4.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 289/1


AVVIŻ TA' REKLUTAĠĠ NRU PE/164/S

(2013/C 289 A/01)

Il-Parlament Ewropew qiegħed jorganizza proċedura ta' selezzjoni abbażi ta' kwalifiki u testijiet sabiex jistabbilixxi lista ta' riżerva għall-pożizzjoni ta'

AĠENT TEMPORANJU KONSULENT (AD 9)

(ta' sess femminil jew maskil)

Qabel tapplika, inti mitlub(a) taqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Din il-gwida, li tagħmel parti integrali tal-avviż ta' reklutaġġ, se tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-arranġamenti tal-applikazzjoni.

WERREJ

A.

DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ (PROFIL MITLUB)

B.

ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

C.

TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS:

GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA' SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

A.   DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ (PROFIL MITLUB)

1.   Elementi ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jibda l-proċedura sabiex timtela l-pożizzjoni ta' aġent temporanju (AD 9) — Konsulent tal-Viċi Segretarju Ġenerali, Direttorat Ġenerali għall-Presidenza.

Dan il-kuntratt se jiġi konkluż għal perjodu indeterminat. Ir-reklutaġġ se jsir għall-grad AD 9 l-ewwel skala, u s-salarju bażiku se jkun EUR 7 127,99 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa tal-Unjoni u għal tnaqqis ieħor previst mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS); is-salarju huwa eżenti minn kull taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġi reklutat il-kandidat li għadda tista' madankollu tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali tiegħu. Barra minn hekk, f'ċerti kundizzjonijiet se jiżdiedu l-gratifiki (allowances) mas-salarju bażiku.

Din il-funzjoni teżiġi missjonijiet frekwenti fil-postijiet ta' ħidma, kif ukoll diversi kuntatti interni u esterni.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

2.   Natura tal-funzjonijiet

Ibbażat fi Brussell (1), il-Konsulent se jkun inkarigat li jwettaq, taħt ir-responsabilità tal-Viċi Segretarju Ġenerali, dawn il-kompiti dettaljati li ġejjin:

jagħti konsulenza u jgħin lill-Viċi Segretarju Ġenerali fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu,

jissorvelja l-attivitajiet kollha ta' Direttorat Ġenerali wieħed jew aktar fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali, jgħaddi l-informazzjoni lill-gradi superjuri u inferjuri tal-ġerarkija u jiffaċilita r-relazzjonijiet bejn is-servizzi,

ifassal, fuq talba tal-Viċi Segretarju Ġenerali, studji, noti u sinteżijiet fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu,

jiġġestixxi u/jew jieħu f'idejh it-tmexxija ta' fajls speċifiċi,

jiġġestixxi fajls sensittivi,

jakkumpanja jew jirrappreżenta lill-Viċi Segretarju Ġenerali f'diversi laqgħat interni u esterni,

imexxi jew jieħu sehem f'laqgħat amministrattivi.

It-twettiq ta' dawn il-funzjonijiet jeħtieġ kapaċitajiet ta' analiżi, ta' antiċipazzjoni, ta' reazzjoni u ta' komunikazzjoni, ta' diskrezzjoni, kif ukoll sens żviluppat tal-kunfidenzjalità.

3.   Rekwiżiti ta' eleġibilità (profil mitlub)

Sal-limitu ta' żmien stabbilit għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)   Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 12(2) tas-CEOS, jeħtieġ b'mod speċjali li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jgawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-obbligu militari,

joffru l-garanziji ta' moralità mitluba għall-qadi tad-dmirijiet previsti.

(b)   Rekwiżiti speċifiċi

(i)   Kwalifiki, diplomi u għarfien meħtieġa

Il-kandidati jeħtieġ ikollhom

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma uffiċjalment rikonoxxut f'qasam marbut man-natura tal-funzjonijiet, meta t-tul normali tal-istudji jkun ta' erba' snin jew aktar,

jew

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma uffiċjalment rikonoxxut f'qasam marbut man-natura tal-funzjonijiet, segwit minn esperjenza professjonali adegwata ta' mill-anqas sena (2), meta t-tul normali tal-istudji jkun ta' tliet snin jew aktar.

(ii)   Esperjenza professjonali meħtieġa

Il-kandidati għandhom ikunu kisbu, wara l-kwalifiki mitluba fit-Taqsima A.3 (b) (i), esperjenza professjonali ta' tul minimu ta' 10 snin b'rabta man-natura tal-funzjonijiet.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-kandidati għandu jkollhom għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (lingwa 1): Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Irlandiż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż, Taljan jew Ungeriż, kif ukoll għarfien tajjeb ta' mill-anqas lingwa oħra minn dawn il-lingwa (lingwa 2).

Għal raġunijiet prattiċi, huwa mitlub għarfien tajjeb ħafna tal-Franċiż, tal-Ġermaniż jew tal-Ingliż.

Il-kumitat ta' selezzjoni se jqis l-għarfien ta' lingwi oħra uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja) fil-kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana/il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew jista' jillimita l-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta' lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Il-kandidati huma għalhekk informati li l-lingwi 2 użati għall-finijiet ta' din il-proċedura ta' selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi li r-reklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih u kapaċi jikkomunikaw b'mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta' kuljum. Inkella, il-funzjonament effikaċi tal-istituzzjoni jirriskja li jkun serjament ostakolat.

Abbażi tal-prattika li ilha għaddejja tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni rigward il-lingwi ta' komunikazzjoni interna, u b'kunsiderazzjoni tal-eżiġenzi tas-servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż jibqgħu l-lingwi l-aktar użati. Barra minn hekk, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma bil-kbir l-aktar żewġ lingwi magħżula mill-kandidati fil-konkorsi u fi proċeduri oħra ta' selezzjoni, meta dawn ikollhom il-possibilità li jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom. Dan jikkonferma l-livell ta' studju u l-kompetenzi professjonali li jistgħu jkunu attwalment mistennija mill-kandidati għal pożizzjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta' mill-anqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, fl-ibbilanċjar tal-interessi tas-servizzi u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, minħabba l-qasam speċifiku ta' din il-proċedura ta' selezzjoni, il-Parlament Ewropew għandu d-dritt jorganizza it-testijiet f'dawn it-tliet lingwi sabiex jiggarantixxi, tkun liema tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, li l-kandidati kollha jkollhom għarfien tajjeb ta' mill-inqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali bħala lingwa tax-xogħol.

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn it-tliet lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jagħmel dan it-test fit-tieni lingwa tiegħu, li trid tkun waħda minn dawn it-tliet lingwi. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi tippermetti lill-Parlament Ewropew jivvaluta l-kapaċità tal-kandidati li jkunu operattivi minnufih f'ambjent li jkun qrib dak li se jkunu mitluba jaħdmu fih.

B.   ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA

Il-proċedura hija organizzata abbażi ta' kwalifiki u testijiet .

Il-lista tal-kandidati li ppreżentaw il-fajl tagħhom fil-forma mitluba qabel id-data tal-iskadenza mitluba u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali speċifikati fit-Taqsima A.3(a) hija stabbilita mill-awtorità awtorizzata biex tikkonkludi l-kuntratti, imbagħad tiġi trażmessa flimkien mal-fajls lill-kumitat ta' selezzjoni (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati).

1.   Ammissjoni għall-proċedura ta' selezzjoni

Il-kumitat ta' selezzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet u jistabbilixxi l-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi kif imsemmija fl-avviż fit-Taqsima A.3(b) u li b'hekk huma ammessi għall-proċedura.

Fl-eżami tiegħu tal-fajls, il-kumitat ta' selezzjoni se jibbaża ruħu esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet mogħtija fl-applikazzjonijiet li jkunu murija b'dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati) .

2.   Valutazzjoni tal-kwalifiki

Il-kumitat ta' selezzjoni, abbażi tal-kriterji li jkun stabbilixxa minn qabel, jipproċedi għall-valutazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati ammessi għall-proċedura ta' selezzjoni u jistabbilixxi l-lista tal-aħjar sitt kandidati ammessi għat-testijiet.

Waqt il-valutazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni se jikkunsidra b'mod partikolari:

l-għarfien tal-affarijiet Ewropej,

l-għarfien tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-organizzazzjoni u tal-ambjent tiegħu u tad-diversi persuni involuti,

l-għarfien tar-regoli ta' proċedura, tal-proċeduri leġiżlattivi, tar-regolamenti u tal-prattiki interni fil-Parlament Ewropew,

l-għarfien tar-Regolament Finanzjarju, tar-regoli ta' implimentazzjoni, tar-regoli interni u ta' testi oħra subordinati tal-Parlament Ewropew,

l-għarfien tal-applikazzjonijiet informatiċi speċifiċi għall-Parlament Ewropew, għad-Direttorat Ġenerali u/jew għall-oqsma ta' attività tiegħu,

l-għarfien tal-awtomazzjoni tal-uffiċċju: MS Word, posta elettronika, internet, Excel, Powerpoint.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.

3.   Testijiet

Sabiex jiġu valutati l-kapaċitajiet tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, se jiġu organizzati t-testijiet li ġejjin:

Test bil-miktub

(a)

Test tal-kitba, bil-lingwa Franċiża, Ġermaniża jew Ingliża (lingwa 2 — il-kandidati ma jistgħux jagħmlu dan it-test bil-lingwa 1 tagħhom), fuq bażi ta' fajl ta' mhux aktar minn għoxrin paġna, maħsub biex jivvaluta l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, kif ukoll il-kapaċità tagħhom tal-kitba.

Tul ta' żmien tat-test: 3 sigħat

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt.

Testijiet orali

(b)

Intervista mal-kumitat ta' selezzjoni bil-lingwa Franċiża, Ġermaniża jew Ingliża (lingwa 2 — il-kandidati ma jistgħux jagħmlu dan it-test bil-lingwa 1 tagħhom), li permezz tagħha tiġi vvalutata l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2 “Natura tal-funzjonijiet”, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-kumitat jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tal-kandidati kif inhu speċifikat fl-applikazzjoni tagħhom.

Tul ta' żmien massimu tat-test: 45 minuta

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu mitlub: 20 punt).

(c)

Test ta' diskussjoni fi grupp bil-lingwa Franċiża, Ġermaniża jew Ingliża (lingwa 2 — il-kandidati ma jistgħux jagħmlu dan it-test bil-lingwa 1 tagħhom), sabiex jippermetti lill-kumitat ta' selezzjoni jivvaluta l-kapaċità ta' adattament, il-kapaċità ta' negozjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll l-imġiba tal-kandidati fi grupp.

It-tul ta' żmien ta' dan it-test se jiġi stabbilit mill-kumitat ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu mitlub: 10 punti).

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati fuq il-fatt li t-testijiet jistgħu jsiru f'jum jew f'jumejn konsekuttivi.

4.   Iskrizzjoni fil-lista ta' riżerva

Il-lista ta' riżerva se tinkludi, skont l-ordni tal-mertu, l-isem tat-tliet kandidati li jkunu kisbu l-ogħla punteġġ fil-proċedura kollha (valutazzjoni tal-kwalifiki u tat-testijiet) bil-kundizzjoni li jkunu kisbu tal-anqas 50 % tal-punti f'din il-proċedura kollha u l-minimu mitlub għal kull test eliminatorju.

Il-kandidati jiġu informati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista ta' riżerva titwaħħal fuq il-bords uffiċjali fil-bini tal-Parlament Ewropew.

Il-validità tal-lista ta' riżerva se tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2016; din tista' tiġi prorogata. F'dak il-każ, il-kandidati mniżżla fil-lista jiġu informati fi żmien utli.

Il-kandidati mniżżlin fil-lista ta' riżerva li jiġu offruti impjieg, aktar tard għandhom jippreżentaw, għall-finijiet ta' ċertifikazzjoni, l-orġinali tad-dokumenti kollha mitluba, speċjalment id-diplomi u ċ-ċertifikati tax-xogħol tagħhom.

C.   TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-kandidati għandhom jużaw il-formola tal-applikazzjoni bil-Franċiża, bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż (oriġinali jew kopja) speċifika għal dan l-avviż ta' reklutaġġ u li tinsab f'dan f'Il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati huma mistiedna jaqraw bir-reqqa l-gwida għall-kandidati qabel ma jimlew l-applikazzjoni tagħhom.

Il-formola tal-applikazzjoni u l-fotokopji tad-dokumenti jridu jintbagħtu bil-posta rreġistrata  (3) sa mhux aktar tard mill-4 ta' Novembru 2013 (it-timbru tal-posta jitqies bħala prova), lill-indirizz li ġej:

PARLEMENT EUROPÉEN

Unité concours — MON 04 S 010

Procédure de sélection PE/164/S

(għandu jiġi indikat in-numru ta' referenza tal-proċedura ta' selezzjoni)

Rue Wiertz 60

1047 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Il-kandidati huma mitluba biex MA JĊEMPLUX rigward l-kalendarju tal-proċedura.

Hija r-responsabilità tal-kandidati li jikkuntattjaw lill-Unità tal-Konkorsi b'faks (+32 2 2831717) jew b'ittra jekk ma tkunx waslitilhom e-mail dwar l-applikazzjoni tagħhom qabel l-14 ta' Frar 2014.


(1)  Din il-pożizzjoni tista' tkun ibbażata f'wieħed miż-żewġ postijiet ta' ħidma l-oħra tal-Parlament Ewropew.

(2)  Din is-sena ta' esperjenza professjonali mhux se titqies għall-valutazzjoni tal-esperjenza professjonali mitluba fit-Taqsima A.3.(b)(ii).

(3)  Il-kunsinna minn kurrier privat titqies bħala rreġistrata. F'dan il-każ, id-data li tidher fuq il-formola tal-kunsinna se titqies bħala prova.


ANNESS

 

Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta' selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew

1.

DAĦLA

Kif tiżvolġi proċedura ta' selezzjoni?

2.

STADJI TAL-PROĊEDURA TA' SELEZZJONI

Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni

Eżami tar-rekwiżiti ġenerali

Eżami tar-rekwiżiti speċifiċi

Valutazzjoni tal-kwalifiki

Testijiet

Lista ta' riżerva

3.

KIF TAPPLIKA?

Elementi ġenerali

Kif tibgħat il-fajl komplut?

Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl?

Elementi ġenerali

Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali

Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-valutazzjoni tal-kwalifiki

4.

KOMUNIKAZZJONI

5.

INFORMAZZJONI ĠENERALI

Opportunitajiet indaqs

Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom

Protezzjoni tad-data personali

Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta' soġġorn

ANNESS I

ANNESS II

1.   DAĦLA

Kif tiżvolġi proċedura ta' selezzjoni?

Proċedura ta' selezzjoni tinvolvi sensiela ta' stadji fejn il-kandidati jikkompetu bejniethom; din il-proċedura hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea li, sad-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kriterji meħtieġa, u toffri l-istess possibilità lill-kandidati kollha biex juru ħiliethom u tippermetti selezzjoni bbażata fuq il-mertu, fir-rispett tal-prinċipju ta' trattament indaqs.

Il-kandidati li jgħaddu proċedura ta' selezzjoni jitniżżlu f'lista ta' riżerva li se sservi bħala bażi għall-Parlament Ewropew sabiex jimla l-pożizzjoni li għaliha japplika dan l-avviż ta' reklutaġġ.

Għal kull proċedura ta' selezzjoni jiġi kostitwit kumitat ta' selezzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni u tal-kumitat tal-persunal. Ix-xogħlijiet ta' dan il-kumitat ta' selezzjoni huma sigrieti u jiżvolġu skont l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali.

Il-kuntatti diretti jew indiretti tal-kandidati mal-kumitat ta' selezzjoni huma formalment ipprojbiti. L-awtorità tal-ħatra tirriżerva d-dritt li teskludi kull kandidat li jikser din il-projbizzjoni.

Il-kumitat ta' selezzjoni jimxi b'mod strett mar-rekwiżiti ta' ammissjoni msemmija fl-avviż ta' reklutaġġ biex jiddeċiedi dwar l-ammissjoni jew le ta' kull kandidat. Il-kandidati li kienu ammessi għal konkors jew proċedura ta' selezzjoni preċedenti mhux se jkunu awtomatikament eleġibbli.

Sabiex jagħżel l-aħjar kandidati, il-kumitat ta' selezzjoni jqabbel il-prestazzjonijiet tal-kandidati sabiex jivvaluta ħiliethom biex iwettqu l-funzjonijiet deskritti fl-avviż. Għalhekk ma għandux biss jivvaluta l-livell tal-għarfien, iżda wkoll jidentifika l-persuni l-aktar kwalifikati abbażi tal-merti tagħhom.

Għall-informazzjoni, proċedura ta' selezzjoni tista' ddum bejn 6 u 9 xhur, skont in-numru tal-kandidati.

2.   STADJI TAL-PROĊEDURA TA' SELEZZJONI

Il-proċedura ta' selezzjoni hija magħmula minn dawn l-istadji li ġejjin:

wasla tal-fajls tal-applikazzjoni,

eżami tar-rekwiżiti ġenerali,

eżami tar-rekwiżiti speċifiċi,

valutazzjoni tal-kwalifiki (ammissjoni għat-testijiet),

testijiet,

lista ta' riżerva.

Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni

Il-kandidati li jiddeċiedu li japplikaw għandhom jibagħtu, inkella jiġu esklużi, fajl tal-applikazzjoni komplut, li jinkludi l-formola tal-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta' reklutaġġ, mimlija, iffirmata u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa li jagħtu prova li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi speċifikati fl-avviż ta' reklutaġġ. Dan il-fajl għandu jintbagħat bil-posta rreġistrata (il-kunsinna permezz ta' kurrier privat se titqies bħala ekwivalenti għall-posta rreġistrata. F'dan il-każ, id-data li tidher fil-formola tal-kunsinna se titqies bħala d-data tal-kunsinna) sad-data speċifikata fl-avviż. Ara t-Taqsima C tal-avviż ta' reklutaġġ għall-indirizz u d-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.

Eżami tar-rekwiżiti ġenerali

L-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta' Selezzjoni teżamina jekk l-applikazzjoni tistax tiġi aċċettata, jiġifieri jekk l-applikazzjoni ntbagħtitx fil-forma u sad-data tal-iskadenza mitluba fl-avviż ta' reklutaġġ u jekk ir-rekwiżiti ġenerali ta' ammissjoni ġewx sodisfatti.

Konsegwentement jiġu awtomatikament eliminati l-kandidati li:

bagħtu l-fajl tal-applikazzjoni tagħhom wara d-data tal-iskadenza, kif muri mit-timbru tal-posta jew mill-formola tal-kunsinna tal-kurrier privat,

ma bagħtux il-fajl tal-applikazzjoni tagħhom bil-posta rreġistrata jew permezz ta' kurrier privat,

ma użawx u/jew ma mlewx b'mod adegwat l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta' reklutaġġ,

ma ffirmawx l-applikazzjoni,

ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali ta' ammissjoni.

Il-kandidati jiġu informati individwalment b'dan ir-rifjut wara d-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet .

Il-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali speċifikati fl-avviż ta' reklutaġġ hija stabbilita mill-awtorità tal-ħatra, imbagħad din il-lista tintbagħat flimkien mal-fajls lill-kumitat ta' selezzjoni.

Eżami tar-rekwiżiti speċifiċi

Il-kumitat ta' selezzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet u jistabbilixxi l-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali speċifikati fl-avviż ta' reklutaġġ. Huwa jibbaża esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li jkunu murija b'dokumenti ġustifikattivi .

L-istudji, it-taħriġ, l-għarfien lingwistiku u, jekk ikun xieraq, l-esperjenza professjonali għandhom jiġu speċifikati fid-dettall fl-applikazzjoni, jiġifieri:

għall-istudji: id-dati tal-bidu u tat-tmiem u d-deskrizzjoni tad-diploma/i, kif ukoll is-suġġetti studjati,

għall-esperjenza professjonali eventwali: id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-esperjenza kif ukoll deskrizzjoni preċiża tal-kompiti mwettqa.

Il-kandidati li jkunu ppubblikaw studji, artikli jew testi oħra marbuta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet għandhom jinkluduhom fil-formola tal-applikazzjoni.

F'dan l-istadju huma esklużi l-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifiċi ta' ammissjoni speċifikati fl-avviż ta' reklutaġġ.

Kull kandidat jiġi informat b'ittra dwar id-deċiżjoni tal-kumitat ta' selezzjoni jekk ġiex ammess jew le għall-proċedura.

Valutazzjoni tal-kwalifiki

Sabiex jagħżel il-kandidati li jiġu mistiedna għat-testijiet, il-kumitat ta' selezzjoni jivvaluta l-kwalifiki tal-kandidati ammessi (ara l-paragrafu ta' hawn taħt). Huwa jibbaża esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet mogħtija fl-applikazzjonijiet li jkunu murija b'dokumenti ġustifikattivi (ara l-punt 3 ta' hawn taħt). Il-kumitat ta' selezzjoni jibbaża fuq il-kriterji predefiniti filwaqt li jikkunsidra, b'mod partikolari, il-kwalifiki speċifikati fl-avviż ta' reklutaġġ fit-Taqsima B.2.

Kull kandidat jiġi informat b'ittra dwar id-deċiżjoni tal-kumitat ta' selezzjoni jekk ġiex ammess jew le għat-testijiet.

Testijiet

It-testijiet kollha huma obbligatorji u eliminatorji. In-numru massimu ta' kandidati ammessi għat-testijiet huwa stabbilit fit-Taqsima B.2. tal-avviż ta' reklutaġġ.

Minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni, il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna għat-testijiet kollha bil-miktub u orali. Madankollu, il-korrezzjoni tat-testijiet issir fl-ordni li jidher fl-avviż ta' reklutaġġ. Konsegwentement, meta kandidat ma jiksibx il-punteġġ minimu meħtieġ f'wieħed mit-testijiet eliminatorji, il-kumitat ta' selezzjoni mhux se jikkoreġi t-testijiet suċċessivi.

F'każ ta' abbandun min-naħa tal-kandidat, it-testijiet ma jiġux ikkoreġuti.

Lista ta' riżerva

In-numru massimu biss tal-kandidati stabbilit fit-Taqsima B.4 tal-avviż ta' reklutaġġ jitniżżel fil-lista ta' riżerva.

Il-fatt li isem kandidat jitniżżel fil-lista ta' riżerva jfisser li jista' jiġi mistieden minn wieħed mis-servizzi tal-istituzzjoni għal intervista, iżda dan ma jikkostitwixxi la dritt u lanqas garanzija ta' reklutaġġ min-naħa tal-istituzzjoni.

3.   KIF TAPPLIKA?

Elementi ġenerali

Qabel ma japplikaw, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha ta' ammissjoni, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi. Dan jimplika li għandhom l-ewwel jaqraw l-avviż ta' reklutaġġ u din il-gwida u jaċċettaw il-kundizzjonijiet tagħhom.

Minkejja li l-avviżi ta' reklutaġġ ma għandhomx limitu ta' età, tinġibed l-attenzjoni għall-età tal-pensjoni stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

(http://ec.europa.eu/civil_service/docs/toc100_en.pdf).

Il-kandidati jridu jimlew il-formola tal-applikazzjoni (oriġinali jew kopja) speċifika għall-avviż ta' reklutaġġ u li tinsab f'Il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Publikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Id-dokumenti li jintbagħtu wara d-data tal-iskadenza mhumiex se jiġu kkunsidrati.

Il-kandidati li għandhom diżabilità jew li jinsabu f'sitwazzjoni partikolari (pereżempju tqala, treddigħ, stat ta' saħħa, terapija medika, eċċ), li tista' tikkawża diffikultajiet waqt l-iżvolġiment tat-testijiet, għandhom jindikawha fl-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni utli sabiex tippermetti lill-amministrazzjoni biex, jekk ikun possibbli, tieħu l-miżuri kollha neċessarji. Jekk ikun il-każ, għandhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom nota, fuq karta separata, li tippreċiża l-interventi li huma jqisu neċessarji biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom għat-testijiet.

Kif tibgħat il-fajl komplut?

1.

Imla u ffirma l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta' reklutaġġ,

2.

ehmeż lista nnumerata tad-dokumenti ġustifikattivi kollha mal-fajl,

3.

ehmeż id-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa, li inti tkun innumerajt minn qabel,

4.

ibgħat il-fajl skont il-modalitajiet u qabel id-data tal-iskadenza indikati fl-avviż ta' reklutaġġ.

Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl?

Elementi ġenerali

Tibgħatx l-oriġinali tad-dokumenti mitluba, iżda fotokopji mhux ċertifikati biss. Ir-referenzi għal siti web ma jistgħux jitqiesu bħala dokumenti ġustifikattivi. Dokumenti stampati minn siti web mhux se jitqiesu bħala ċertifikati, iżda jistgħu jinhemżu bħala informazzjoni addizzjonali.

Niġbdulek l-attenzjoni għall-fatt li l-kandidati mniżżla fil-lista ta' riżerva li jiġu offruti impjieg, għandhom jippreżentaw l-oriġinali tad-dokumenti meħtieġa qabel ma jkunu jistgħu jiġu reklutati.

Curriculum vitæ mhuwiex meqjus bħala dokument ġustifikattiv.

Il-kandidati ma jistgħux jirreferu għal dokumenti, formoli tal-applikazzjonijiet jew dokumenti oħra mibgħuta waqt konkorsi preċedenti (1).

L-ebda element tal-fajl ma jintbagħat lura lill-kandidati.

Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali

F'dan l-istadju l-ebda dokument mhuwa meħtieġ biex jiġġustifika li:

il-kandidati huma ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

il-kandidati jgawdu mid-drittijiet ċivili,

il-kandidati jissodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-obbligu militari,

il-kandidati joffru l-garanziji ta' moralità mitluba għall-qadi tad-dmirijiet previsti.

Il-kandidati huma obbligati jiffirmaw il-formola tal-applikazzjoni. B'din il-firma, il-kandidati jiddikjaraw fuq l-unur tagħhom li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u li l-informazzjoni fornuta hija veritiera u kompluta.

Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-valutazzjoni tal-kwalifiki

Il-kandidati għandhom ifornu lill-kumitat ta' selezzjoni l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jippermettu lill-kumitat jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija fil-formola tal-applikazzjoni.

Diplomi u/jew ċertifikati li jiċċertifikaw it-tlestija tal-istudji

Il-kandidati għandhom ifornu, f'fotokopji, id-diplomi jew iċ-ċertifikati li jiċċertifikaw l-istudji tal-livell meħtieġ fl-avviż ta' reklutaġġ.

F'dan ir-rigward, il-kumitat ta' selezzjoni jqis is-sistemi differenti tal-edukazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Għal diplomi postsekondarji, għandha tinhemeż l-informazzjoni l-aktar dettaljata possibbli, speċjalment dwar it-tul tal-istudji u s-suġġetti studjati, sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta r-rilevanza tad-diplomi b'rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet.

Fil-każ ta' taħriġ tekniku jew professjonali, jew kors ta' perfezzjonament jew speċjalizzazzjoni, il-kandidati għandhom jindikaw jekk kienx kors full time jew part time jew kors ta' filgħaxija, kif ukoll is-suġġetti studjati u t-tul uffiċjali tal-korsijiet.

Esperjenza professjonali

Jekk l-avviż jeżiġi esperjenza professjonali, se titqies biss jekk tkun inkisbet wara l-kisba tad-diploma jew taċ-ċertifikati meħtieġa. Huwa indispensabbli li d-dokumenti ġustifikattivi jagħtu prova tat-tul u l-livell tal-esperjenza professjonali u d-deskrizzjoni tal-kompiti teħtieġ tkun dettaljata kemm jista' jkun sabiex il-kumitat ta' selezzjoni jkun jista' jqis ir-rilevanza tal-esperjenza b'rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet.

Il-perjodi kollha tal-attività professjonali kkonċernati għandhom ikunu koperti minn dokumenti ġustifikattivi, speċjalment:

ċertifikati minn impjegaturi preċedenti u mill-impjegatur attwali li jiġġustifikaw l-esperjenza professjonali mitluba għall-aċċess għall-proċedura ta' selezzjoni,

jekk, minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità, il-kandidati ma jistgħux jehmżu ċ-ċertifikati tal-impjiegi meħtieġa, huwa obbligatorju li, sabiex jissostitwixxu dawn iċ-ċertifikati, ifornu fotokopji tal-kuntratt tax-xogħol jew tal-ittra ta' reklutaġġ u/jew tal-ewwel u l-aħħar karta tal-paga,

għall-attivitajiet professjonali mhux imħallsa (xogħol għal rasek, professjonijiet liberali, eċċ.), jistgħu jkunu aċċettati bħala prova rċevuti jew formoli għall-ordnijiet li jagħtu dettalji dwar is-servizzi mogħtija, jew kull dokument ieħor ġustifikattiv uffiċjali rilevanti.

Għarfien lingwistiku

L-għarfien tal-lingwi meħtieġ għandu jkun iċċertifikat minn diploma, ċertifikat jew dikjarazzjoni fuq l-unur, fuq karta separata, li tispjega kif inkiseb l-għarfien ta' dawn il-lingwi.

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet fornuti fl-applikazzjoni ma jkunux eżatti, ma jkunux ikkonfermati mid-dokumentazzjoni mibgħuta jew ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti kollha ta' dan l-avviż ta' reklutaġġ, l-ammissjoni tal-kandidat tiġi ddikjarata nulla.

4.   KOMUNIKAZZJONI

Hija r-responsabilità tal-kandidati li jieħdu l-miżuri kollha sabiex l-applikazzjoni (oriġinali jew kopja) kkompletata kif xieraq, iffirmata u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi kollha, tintbagħat bil-posta rreġistrata (2), qabel id-data tal-iskadenza. It-timbru tal-posta jitqies bħala prova.

Il-kandidati għandhom jindirizzaw ittra, faks jew e-mail (3) lill-Unità tal-Konkorsi jekk ma jirċevux ittra dwar l-applikazzjoni tagħhom b'e-mail sad-data mogħtija fl-aħħar paragrafu tal-avviż ta' reklutaġġ.

Fil-korrispondenza kollha mibgħuta minn kandidat fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa taħt isem determinat, għandu jsir riferiment għal dan l-isem kif ukoll għan-numru tal-proċedura ta' selezzjoni.

Kull korrispondenza indirizzata mill-Parlament Ewropew relatata mal-proċedura ta' selezzjoni, inklużi l-konvokazzjonijiet għat-testijiet, tintbagħat bl-e-mail fl-indirizz indikat mill-kandidat fl-applikazzjoni. Il-kandidat għandu r-responsabilità li jikkonsulta regolarment (tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa) l-e-mail tiegħu (inkluż il-fajl “spam”) u li jinnotifika lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta' Selezzjoni dwar it-tibdil eventwali tal-informazzjoni personali tiegħu.

Għal kull komunikazzjoni dwar il-proċedura, inti mitlub tintbagħat e-mail lil dan l-indirizz: PE-164-S@ep.europa.eu

Jekk il-kandidat ma jkunx jista' jikkonsulta aktar l-e-mail tiegħu, hija r-responsabilità tiegħu li jinforma minnufih lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta' Selezzjoni u li jagħtiha indirizz elettroniku ġdid.

Sabiex tiggarantixxi ċ-ċarezza u l-komprensjoni tat-testi ġenerali u l-korrispondenza mibgħuta lill-kandidati u rċevuta minnhom, il-konvokazzjonijiet għat-testijiet differenti, kif ukoll kull korrispondenza bejn l-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta' Selezzjoni u l-kandidati se jsiru biss bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż. L-ebda korrispondenza ma għandha ssir bil-lingwa prinċipali (lingwa 1) tal-kandidat.

Sabiex titħares l-indipendenza tal-kumitat ta' selezzjoni, kull kuntatt, dirett jew indirett, tal-kandidati mal-kumitat ta' selezzjoni huwa formalment ipprojbit u jista' jwassal għall-esklużjoni mill-proċedura.

Kull korrispondenza indirizzata lill-kumitat ta' selezzjoni, kif ukoll kull talba għall-informazzjoni jew korrispondenza oħra relatata mal-iżvolġiment tal-proċedura, għandha tkun indirizzata esklużivament lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta' Selezzjoni (3), li hija inkarigata mill-komunikazzjoni mal-kandidati sat-tmiem tal-proċedura ta' selezzjoni.

5.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew jiżgura li jevita kull forma ta' diskriminazzjoni waqt il-proċedura ta' selezzjoni.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom

Fil-kuntest tal-proċeduri ta' selezzjoni, lill-kandidati jiġu rikonoxxut id-dritt speċifiku li jaċċedu, fil-kundizzjonijiet deskritti hawn taħt, għal ċerta informazzjoni li tikkonċernahom direttament u individwalment. Bis-saħħa ta' dan id-dritt, il-Parlament Ewropew jista' jagħti lil kandidat, fuq talba tiegħu, din l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

il-kandidati li ma jkunux għaddew mit-testijiet bil-miktub u/jew ma kinux fost dawk li ġew mistiedna għat-test orali jistgħu jiksbu, fuq talba, kopja ta' dawn it-testijiet kif ukoll kopja tal-karta tal-valutazzjoni individwali li tinkludi l-valutazzjonijiet mogħtija mill-kumitat ta' selezzjoni. It-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta' meta ntbagħtet l-ittra li tikkomunika d-deċiżjoni li temmet il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' selezzjoni;

(b)

il-kandidati li ġew mistiedna għat-testijiet orali u li ma tniżżlux fil-lista ta' riżerva se jiġu informati bil-punteġġ tagħhom fit-testijiet differenti wara li l-kumitat ta' selezzjoni jkun stabbilixxa l-lista ta' riżerva. Dawn il-kandidati jistgħu wkoll jiksbu kopja tat-testijiet bil-miktub tagħhom fil-kundizzjonijiet speċifikati taħt l-ittra (a);

(c)

il-kandidati mniżżla fil-lista ta' riżerva huma informati biss bil-fatt li huma għaddew mill-proċedura ta' selezzjoni.

It-talbiet huma ttrattati b'kunsiderazzjoni tas-segretezza tax-xogħlijiet tal-kumitat ta' selezzjoni prevista mir-Regolamenti tal-Persunal (Anness III, Artikolu 6) u fir-rispett tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi rigward it-trattament tad-data personali.

Protezzjoni tad-data personali

Il-Parlament Ewropew, bħala l-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tas-selezzjonijiet, jiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi ttrattata fir-rispett sħiħ tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data  (4), speċjalment rigward il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tagħhom.

Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta' soġġorn

Lill-kandidati mistiedna għat-testijiet jingħata kontribut għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta' soġġorn. Il-kandidati jiġu informati bl-arranġamenti u bit-tariffi applikabbli waqt l-istedina tagħhom għat-testijiet.

L-indirizz mogħti mill-kandidati fil-formola tal-applikazzjoni jitqies bħala l-post li minnu l-kandidat jitlaq biex jattendi t-testijiet. F'dan ir-rigward, bidla tal-indirizz ikkomunikata mill-kandidat wara li l-Parlament Ewropew ikun bagħat l-istedina għat-testijiet ma tistax tiġi kkunsidrata, ħlief jekk il-Parlament Ewropew iqis li ċ-ċirkostanzi msemmija mill-kandidat ikunu ekwivalenti għal forza maġġuri jew ikun każ mhux mistenni.


(1)  Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw għall-kandidati kollha, inklużi l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

(2)  Il-kunsinna permezz ta' kurrier privat titqies bħala rreġistrata. F'dan il-każ, id-data li tidher fuq il-formola tal-kunsinna se titqies bħala prova.

(3)  Indirizz: PARLEMENT EUROPÉEN, Unité concours — MON 04 S 010, Procédure de sélection PE/164/S,60 rue Wiertz, 1047 Bruxelles, Il-Belġju.

Numru tal-faks: +32 2 28 31717. Indirizz tal-e-mail:PE-164-S@ep.europa.eu

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

ANNESS I

Tabella indikattiva tad-diplomi li jagħtu aċċess għall-proċeduri ta' selezzjoni tal-grupp ta' funzjonijiet AD (1) (kull każ għandu jiġi eżaminat għalih)

PAJJIŻ

Edukazzjoni ta' livell universitarju — 4 snin jew aktar

Edukazzjoni ta' livell universitarju — 3 snin jew aktar

Belgique — België — Belgien

Licence/Licentiaat/Diplôme d'études approfondies (DEA)/Diplôme d'études spécialisées (DES)/Diplôme d'études supérieures spécialisées (DESS)/Gediplomeerde in de Voortgezette Studies (GVS)/Gediplomeerde in de Gespecialiseerde Studies (GGS)/Gediplomeerde in de Aanvullende Studies (GAS)

Agrégation de l'enseignement secondaire supérieur (AESS)/ Aggregaat

Ingénieur industriel/Industrïeel ingenieur/Master — 60/120 ECTS/Master complémentaire — 60 ECTS ou plus

Agrégation de l'enseignement secondaire supérieur (AESS) — 30 ECTS

Doctorat/Doctoraal Diploma

Bachelor académique (dit “de transition”) — 180 ECTS

Academisch gerichte Bachelor — 180 ECTS

България

Диплома за висше образование Бакалавър — 240 ECTS/Магистър — 300 ECTS/Доктор

Магистър след Бакалавър — 60 ECTS/Магистър след Професионален бакалавър по … — 120 ECTS

 

Česká republika

Diplom o ukončení vysokoškolského studia/Magistr/Doktor

Diplom o ukončení bakalářského studia (Bakalář)

Danmark

Kandidatgrad/Candidatus/Master/Magistergrad (Mag.Art)/Licenciatgrad/Ph.d.-grad

Bachelorgrad (B.A or B. Sc)/Professionsbachelorgrad/Diplomingeniør

Deutschland

Master (alle Hochschulen)/Diplom (Univ.)/Magister/Staatsexamen/Doktorgrad

Bachelor/Fachhochschulabschluss (FH)

Staatsexamen (Regelstudienzeit 3 Jahre)

Eesti

Rakenduskõrghariduse diplom/Bakalaureusekraad (160 ainepunkti)/Magistrikraad/Arstikraad/Hambaarstikraad/Loomaarstikraad/Filosoofiadoktor/Doktorikraad (120–160 ainepunkti)

Bakalaureusekraad (min 120 ainepunkti)/Bakalaureusekraad (< 160 ainepunkti)

Éire/Ireland

Céim Onórach Bhaitsiléara (4 bliana/240 ECTS) Honours Bachelor Degree (4 years/ 240 ECTS)/Céim Ollscoile University Degree /

Céim Mháistir (60-120 ECTS) Master's Degree (60-120 ECTS)/Céim Dochtúra Doctorate

Céim Onórach Bhaitsiléara (3 bliana/180 ECTS) (BA, B.Sc, B. Eng) Honours Bachelor Degree (3 years/180 ECTS) (BA, B.Sc, B. Eng)

Ελλάδα

Πτυχίο (ΑΕI πανεπιστημίου, πολυτεχνείου, ΤΕI υποχρεωτικής τετραετούς φοίτησης) 4 χρόνια (1ος κύκλος)

Μεταπτυχιακό Δίπλωμα Ειδίκευσης (2ος κύκλος)

Διδακτορικό Δίπλωμα (3ος κύκλος)

 

España

Licenciado/Ingeniero/Arquitecto/Graduado/Máster Universitario/Doctor

Diplomado/Ingeniero técnico

Arquitecto técnico/Maestro

France

Maîtrise/MST (maîtrise des sciences et techniques)/MSG (maîtrise des sciences de gestion)

DEST (diplôme d'études supérieures techniques)/DRT (diplôme de recherche technologique)

DESS (diplôme d'études supérieures spécialisées)/DEA (diplôme d'études approfondies)

Master 1/Master 2 professionnel/Master 2 recherche

Diplôme des grandes écoles/Diplôme d'ingénieur/Doctorat

Licence

Italia

Diploma di Laurea (DL) — da 4 a 6 anni/Laurea specialistica (LS)/Laurea magistrale (LM)/Master universitario di primo livello/Master universitario di secondo livello/Diploma di Specializzazione (DS)/Dottorato di ricerca (DR)

Diploma universitario (3 anni)/Diploma di Scuola diretta a fini speciali (3 anni)/Laurea — L180 crediti

Κύπρος

Πανεπιστημιακό Πτυχíο/Bachelor

Master/Doctorat

 

Latvija

Bakalaura diploms (160 kredīti)/Profesionālā bakalaura diploms/Maģistra diploms/Profesionālā maģistra diploms/Doktora grāds

Bakalaura diploms (min. 120 kredīti)

Lietuva

Aukštojo mokslo diplomas/Bakalauro diplomas/Magistro diplomas/Daktaro diplomas/Meno licenciato diplomas

Profesinio bakalauro diplomas Aukštojo mokslo diplomas

Luxembourg

Master/Diplôme d'ingénieur industriel/DESS en droit européen

Bachelor/Diplôme d'ingénieur technicien

Magyarország

Egyetemi oklevél/Alapfokozat — 240 kredit/Mesterfokozat/Doktori fokozat

Főiskolai oklevél/Alapfokozat — 18 kredit vagy annál több

Malta

Bachelor's degree/Master of Arts/Doctorate

Bachelor's degree

Nederland

HBO Bachelor degree

HBO/WO Master's degree

Doctoraal examen /Doctoraat

Bachelor (WO)

Österreich

Master Magister/Magistra

Magister/Magistra (FH)

Diplom-Ingenieur/in

Diplom-Ingenieur/in (FH)

Doktor/in

PhD

Bachelor

Bakkalaureus/Bakkalaurea

Bakkalaureus/Bakkalaurea (FH)

Polska

Magister/Magister inżynier

Dyplom doktora

Licencjat/Inżynier

Portugal

Licenciado/Mestre/Doutor

Bacharel/Licenciado

Republika Hrvatska

Baccalaureus/Baccalaurea (Sveučilišni Prvostupnik/Prvostupnica)

Stručni Specijalist

Master degree (magistar struke) 300 kredit min

magistar inženjer/ magistrica inženjerka (mag. ing).

Doktor struke/Doktor umjetnosti

Baccalaureus/Baccalaurea (Sveučilišni Prvostupnik/Prvostupnica)

România

Diplomă de Licenţă/Diplomă de inginer/Diplomă de urbanist/Diplomă de Master/Diplomă de Studii Aprofundate/Certificat de atestare (studii academice postuniversitare)/Diplomă de doctor

Diplomă de Licență

Slovenija

Univerzitetna diploma/ Magisterij/Specializacija/Doktorat

Diploma o pridobljeni visoki strokovni izobrazbi

Slovensko

diplom o ukončení vysokoškolského štúdia/bakalár (Bc.)/magister magister/inžinier/ArtD

diplom o ukončení bakalárskeho štúdia (bakalár)

Suomi/

Finland

Maisterin tutkinto — Magister-examen

Ammattikorkeakoulututkinto — Yrkeshögskoleexamen (min 160 opintoviikkoa — studieveckor)

Tohtorin tutkinto (Doktorsexamen) joko 4 vuotta tai 2 vuotta lisensiaatin tutkinnon jälkeen — antingen 4 år eller 2 år efter licentiatexamen/Lisensiaatti/Licentiat

Kandidaatin tutkinto — Kandidatexamen/Ammattikorkeakoulututkinto —

Yrkeshögskoleexamen (min 120 opintoviikkoa — studieveckor)

Sverige

Magisterexamen (akademisk examen omfattande minst 160 poäng varav 80 poäng fördjupade studier i ett ämne + uppsats motsvarande 20 poäng eller två uppsatser motsvarande 10 poäng vardera)/Licentiatexamen/Doktorsexamen

Meriter på avancerad nivå: Magisterexamen, 1 år, 60 högskolepoäng/Masterexamen, 2 år, 120 högskolepoäng

Meriter på forskarnivå: Licentiatexamen, 2 år, 120 högskolepoäng/Doktorsexamen, 4 år, 240 högskolepoäng

Kandidatexamen (akademisk examen omfattande minst 120 poäng varav 60 poäng fördjupade studier i ett ämne + uppsats motsvarande 10 poäng)

Meriter på grundnivå:

Kandidatexamen, 3 år, 180 högskolepoäng (Bachelor)

United Kingdom

Honours Bachelor degree/Master's degree (MA, MB, MEng, MPhil, MSc)/Doctorate

(Honours) Bachelor degree

NB: Master's degree in Scotland

Id-diplomi miksubin barra mill-Unjoni Ewropea jridu jkunu konvalidati minn awtorità nazzjonali kompetenti ta' Stat Membru sal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.


(1)  L-aċċess għall-gradi 7 sa 16 tal-grupp ta' funzjonijiet AD huwa soġġett għall-kundizzjoni addizzjonali ta' esperjenza professjonali adegwata ta' mill-inqas sena.

ANNESS II

TALBIET GĦAL RIEŻAMI — APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Il-kandidati li jqisu li deċiżjoni laqtithom b'mod negattiv jistgħu jitolbu li jsir rieżami ta' din id-deċiżjoni, jappellaw jew jippreżentaw ilment lill-Ombudsman (1).

Talbiet għal rieżami

Il-kandidati jistgħu jintroduċu talba għal rieżami billi jibagħtu:

e-mail lill-indirizz elettroniku tal-proċedura: PE-164-S@ep.europa.eu

faks lil dan in-numru: +32 2 28 31717

fi żmien għaxart ijiem ta' kalendarju li jiddekorru mid-data meta l-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta' Selezzjoni tkun bagħtet l-e-mail li tinnotifika din id-deċiżjoni.

It-tweġiba se tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata mill-aktar fis possibbli.

Din il-possibilità hija limitata għall-istadji tal-ammissjoni għall-konkors u tal-ammissjoni għat-testijiet bil-miktub u orali.

Appelli

Il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, indirizzat lil:

Is-Sur Segretarju Ġenerali

Parlament Ewropew

Bât. Konrad Adenauer

2929 Luxembourg

IL-LUSSEMBURGU

Din il-possibilità hija miftuħa għall-istadji kollha tal-proċedura ta' selezzjoni.

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati fuq is-setgħa wiesgħa ta' apprezzament li jgawdu minnha l-kumitati ta' selezzjoni, li jiddeliberaw b'indipendenza sħiħa u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jinbidlu mill-awtorità tal-ħatra. Is-setgħa wiesgħa ta' apprezzament tal-kumitati ta' selezzjoni hija soġġetta għall-kontroll biss f'każ ta' ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet. F'dan l-aħħar każ, id-deċiżjoni tal-kumitat ta' selezzjoni tista' titressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea anke jekk ma jkun ġie ppreżentat l-ebda lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-appell jitressaq lil:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea

2925 Luxembourg

IL-LUSSEMBURGU

abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Persunal.

Din il-possibilità hija prevista biss għad-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitat ta' selezzjoni.

Ta' min jinnota li l-appelli kontra żball ta' valutazzjoni dwar il-kriterji ġenerali għall-ammissjoni, li ma jidħlux fl-ambitu tal-kumitat ta' selezzjoni, ikunu ammissibbli quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss kemm-il darba lment amministrattiv jkun ġie introdott minn qabel skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, skont l-arranġamenti deskritti f'dan il-punt.

It-talba għal appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea teħtieġ b'mod obbligatorju l-intervent ta' avukat awtorizzat li jeżerċita quddiem ġurisdizzjoni ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali (2) u li japplikaw għal dawn iż-żewġ tipi ta' appelli jibdew jgħoddu, jew min-notifika tad-deċiżjoni inizjali li tolqot b'mod negattiv jew, fil-każ biss ta' talba għal rieżami, mid-data tan-notifika tat-tweġiba inizjali tal-kumitat ta' selezzjoni għal din it-talba.

Ilmenti lill-Ombudsman

Bħal kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment lil:

Ombudsman Ewropew

1, avenue du Président Robert Schuman

CS 30403

67001 Strasbourg Cedex

FRANZA

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (3).

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati fuq il-fatt li l-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman ma jissospendux il-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għat-tressiq ta' appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Il-preżentazzjoni ta' talbiet għal rieżami, appelli jew ilmenti lill-Ombudsman Ewropew ma jwaqqfux ix-xogħlijiet tal-kumitat ta' selezzjoni.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u riċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra ta' dawk il-Komunitajiet (ĠU L 311, 26.11.2010, p. 1 ).

(3)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


 

Image

Image

Image

Image


 

Image

Image

Image

Image


 

Image

Image

Image

Image