureau jkun jista' jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.
7. Preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet
Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija
l-14 ta' Marzu 2014, fil-17.00 (ħin ta' Brussell).
Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta' e-Mail biss, fil-format pdf, ittra ta' motivazzjoni (à l'attention de Monsieur le Secrétaire général du Parlement européen, avis de recrutement numéro PE/176/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (7), fl-indirizz li ġej: EP-SENIOR-MANAGEMENT@ep.europa.eu
u dan jiġi kkonfermat mid-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-e-Mail.
Il-kandidati għandhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.
Il-kandidati li jissejħu għal intervista jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji (u fl-ebda forma oħra) tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attivitajiet li jeżerċitaw attwalment (8). Dawn id-dokumenti ġustifikattivi ma jingħatawx lura lill-kandidati.
Id-data ta' natura personali li jibagħtu l-kandidati, fil-qafas ta' din il-proċedura ta' għażla, se tkun trattata bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
(1) Kull referenza f'dan l-avviż għal persuna tas-sess maskili tinkludi wkoll persuna tas-sess femminili, u viċe versa.
(2) Ara r-Regolament (KEE, Euratom, CECA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).
(3) Meta jiġi reklutat, l-uffiċjal jingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.
(4) Għad-dmirijiet prinċipali, ara l-anness.
(5) Din is-sena ta' esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.
(6) Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, ċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.
(7) http://europass.cedefop.europa.eu/
(8) Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet.
ANNESS
DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-FINANZI
DIRETTORAT GĦALL-BAĠIT U S-SERVIZZI FINANZJARJI
DMIRIJIET PRINĊIPALI
(Dipartiment kompost minn 52 aġent, 19 AD u 33 AST)
— |
L-iżgurar tad-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet u s-servizzi tad-Direttorat |
— |
L-iżgurar tar-relazzjonijiet mal-korpi baġitarji |
— |
L-iżgurar tar-relazzjonijiet mal-Qorti tal-Awdituri |
— |
L-iżgurar, għas-Segretarju Ġenerali, tas-segwitu tar-rapporti ta' awditjar intern (RAI) |
— |
L-iżgurar, għas-Segretarju Ġenerali, tal-analiżi tar-rapporti annwali u perjodiċi tal-attivitajiet tal-uffiċjali awtorizzanti (RAA, RPA) |
— |
L-iżgurar, għas-Segretarju Ġenerali, tas-segwitu tal-pjanijiet ta' azzjoni li jirriżultaw mir-RAI u r-RAA. |
UNITÀ TAL-BAĠIT
L-iżgurar tal-preparazzjoni tal-baġit
— |
il-preparazzjoni ta' elementi relatati mal-approprjazzjonijiet u l-organigramma għall-istabbiliment tal-estimi (it-tfassil tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali fuq l-abbozz preliminari tal-estimi baġitarji (APEB) |
— |
il-preparazzjoni tal-abbozz ta' baġit, “Legal reporting” (LR) |
— |
it-tfassil ta' noti intiżi għas-Segretarju Ġenerali, għall-Bureau u għall-Kumitat għall-Baġits (BUDG) |
— |
il-preparazzjoni tal-baġits emendatorji u supplimentari (SAB) tas-snin kurrenti tal-Parlament Ewropew |
— |
l-iżgurar tal-osservanza tal-proċedura (kuntatti ma' BUDG u l-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali) |
— |
il-monitoraġġ tax-xogħlijiet relatati ma' Badge-Bud u l-informazzjoni tas-servizzi |
— |
il-preparazzjoni tal-previżjonijiet pluriennali tal-ispejjeż tal-Parlament. |
L-iżgurar tal-eżekuzzjoni tal-baġit
— |
l-iżgurar tas-segwitu, it-tfassil ta' direttivi, l-analiżi, ir-rapport tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet |
— |
il-verifika jew it-tfassil tat-talbiet ta' trasferimenti u ta' trasferimenti fost is-subpartiti |
— |
l-istabbiliment jew il-kontroll tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji |
— |
l-iżgurar tas-segwitu tad-delegi ta' uffiċjal awtorizzanti |
— |
l-analiżi tar-rapporti perjodiċi ta' attività. |
L-iżgurar tas-sostenn lill-uffiċjali awtorizzanti
— |
l-għoti ta' informazzjoni, għajnuna u pariri lis-servizzi awtorizzanti u t-tfassil ta' noti intiżi għall-uffiċjali awtorizzanti |
— |
it-taħriġ tal-uffiċjali awtorizzanti u l-maniġers fil-qasam baġitarju |
— |
il-ġestjoni tal-paġna tal-intranet, il-ġestjoni baġitarja |
L-iżgurar tal-preparazzjoni u l-osservanza tal-proċeduri ta' għeluq u ta' kwittanza
L-iżgurar tar-relazzjonijiet mal-Qorti tal-Awdituri
— |
il-preparazzjoni u s-segwitu tar-risposti għall-ittri ta' settur u r-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri |
— |
l-iżgurar tat-trażmissjoni tal-informazzjoni lill-Qorti tal-Awdituri bi qbil mar-Regolament Finanzjarju (RF) |
L-iżgurar tas-segwitu tar-riżoluzzjonijiet baġitarji
Il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Interistituzzjonali għall-Kwistjonijiet Baġitarji u Finanzjarji
L-osservanza tar-regolamentazzjoni finanzjarja u t-tfassil ta' abbozzi ta' provvediment leġiżlattiv
L-iżgurar tad-distribuzzjoni ta' diversi xogħlijiet: superviżjoni, koordinament, segretarjat, trasferiment, eċċ
UNITÀ TAL-KONTABILITÀ U T-TEŻOR
It-teżor
— |
L-iżgurar tal-eżekuzzjoni tajba tal-pagamenti u l-konfomità tal-operazzjonijiet tat-teżor tal-istituzzjoni mar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ir-regoli ta' applikazzjoni tagħhom u r-Regoli Interni tal-Parlament Ewropew. |
— |
L-iżgurar tal-ġestjoni tal-fornituri u l-fatturi tagħhom |
— |
L-iżgurar tal-ġestjoni tat-teżor tal-istituzzjoni (inklużi l-fondi ġenerali) |
— |
Il-ġestjoni tal-kontijiet bankarji fid-diversi applikazzjonijiet u l-aġġornar tat-tabella pubblika tal-korpi finanzjarji |
— |
L-iżgurar tal-ġestjoni tat-Teżor (riforniment bankarju) |
— |
Iż-żamma tal-kuntatti mal-banek u l-għoti ta' risposti għall-ilmenti. |
Kontabilità
— |
Il-konfomità tal-kontabilità uffiċjali tal-istituzzjoni mar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ir-regoli ta' applikazzjoni tagħhom u r-Regoli Interni tal-Parlament Ewropew. |
— |
It-tfassil tar-rendikonti finanzjarji u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni finanzjarja tal-baġit ta' kull xahar u annwali |
— |
Il-ġestjoni u t-titjib tas-sistemi ta' kontabilità tal-istituzzjoni |
— |
Il-ġestjoni tas-servizzi ta' ġbir (diversi debituri, aġenti esterni, gruppi politiċi, istituzzjonijiet oħra, VAT) u l-iżgurar tal-monitoraġġ tal-kont ta' kollegament mal-Kummissjoni |
— |
Il-ġestjoni u l-kontroll tal-kontijiet differenti |
— |
L-analiżi u s-sorveljanza tal-kontijiet tranżitorji kollha tal-kontabilità ġenerali |
— |
L-għoti ta' pariri lis-servizzi awtorizzanti, l-approvazzjoni tas-sistemi definiti mill-uffiċjal awtorizzanti sabiex jipprovdi informazzjoni dwar il-kontabilità |
— |
Iż-żamma tal-kuntatti mal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri |
— |
Il-ġestjoni tal-arkivji |
UNITÀ FINANZJARJA ĊENTRALI
Pariri lill-uffiċjali awtorizzanti
— |
L-għoti ta' assistenza u pariri lill-uffiċjal awtorizzanti prinċipali, b'mod partikolari għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni annwali tal-uffiċjal awtorizzanti b'delega prinċipali |
— |
Il-kontribut għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Uffiċjal Awtorizzanti b'Delega Prinċipali, stabbilit wara r-“Rapport annwali ta' attività”, kif ukoll rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Intern |
— |
L-għoti ta' pariri lill-uffiċjali awtorizzanti fir-rigward tat-testi appikabbli, l-interpretazzjoni tagħhom u l-proċeduri li għandhom jiġu osservati |
— |
L-iżgurar ta' helpdesk ta' kwalità f'ħin utli għall-utenti |
— |
L-organizzazzjoni u l-istimolu tal-laqgħat perjodiċi ta' informazzjoni man-netwerks differenti ta' atturi finanzjarji (uffiċjali awtorizzanti b'delega, amministraturi FINLORD, verifikaturi ex-ante, oriġinaturi) |
— |
L-iżgurar tal-koordinament FINLORD |
— |
Il-ksib ta' appoġġ u għarfien espert għall-kuntratti pubbliċi: segretarjat tal-Forum Kuntratti Pubbliċi, pubblikazzjoni fl-Internet u f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠUUE) tal-kuntratti u l-għotjiet aġġudikati; il-ġestjoni tal-bażi ta' data “Sistema Ta' Twissija Bikrija — Early Warning System” u s-segretarjat tal-grupp ta' kuntatt tiegħu “Awtorità ta' Kontroll għall-Aċċess għas-Swieq” |
— |
L-iżgurar tas-segretarjat tal-Awtorità Speċjalizzata fil-Qasam tal-Irregolaritajiet Finanzjarji |
— |
Il-kontribut għad-definizzjoni ta' standards minimi ta' kontroll intern, l-għoti ta' pariri fuq l-implimentazzjoni tagħhom u l-kontribut, jekk ikun il-każ, għar-reviżjoni tagħhom |
— |
L-għoti ta' għajnuna lill-uffiċjali awtorizzanti, fuq talba tagħhom, biex jiżviluppaw u jikkompletaw id-dmirijiet tagħhom ta' awtoevalwazzjoni tar-riskji |