|
28.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 379/6 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2013/C 379/08)
Il-wiċċ nazzjonali ta' munita kommemorattiva ġdida taż-żewġ (2) euro intenzjonata għaċ-ċirkulazzjoni u maħruġa mill-Ġermanja
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha, bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Komunità li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, notevolment li dawn ikunu biss muniti taż-2 euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita: Il-Ġermanja
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Baden-Württemberg mis-serje “Lander”
Deskrizzjoni tad-disinn: Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi l-Monasteru ta' Maulbronn li fih jinsab l-aktar kumpless ta' monasteru medjevali ppreservat b'mod perfett fit-Tramuntana tal-Alpi. Imwaqqaf fl-1147, dan il-kumpless ilu Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1993. Fin-naħa ta' fuq, is-sena tal-ħruġ “2013”. Fuq in-naħa t’isfel l-iskrizzjoni BADEN-WÜRTTEMBERG u taħtha l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ “D”. Il-marka taz-zekka, rappreżentata mill-ittra A, D, F, G jew J, tinsab fuq in-naħa tal-lemin. Fil-qiegħ fuq ix-xellug l-inizjali tal-artist.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 30 miljun
Data tal-ħruġ: Frar 2013
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).