18.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 302/1


Servizz Legali (SJ)

Pubblikazzjoni għal post battal għal Deputat Direttur Ġenerali (Grad AD 15) fi Brussell

(Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2013/10341

(2013/C 302 A/01)

Preżentazzjoni

Il-missjoni tas-Servizz Legali hija li jassisti lill-Kummissjoni Ewropea u s-servizzi kollha tagħha. Il-karigi ewlenin huma dawn li ġejjin:

għajnuna u parir dwar abbozzar tal-leġiżlazzjoni,

għajnuna u parir dwar aspetti legali tan-negozjati internazzjonali,

għajnuna u parir lill-Kummissjoni dwar ir-rwol tagħha ta' Gwardjan tat-Trattati,

għajnuna u parir lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lilha mill-leġiżlatur tal-Komunità jew mit-Trattati.

Is-Servizz Legali jirrappreżenta lill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (Qorti EFTA), kif ukoll quddiem gruppi speċjali tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) u l-Organizzazzjoni dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-ġuriżdizzjonijiet l-oħra kollha. Huwa wkoll preżenti fil-kwistjonijiet ta' deċiżjonijiet preliminari. Is-Servizz legali huwa magħmul minn ġuristi li joriġinaw mill-Istati Membri kollha.

Is-Servizz Legali jaqa' direttament taħt il-President tal-Kummissjoni.

Il-kariga li qed tiġi proposta

Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali tas-Servizz Legali, id-Deputat Direttur Ġenerali huwa inkarigat bit-tmexxija u l-koordinazzjoni ta' riflessjoni approfondita fuq il-kwistjonijiet istituzzjonali, inkluż fuq emendi eventwali li għandhom isiru fuq it-trattati. Fl-istess ħin, huwa jipparteċipa fid-dmirijiet tradizzjonali tas-Servizz Legali, konsultattivi u kontenzjużi, kif ukoll fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan is-servizz u t-tħejjija tal-ħidmiet tal-Kulleġġ.

Huwa jkollu r-responsabilità li jorganizza din il-ħidma ta' riflessjoni u proposti fi ħdan is-Servizz Legali. Ikollu wkoll ir-responsabilità li jiżgura l-koordinazzjoni mas-servizzi l-oħra tal-Kummissjoni u b'mod partikolari ma' dawk tas-Segretarjat Ġenerali. Għandu jiżgura wkoll skambju permanenti ta' informazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra u l-Istati Membri. Id-Deputat Direttur Ġenerali jkollu jinteraġixxi mal-President u l-Membri tal-Kulleġġ sabiex jiżgura li dan l-eżerċizzju jsir taħt l-impulsjoni politika tal-Istituzzjoni.

Id-Deptutat Direttur Ġenerali jkollu r-responsabilità li jħejjij u jikkoordina proposti eventwali tal-Kummissjoni immirati għall-emendi tat-Trattati.

B'mod parallel, ikollu jwettaq eżerċizzju ta' analiżi tal-possibilitajiet offerti mit-Trattati fis-seħħ sabiex jitjieb il-funzjonament tas-Sistema Istituzzjonali tal-UE b'mod ġenerali, ir-relazzjonijiet bejn iż-żona tal-euro u l-UE kollha, l-inizjattiva “Rule of Law”, eċċ. F'dak li jirrigwarda l-aspetti istituzzjonali taż-żona tal-euro, dan l-eżerċizzju se jkollu bħala punt ta' tluq il-mezzi deskritti fil-Blueprint adottat mill-Kummissjoni fix-xahar ta' Novembru 2012 (1).

Id-Deputat Direttur Ġenerali jkun ukoll inkarigat bir-responsabilità li jħejji r-reazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar inizjattivi li għandhom konsegwenzi fuq l-arkitettura istituzzjonali. Fl-aħħar nett, ikollu jwettaq ħidma ta' analiżi li tippermetti l-integrazzjoni fis-sistema legali u istituzzjonali tal-UE tal-istrumenti ta' natura intergovernattiva bħat-trattat dwar l-istabilità, il-koordinazzjoni u l-governanza fi ħdan l-UEM (TSKG) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (MES).

Qed infittxu

Id-Deputat Direttur Ġenerali għandu jkollu:

għarfien u kompetenzi legali ta' livell għoli ħafna, ħiliet ippruvati ta' ġestjoni u ħiliet tajbin ħafna ta' komunikazzjoni,

għarfien eċċellenti tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-politika tal-Unjoni u l-kwistjonijiet legali attwali,

viżjoni globali tal-azzjoni tal-Unjoni (rapporti dwar liġi tal-Unjoni — liġi nazzjonali, implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, eċċ.),

aptitudni tajba ħafna fil-ġestjoni tal-persunal ta' livell għoli,

aptitudni li jirrappreżenta l-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni, nazzjonali, internazzjonali u qrati arbitrarji bil-miktub u f'udjenzi.

L-applikanti għandhom (kriterji ta' eliġibilità)

1.

Ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

2.

Ikollhom:

(a)

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar,

(b)

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' mill-inqas tliet snin;

3.

Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali postuniversitarja f'livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas ħames snin minn din l-esperjenza professjonali għandha tkun inkisbet f'funzjoni maniġerjali ta' livell għoli (2) u għandha tkunu direttament relatata mal-qasam rilevanti għal din il-pożizzjoni;

4.

Ikollhom għarfien sħiħ ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk kif definit mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 tal-1958 u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra;

5.

Ikunu ta' età li taqa' taħt dik tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hi definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 65 sena (ara l-Artikolu 52, il-punt a) tar-Regolamenti tal-Persunal).

Is-selezzjoni u l-ħatra

Id-Direttur se jintgħażel u jkun maħtur mill-Kummissjoni skont il-proċeduri ta' għażla u reklutaġġ tagħha (ara wkoll id-Dokument ta' Kompilazzjoni dwar il-Politika dwar Uffiċjali f'Kariga Għolja  (3)). Bħala parti minn dan il-proċess ta' selezzjoni, il-kandidati li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet, ikollhom, qabel din l-intervista, jipparteċipaw f'ċentru ta' evalwazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni ta' reklutaġġ.

Il-kandidat magħżul ser jiġi reklutat bħala uffiċjal fil-grad AD15. Is-salarju u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal ġdid kollu jrid itemm b'suċċess żmien ta' prova ta' disa' xhur.

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u ta' nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

Proċedura tal-applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibilità kollha, b'mod partikolari rigward it-tipi ta' diploma u l-esperjenza professjonali meħtieġa.

Il-kandidati li jixtiequ japplikaw għandhom jirreġistraw permezz tal-Internet billi jżuru l-websajt:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u jsegwu l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Ir-reġistrazzjoni tagħhom għandha ssir qabel l-iskadenza (4). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' aktar iddaħħal informazzjoni. Bħala regola ġenerali, reġistrazzjonijiet bil-posta elettronika normali li jaslu tard mhumiex se jiġu aċċettati.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan se jintuża biex jiġi kkonfermat il-ħolqien tal-kont tiegħek kif ukoll biex il-kandidati jinżammu infurmati bil-progress tal-proċedura tas-selezzjoni. Għalhekk, trid tinforma lill-Kummissjoni Ewropea f'każ ta' xi bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Il-kandidati għandhom itellgħu l-curriculum vitae fil-format WORD jew PDF, u jridu jinkludu ittra ta' motivazzjoni onlajn (massimu ta' 8 000 karattru).

Kemm is-CV kif ukoll l-ittra jridu jkunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Ladarba tkun saret ir-reġistrazzjoni, il-kandidat jirċievi numru ta' reġistrazzjoni. Dan għandu jinżamm, minħabba li jintuża għall-kuntatti ulterjuri matul il-proċedura ta' selezzjoni. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm in-numru huwa konferma li l-informazzjoni li tkun iddaħħalt ġiet irreġistrata.

Jekk ma tirċievi l-ebda numru ta' reġistrazzjoni, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istat tal-applikazzjoni tiegħek direttament.

Jekk għandek diżabilità li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista' tibgħat l-applikazzjoni (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq karta permezz tal-posta reġistrata  (5) , b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejn il-Kummissjoni u dawn il-kandidati tkun bil-posta. Dawn il-kandidati huma mitluba jehmżu mal-curriculum vitae tagħhom u ittra ta' motivazzjoni ċertifikat maħruġ minn entità kompetenti li tiċċertifika l-istat ta' persuna b'diżabilità. Għandhom isemmu wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li jaħsub li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura ta' selezzjoni.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat posta elettronika lil

HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija t-18 ta' Novembru 2013. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12:00) ħin ta' Brussell.


(1)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0777:REV1:MT:PDF

(2)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-ħames snin li fihom kisbu l-esperjenza maniġerjali ta' livell għoli: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet ta' mmaniġġar li kellhom, (2) in-numru ta' membri tal-persunal li kienu jimmaniġġaw f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits immaniġġati, u (4) in-numru ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u n-numru ta' dawk li kienu pari magħhom.

(3)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/official_policy_en.pdf

(4)  Mhux aktar tard min-nofsinhar (12:00), ħin ta' Brussell, tat-18 ta' Novembru 2013.

(5)  Commission européenne, Direction générale Ressources humaines et sécurité, Unité Personnel d'encadrement et secrétariat CCN, COM/2013/10341, SC11 8/35, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.