31.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 219/8


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2013/C 219/05

Image

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Belġju

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika d-disinni l-ġodda kollha ta' fuq il-muniti tal-euro bil-għan li tinforma lill-partijiet kollha li jkollhom jaħdmu bil-muniti waqt xogħolhom kif ukoll lill-pubbliku ġenerali (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill li ġew adottati fl-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-UE li jistipula li l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, notevolment li dawn ikunu biss muniti taż-2 euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom jippreżenta disinn kommemorattiv tassew simboliku fuq livell nazzjonali jew Ewropew.

Il-pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita: il-Belġju

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-100 anniversarju mill-ħolqien tal-Institut Royal Météorologique

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi fin-nofs tagħha n-numru 100 fejn l-ewwel żero jħaddan ġo fih l-abbrevjazzjonijiet “KMI” u “IRM” u, it-tieni żero jirrappreżenta xemx.

Fuq in-naħa tax-xellug tax-xemx hemm isobari, qtar tax-xita u frak tal-borra. Ġor-raġġi tal-parti ta' fuq tax-xemx hemm indikata s-sena 2013 u fir-raġġi tal-parti t'isfel insibu l-indikazzjoni tan-nazzjonalità “BE”. Taħt il-1 tan-numru 100 nsibu l-marka tas-suprintendent taz-zekka u l-marka taz-zekka ta' Brussell u ras l-arkanġlu Mikiel imlibbsa elmu.

Iċ-ċirku estern tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 2 miljun munita

Id-data tal-ħruġ: Settembru 2013


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).