21.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 240/1


AVVIŻ DWAR PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA MIFTUĦA

UFfiċjal tar-Riċerka

REFERENZA: EF-TA-13-01

(2013/C 240 A/01)

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), ibbażata Dublin, l-Irlanda, qed tfittex li tistabbilixxi listi ta' riżerva għal Uffiċjal tar-Riċerka fit-tliet profili li ġejjin:

A.

Relazzjonijiet Industrijali/Kundizzjonijiet tax-Xogħol

Filwaqt li jirrapporta għand il-Kap tal-Unità tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali, l-Uffiċjal tar-Riċerka ser jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Maniġers tar-Riċerka fit-twettiq tar-riċerka u jassisti fil-ġestjoni ta' proġetti, it-tħejjija ta' rapporti u l-preżentazzjoni ta' tagħrif skont il-programm ta' ħidma tal-Eurofound u l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati tagħha. L-Uffiċjal ser jikkontribwixxi għall-monitoraġġ mill-Eurofound tax-xejriet u l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali u jista' jkun involut fl-ippjanar u t-twettiq ta' stħarriġ u jappoġġja l-ħidma tal-osservatorji tal-Eurofound, anki permezz ta' analiżi u sintetizzar tad-dejta.

Ir-rwol jitlob:

Fehim tajjeb ħafna dwar il-kwistjonijiet relatati mal-politiki rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-relazzjonijiet industrijali u l-iżviluppi tal-post tax-xogħol fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea;

Il-ħila ta' kontribut, bħala parti minn tim, għall-programm ta' ħidma u, b'mod partikolari:

fit-tiswir, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta' studji, stħarriġ, pubblikazzjonijiet u proġetti oħrajn li jinvolvu l-Ewropa sħiħa mwettqa f'isem il-Eurofound minn istituti ta' riċerka u esperti individwali fl-Istati Membri fil-qasam tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol;

it-twettiq ta' riċerka, investigazzjonijiet, analiżijiet ad-hoc kif ikun mitlub;

l-isfruttar u t-tħejjija tat-tqassim tas-sejbiet u tagħrif ieħor rilevanti għall-istituzzjonijiet tal-Komunità, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri;

it-tnedija ta' taħditiet, l-għoti ta' preżentazzjonijiet, l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta' seminars, workshops u laqgħat oħrajn ta' importanza;

it-tħejjija, l-organizzazzjoni u r-rapportar minn konferenzi, workshops u laqgħat oħrajn tal-Eurofound;

it-tħejjija u l-organizzazzjoni ta' laqgħat ma' kollegi f'taqsimiet oħrajn tal-Eurofound;

kollegament u komunikazzjoni ma' uffiċjali tal-Unjoni u l-Istati Membri, rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u oħrajn fl-Unjoni Ewropea;

dmirijiet u responsabilitajiet oħrajn li jistgħu jiġu assenjati.

B.

Ekonomija tax-Xogħol

Filwaqt li jirrapporta għand il-Kap tal-Unità dwar l-Impjiegi u l-Bidla, l-Uffiċjal tar-Riċerka ser jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib ma' Maniġers tar-Riċerka fit-twettiq ta' riċerka u jassisti fil-ġestjoni ta' proġetti fil-kuntest tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-Eurofound.

Ir-rwol jeħtieġ:

Ħiliet eċċellenti ta' riċerka fl-ekonomija tax-xogħol u fehim tajjeb tal-politiki dwar l-impjiegi u oħrajn relatati fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea;

Il-ħila ta' kontribut, bħala parti minn tim, għall-Programm ta' Ħidma u, b'mod partikolari:

fit-tfassil, il-koordinazzjoni, il-ġestjoni u l-valutazzjoni ta' studji, stħarriġijiet, rapporti u proġetti oħrajn li jinvolvu l-Ewropa sħiħa mwettqa minn istituti ta' riċerka u esperti individwali fl-Istati Membri;

it-tnedija ta' taħditiet, l-għoti ta' preżentazzjonijiet, l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta' seminars, workshops u laqgħat oħrajn ta' importanza;

kollegament u komunikazzjoni ma' uffiċjali għoljin tal-Unjoni u l-Istati Membri, rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u oħrajn fl-Unjoni Ewropea bil-għan li jitqassmu s-sejbiet tar-riċerka tal-Eurofound;

dmirijiet u responsabilitajiet oħrajn li jistgħu jiġu assenjati.

C.

Statistiku

Filwaqt li jirrapporta għand il-Kap tal-Unità, l-Uffiċjal tar-Riċerka — Statistiku ser jassisti lill-Maniġers tar-Riċerka fil-ġestjoni ta' proġetti ta' riċerka, l-ippjanar u t-twettiq ta' stħarriġ, riċerka, it-tħejjija ta' rapporti u l-preżentazzjoni ta' tagħrif fil-kuntest tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-Eurofound u l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati tagħha.

Ir-rwol jitlob:

Ħiliet u għarfien statistiċi tajbin ħafna ta' metodi kwantitattivi tar-riċerka;

Il-ħila ta' kontribut, bħala parti minn tim, għall-programm ta' ħidma u b'mod partikolari:

fil-kontribuzzjoni għall-firxa sħiħa ta' attivitajiet marbutin ma' stħarriġ u dejta minn stħarriġ, mit-tfassil u t-tħejjija tal-istħarriġ sal-analiżijiet tad-dejta rilevanti għall-politiki;

l-għoti ta' assistenza teknika esperta fl-iżvilupp tal-metodoloġija ġenerali tal-istħarriġ tal-Eurofound;

parteċipazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istħarriġ;

parteċipazzjoni fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta' analiżijiet u riċerka.

Il-kandidati jistgħu japplikaw għal wieħed mill-profili biss.

Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal kwalunkwe kandidat li:

huwa ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, intitolat għal jeddijiet sħaħ bħala ċittadin;

għandu livell ta' edukazzjoni li jikkorrisondi għal lawrja universitarja kompluta li damet tal-inqas tliet snin u, idealment, kwalifika postgradwatorja — fil-livell ta' Master jew ogħla — fil-qasam speċifikat għall-profil tal-impjieg magħżul, kif ġej:

Uffiċjal tar-Riċerka — Relazzjonijiet Industrijali/Kundizzjonijiet tax-Xogħol

Impjiegi/Relazzjonijiet Industrijali, Ekonomija, Soċjoloġija, Liġi tax-Xogħol, Ġestjoni tar-Riżorsi Umani jew dixxiplini relatati

Uffiċjal tar-Riċerka — Ekonomija tax-Xogħol

Ekonomija jew dixxiplini relatati mill-qrib

Uffiċjal tar-Riċerka — Statistiku

Xjenzi soċjali, ekonomija, soċjoloġija, psikoloġija, statistiki, matematika jew dixxiplini relatati.

għandu tal-inqas sentejn esperjenza relevanti wara l-għoti tal-ewwel lawrea universitarja. Din tista' tinkludi esperjenza f'riċerka postgradwatorja, eż. bħala parti minn PhD.

issodisfa kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

jista' jipprovdi referenzi tal-karattru dwar l-adegwatezza għat-twettiq tad-dmirijiet speċifikati;

għandu għarfien profond ta' waħda mil-lingwi tal-Unjoni Ewropea u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra tal-Unjoni. Peress li l-Ingliż huwa l-lingwa operattiva ewlenija tal-Eurofound, l-għarfien fl-Ingliż huwa meħtieġ sa livell meħtieġ għat-twettiq ta' dmirijietek. Il-kariga ta' Uffiċjal tar-Riċerka teħtieġ livell għoli ħafna ta' Ingliż; (1)

Il-kandidati li jgħaddu jistgħu jinħatru bħala:

 

Aġent Temporanju  (2) fil-Grupp ta' Funzjoni AD, Grad 5 b'kuntratt b'terminu fiss għal ħames snin. Il-kuntratt jista' jiġġedded.

jew

 

Aġent Kuntrattwali fil-Grupp ta' Funzjoni IV (grad 13/14, skont il-kwalifiki u l-esperjenza). Il-kuntratti jistgħu jiġu offruti għal bejn 6 xhur u 3 snin u jistgħu jiġġeddu.

Id-dettalji sħaħ dwar il-karigi kif ukoll l-applikazzjoni u l-proċeduri tal-għażla jistgħu jitniżżlu mill-paġna tal-postijiet battala fuq is-sit elettroniku tal-Eurofound:

http://www.eurofound.europa.eu/about/vacancies/index.htm

L-applikazzjonijiet kollha jridu jiġu ppreżentati fuq il-formola ta' applikazzjoni uffiċjali li tista' titniżżel ukoll mis-sit elettroniku.

Data ta' skadenza għall-applikazzjonijiet: l-24 ta' Settembru 2013.


(1)  Jekk jogħġbok kun af li — qabel l-ewwel promozzjoni għal grad ogħla — il-persunal huwa meħtieġ ikollu livell sodisfaċenti ta' lingwa oħra uffiċjali (it-tielet waħda) tal-UE.

(2)  Il-politika attwali tal-Eurofound hija li l-ewwel tiġdid ta' kuntratti b'terminu fiss għal Aġent Temporanju jsir għal perjodu indefinit.