|
22.2.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/11 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2014/C 51/05)
Il-wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta’ EUR 2, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn Spanja
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha, bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2) dwar dan, l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, notevolment li dawn ikunu biss muniti taż-2 euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita: Spanja
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Is-Siti Dinjija tal-Wirt Kulturali u Naturali tal-UNESCO – Park Güell
Deskrizzjoni tad-disinn: Il-munita turi fuq quddiem skultura ta' gremxula li tinsab fl-emblema ta' Park Güell u li ġiet iddiżinjata mill-arkitett Antoni Gaudí. Bħala sfond hemm dettall ta’ wieħed mill-paviljuni li jinsab fid-dħul għall-Park Güell. Fin-naħa ta’ fuq, f’sens ċirkolari u b’ittri kbar il-kliem “ESPAÑA” u “PARK GÜELL — GAUDÍ”. Fuq ix-xellug s-sena tal-ħruġ “2014” u fuq il-lemin il-marka taz-zekka.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 8 miljun
Data tal-ħruġ: Marzu 2014
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).