7.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 162/10


Sejħa għall-Proposti – L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi żewġt iskemi ġodda ta’ għajnuna finanzjarja tal-EIBURS fi ħdan il-Programm tal-Għarfien tiegħu

2013/C 162/07

L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jamministra l-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet istituzzjonali tiegħu mal-universitajiet permezz tal-Programm tal-Għarfien tiegħu, li jikkonsisti fi tliet programmi differenti:

EIBURS (EIB University Research Sponsorship programme), il-Programm ta’ Għajnuna Finanzjarja tal-BEI għar-Riċerka Universitarja,

STAREBEI ( STAges de REcherche BEI ), programm li jiffinanzja lir-riċerkaturi żgħażagħ li jaħdmu fuq proġetti konġunti tal-BEI u Universitajiet, u

Netwerks ta’ Universitajiet BEI, li huwa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni għal netwerks tal-universitajiet li jkollhom karatteristiċi ta’ rilevanza partikolari li jappoġġjaw l-għanijiet tal-Grupp tal-BEI.

EIBURS jipprovdi għotjiet lil ċentri ta’ riċerka universitarji li jaħdmu fuq suġġetti u temi ta’ riċerka li huma ta’ interess kbir għall-Bank. L-iskemi ta’ għajnuna finanzjarja tal-BEI, li jammontaw sa EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta’ 3 snin, jingħataw permezz ta’ proċess kompetittiv lil dipartimenti universitarji jew ċentri ta’ riċerka interessati, li jkunu assoċjati ma’ universitajiet fl-UE, fil-pajjiżi aderenti jew pajjiżi fil-fażi ta’ adeżjoni, bi speċjalizzazzjoni esperta rikonoxxuta f’oqsma magħżula mill-BEI, sabiex ikunu jistgħu jespandu l-attivitajiet tagħhom f’dawn l-oqsma. Jeħtieġ li l-proposti magħżulin jipproduċu għadd ta’ attivitajiet (riċerka, organizzazzjoni ta’ korsijiet u seminars, netwerking, tqassim ta’ riżultati, eċċ) li jkunu suġġetti għal ftehim kuntrattwali mal-Bank.

Għas-sena akkademika 2013/2014, il-programm EIBURS għażel żewġ linji ġodda ta’ riċerka:

L-iżvilupp ta’ Bliet Intelliġenti: L-Applikazzjoni ta' Esperjenza Ewropea u Internazzjonali għar-Reġjun tal-Mediterran

L-iżvilupp urban sar prijorità ewlenija għall-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, u fi ħdan il-BEI permezz tal-programm FEMIP tiegħu. Il-kunċett ta’ Belt Intelliġenti, magħruf aħjar bħala “Smart City” (oriġinarjament iddefinit bħala l-applikazzjoni “meqjusa” tal-ICT biex jiġi ffaċilitat żvilupp urban effiċjenti, inklużiv u integrat, iżda b’mod aktar wiesa’ biex tinkludi s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-governanza, kif ukoll investimenti fit-trasport pubbliku, fl-użu effiċjenti tal-enerġija u fil-faċilitajiet ta’ riċerka) huwa potenzjalment dimensjoni importanti. Madankollu, huwa meħtieġ li jissawwar qafas li jgħaqqad l-aspetti tat-teknoloġija u tal-politika pubblika mar-realtajiet tal-ġestjoni tal-bliet, il-finanzjament muniċipali u l-ipprogrammar tal-investimenti fir-reġjun.

Iċ-ċentru ta’ riċerka universitarja li jirċievi appoġġ taħt l-EIBURS ikun mistenni li jsegwi programm ta’ riċerka li jiffoka fuq il-mistoqsijiet ewlenin li ġejjin, li jibni fuq l-esperjenza Ewropea u internazzjonali:

L-inizjattivi ta’ Belt Intelliġenti kif jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-prijoritajiet ta’ żvilupp urban?

Kif nistgħu niddefinixxu bl-aħjar mod kunċett ta’ Belt Intelliġenti li huwa adattat għal applikazzjoni fir-reġjun?

Liema karatteristiċi u eżempji tal-aqwa prattika Ewropea u internazzjonali huma l-aktar adattati biex jintużaw bħala referenza għal din l-applikazzjoni?

X’inhi l-firxa ta’ investimenti tanġibbli potenzjalment fattibbli taħt programm ta’ investiment ta’ Belt Intelliġenti, u dawn l-inizjattivi kif għandhom ikunu prijoritizzati?

L-inizjattivi potenzjali ta’ Belt Intelliġenti kif jinkwadraw mal-ġestjoni muniċipali, il-governanza u l-finanzjament li jeżistu preżentament?

L-investimenti fil-Belt Intelliġenti kif għandhom jiġu evalwati ekonomikament għal paragun ma’ opzjonijiet alternattivi ta’ investiment, sabiex jiġi żgurat li jagħtu valur lis-soċjetà?

L-investimenti jew programmi ta’ investiment f’Belt Intelliġenti kif jistgħu jiġu żviluppati u implimentati bl-aħjar mod?

L-enfasi reġjonali tal-proposti għandu jkun iffukat fuq, iżda mhux illimitat għal, pajjiżi tal-FEMIP. L-applikanti huma mħeġġa li jistabbilixxu sħubijiet ma’ universitajiet u ċentri ta’ riċerka oħrajn. Il-Bank jista’ jiffaċilita l-involviment tal-università/Ċentru ta’ riċerka magħżul/a fl-attivitajiet tiegħu ta’ netwerking permezz tal-Unjoni għall-Mediterran jew iċ-Ċentru għall-Integrazzjoni fil-Mediterran.

Il-Bini tal-Kapaċità Amministrattiva fl-Ewropa

Il-kapaċità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex iwettqu b’mod effettiv u effiċjenti d-diversi funzjonijiet meħtieġa mill-Gvern, inklużi l-ippjanar u l-kunsinna ta' infrastruttura u servizzi pubbliċi, għandha impatt importanti fuq il-ħajjiet ta’ kuljum taċ-ċittadini u fuq il-funzjonament tas-settur privat. L-OECD tiddefinixxi l-bini tal-kapaċità bħala l-mod kif il-ħiliet, l-esperjenza, u l-kapaċità teknika u ta’ tmexxija jiġu żviluppati fi ħdan struttura organizzattiva (kuntratturi, konsulenti jew aġenziji kontraenti) – spiss permezz tal-forniment ta’ assistenza teknika, taħriġ għal żmien qasir/twil, inputs speċjalizzati (eż. sistemi tal-IT). Il-proċess jista’ jinvolvi l-iżvilupp ta’ riżorsi umani, organizzattivi, materjali u finanzjarji.

Oriġinarjament kunċett użat f’kuntest ta’ żvilupp, b’mod partikolari min-NU u mill-Bank Dinji, il-bżonn li jissaħħu l-istituzzjonijiet permezz tal-bini tal-kapaċità amministrattiva (BKA) sar parti integrali mill-proċess tat-tkabbir Ewropew, meta l-programmi tal-BKA saru element importanti tal-appoġġ għal pajjiżi li jaspiraw li jidħlu fl-UE u li jadottaw l-Acquis Communautaire. Anki wara l-adeżjoni, l-Istati Membri l-ġodda tal-UE jkomplu jirċievu finanzjament għal programmi operazzjonali ta’ BKA mmexxija minnhom stess, b’mod partikolari mill-fondi strutturali. B’biljuni ta’ euro involuti, it-titjib tal-effettività ta’ kif l-amministrazzjonijiet pubbliċi jidderieġu u jiġġestixxu programm ta’ investiment pubbliku hija sfida urġenti. Fil-livell tal-proġett, il-BEI spiss jappoġġja l-implimentazzjoni tal-iżvilupp ta’ kapaċità permezz ta’ assistenza teknika għal Unitajiet ta’ Implimentazzjoni tal-Proġetti (UIP).

Il-korp ta’ evidenza xjentifika dwar x’jagħmlu u x’ma jagħmlux il-miżuri tal-BKA f’kuntesti differenti għadu dgħajjef. X’inhu dak li realment jibni l-kapaċità amministrattiva u istituzzjonijiet b’saħħithom fuq medda ta’ żmien twil? Hija biss kwistjoni li jkun hemm numru suffiċjenti ta’ persunal imħarreġ sew u b’pagi adegwati, li jiġu ffissati Indikazzjonijiet Importanti tal-Prestazzjoni (IIP), u li jiġu rrapportati b'mod trasparenti n-nefqa u r-riżultati? L-esternalizzazzjoni u s-Sħubijiet Pubbliċi Privati huma kura maġika għal kapaċità limitata fis-settur pubbliku? Il-mudelli huma speċifiċi skont is-settur, bħal pereżempju għat-trasport, l-ambjent, u l-affarijiet interni, jew huma ġeneriċi? Jeżistu benefiċċji minn tagħlim bejn il-pari fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’pajjiżi differenti tal-UE? X'tagħlim nistgħu nieħdu mill-“Ġestjoni Pubblika Ġdida” ta' riżultati mkejla bl-IIP, l-ipprijoritizzar tar-riżorsi u d-dixxiplina fiskali?

L-iskop ta' din ir-riċerka huwa biex jiġi approfondit l-għarfien dwar l-oqfsa kunċettwali, id-dijanjożi, il-metriċi, u l-mudelli għal BKA effettiv fil-prattika. Proposti ta’ riċerka huma mistiedna fuq kwalunkwe suġġett li jġib ’il quddiem l-għarfien f’dan il-qasam. Madankollu, tingħata preferenza lil proposti li jadottaw perspettiva pan-Ewropea u li jindirizzaw aspetti kemm teoretiċi kif ukoll prattiċi tal-BKA li huma marbuta mal-ippjanar u l-kunsinna ta’ infrastruttura u servizzi pubbliċi relatati. Jiġu milqugħa b'mod partikolari dawk il-proposti b’konnessjoni diretta mat-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali u bil-għan li jittejjeb l-assorbiment tal-fondi tal-UE użati għal investimenti ta' kwalità għolja.

Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati bl-Ingliż jew bil-Franċiż, u d-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-proposti hija t-13 ta’ Settembru 2013. Proposti ppreżentati wara din id-data ma jiġux ikkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu lil:

 

Kopja elettronika

events.eibinstitute@eib.org

u

 

Kopja stampata

EIB Institute

98-100, boulevard Konrad Adenauer

2950 Luxembourg

LUXEMBOURG

For the attention of Ms Luísa FERREIRA, Coordinator.

Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proċess tal-għażla tal-EIBURS u dwar il-programmi u l-mekkaniżmi l-oħrajn, jekk jogħġbok żur http://www.eib.org/universities