30.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/24


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.7157 – BPCE/GIMV/Veolia Transport Belgium)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/C 27/12)

1.

Fit-22 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża European Transport Holding Sàrl (“ETH”, il-Lussemburgu), sussidjarja kollha kemm hi proporjetà ta' Cube Transport SCA (“Cube”, il-Lussemburgu), li s-sieħba ġenerali tagħha (u l-amministratur) hija Natixis Environnement & Infrastructures Luxembourg SA (“NEIL”), hi stess proprjetà tal-Banques Populaires Caisses d’Epargne group (“BPCE”, Franza), fuq naħa, u ta' GIMV NV (“GIMV”, il-Belġju), fuq in-naħa l-oħra, għandhom l-intenzjoni li jakkwistaw fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt tal-impriża Veolia Transport Belgium NV (“VTB”, il-Belġju) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal ETH: ETH hija sussidjarja ta' Cube Infrastructure Fund, li hija fond ta' investiment speċjalizzat fl-intrastuttura u fis-servizzi pubbliċi, b'mod partikolari fil-qasam tat-trasport, il-provvista tal-enerġija, l-infrastrutturi tal-enerġija u tal-komunikazzjoni,

għal GIMV: GIMV hija kumpanija b'responsabbiltà limitata organizzata skont il-liġi tal-Belġju. Huwa kumpanija ta’ investiment fl-ekwità privat u l-kapital ta’ riskju b’portafoll ta’ madwar 85 kumpanija. Il-portafoll hu mifrux madwar pajjiżi Ewropej u setturi ta’ attività differenti,

għal VTB: VTB u s-sussidjarji tagħha huma attivi fis-suq Belġjan tat-trasport ta’ persuni bix-xarabank, inkluż it-traffiku tal-linja, it-traffiku tal-iskola, il-karozzi tal-linja mikrija, it-trasportazzjoni tal-persunal. Il-kumpanija toffri wkoll servizzi ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.7157 – BPCE/GIMV/Veolia Transport Belgium, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).