23.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 143/1


AVVIŻ TA' KOMPETIZZJONI ĠENERALI

EPSO/AD/254/13

(2013/C 143 A/01)

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) qed jorganizza din il-kompetizzjoni ġenerali permezz ta' kwalifiki u eżamijiet sabiex tinħoloq lista ta' riżerva għar-reklutaġġ ta'

KAP TAL-UNITÀ (1) (AD 12)

Unità “Diżattivazzjoni nukleari” (Ispra, l-Italja)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Kummissjoni Ewropea

L-għan ta' din il-kompetizzjoni hu li tinħoloq lista ta' riżerva maħsuba biex jimtela post vakanti fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa l-gwida ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali C 270 A tas-7 ta' Settembru 2012 u fuq il-websajt tal-EPSO, minbarra l-punti 4, 5.3, 5.4, 6.2 u 6.3. Il-punti 5.3, 5.4 u 6.2 huma sostitwiti bit-test li jidher fl-Anness.

Din il-gwida, li tagħmel parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, se tgħinek tifhem ir-regoli dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.

WERREJ

I.

QAFAS ĠENERALI

II.

IN-NATURA TAD-DMIRIJIET

III.

IL-KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

IV.

L-AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U S-SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

V.

IĊ-ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI U L-EŻAMIJIET

VI.

IL-LISTI TA' RIŻERVA

VII.

KIF TAPPLIKA?

ANNESS

I.   QAFAS ĠENERALI

L-għadd ta' kandidati magħżula: 3

II.   IN-NATURA TAD-DMIRIJIET

L-Unità ta' Diżattivazzjoni Nukleari hija responsabbli mill-immaniġġjar u mid-diżattivazzjoni (inkluża l-konservazzjoni sikura) tal-istallazzjonijiet u tal-impjanti nukleari kollha fis-sit tal-Ispra u mill-operazzjoni tal-faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart radjuattiv, f'konformità mal-obbligi tal-liċenzjar attwali. Il-programm għad-diżattivazzjoni u għall-immaniġġjar tal-iskart, li se jkopri aktar minn żewġ deċennji, bħalissa qed jiffoka prinċipalment fuq l-immaniġġjar tal-iskart u fuq l-attivitajiet ta' tħejjija għall-fażi tad-diżattivazzjoni. Wara dan, l-Unità ta' Diżattivazzjoni Nukleari se timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa għad-diżattivazzjoni tal-istallazzjonijiet u tal-impjanti u għall-operazzjoni tal-infrastrutturi biex jipproċessaw, jorganizzaw, jittrattaw u jaħżnu l-iskart solidu/likwidu disponibbli fis-sit, kif ikun xieraq. L-objettiv aħħari huwa li jiġi eliminat il-passiv nukleari kollu, bil-għan li jkun permess l-użu mill-ġdid ta' binjiet u tal-art.

Il-Kap tal-Unità ta' Diżattivazzjoni Nukleari huwa responsabbli mill-immaniġġjar tal-impjanti u tal-liċenzji, f'konformità mal-liġi Taljana. Għaldaqstant, il-kandidati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni Taljana sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw l-“Attestato di idoneita alla Direzione tecnica degli impianti nucleari” skont id-“Decreto Presidente della Repubblica” tat-30.12.1970, n. 1450 hekk kif ġie emendat l-aħħar.

Hu/Hi jipprovdi/tipprovdi sostenn għall-attivitajiet kollha fis-sit tal-Ispra li jkunu meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali marbuta mar-radjuprotezzjoni u mal-protezzjoni ambjentali.

Id-dmirijiet tal-Kap tal-Unità essenzjalment jinvolvu l-organizzazzjoni tal-attivitajiet kollha relatati mad-diżattivazzjoni tal-istallazzjonijiet u tal-impjanti nukleari, u jinkludu:

Li jipprogramma u jorganizza t-tħaddim tajjeb tal-Unità, inklużi l-aspetti kollha tekniċi u finanzjarji u r-riżorsi umani.

Li jiżgura li r-riżorsi jintużaw bl-aktar mod effikaċi, effettiv u ekonomiku possibbli.

Li jiddefinixxi l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-programm tal-Unità, f'konformità mal-missjoni tal-JRC, bl-objettiv aħħari li jerġa' jġib is-sit fi stadju li jippermetti l-użu mill-ġdid ta' binjiet u/jew tal-art.

Li jiżgura li l-attivitajiet jitwettqu f'konformità mal-obbligi legali relevanti kif ukoll mar-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tas-sikurezza u tal-liċenzjar.

Li jiżgura t-tħaddim sikur tal-impjanti nukleari, inklużi l-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-aċċidenti kif ukoll it-tmexxija tal-interventi, fejn meħtieġ.

Li jimmaniġġja l-iskart radjuattiv (it-trasport, il-ħażna, il-kontabbiltà, eċċ.).

Li jiżgura l-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-liċenzjar.

Bażikament id-dmirijiet maniġerjali/amministrattivi jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji:

Fil-livell operazzjonali:

Jiġu definiti l-objettivi strateġiċi tal-unità u jiġi approvat il-programm ta' ħidma tagħha, f'konformità ma' dawk tal-JRC.

Jiġu ggarantiti l-organizzazzjoni u d-distribuzzjoni effiċjenti tax-xogħol fi ħdan l-unità, u jittieħdu deċiżjonijiet dwarhom, sabiex jinkisbu r-riżultati mistennija.

Jiġi vvalutat il-grad ta' twettiq tal-objettivi permezz tal-indikaturi adattati, u jitfasslu r-rapporti maniġerjali dwar ir-riżultati miksuba.

Jiġi vverifikat li d-deċiżjonijiet u l-operazzjonijiet jikkonformaw mar-regoli u mal-proċeduri uffiċjali.

Fil-livell tal-immaniġġjar tar-riżorsi:

Jiġi żgurat l-immaniġġjar effiċjenti tal-persunal fl-unità, f'konformità mal-politika tal-istituzzjoni f'dak li jirrigwarda r-riżorsi umani, bil-ħsieb li tiġi żviluppata unità b'rendiment għoli, animata bi spirtu qawwi ta' tim. B'mod partikolari, dan jinvolvi l-kapaċità li jiġu żviluppati l-ħiliet ta' kull individwu u li jiġu użati bl-aħjar mod, kif ukoll li jiġu antiċipati u mmaniġġjati kwalunkwe kunflitti li jistgħu jinbtu fit-tim.

Jiġu determinati l-ħtiġijiet ta' finanzjament u jiġu mmaniġġjati r-riżorsi tal-baġit annwali allokati lill-unità.

Fil-livell tal-komunikazzjoni u tar-rappreżentazzjoni:

Jiġi stabbilit u jinżamm djalogu interattiv fl-unità sabiex il-persunal ikun infurmat sewwa dwar l-aspetti strateġiċi u politiċi ewlenin u biex jirċievi rispons xieraq dwar ħidmietu.

Jitwettqu dmirijiet ta' konsulenza, koordinazzjoni u/jew negozjar ma' dipartimenti jew ma' istituzzjonijiet oħra dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol tal-unità.

Tiġi rrappreżentata l-unità fil-kumitati, fil-gruppi ta' ħidma jew f'entitajiet oħra kemm fi ħdan l-istituzzjoni kif ukoll esternament.

Dawn ir-responsabbiltajiet jirrikjedu kandidati li huma orjentati lejn is-servizz, li għandhom sens ta' dover u li jkunu lesti li jilqgħu l-bidla.

Meta jitqiesu n-natura u r-rekwiżiti tal-pożizzjoni, huwa essenzjali wkoll li l-kandidat ikollu għarfien tajjeb tal-lingwa Taljana, kemm fil-kitba kif ukoll fl-oral.

Il-kandidat irid ikollu minn tal-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali multidixxiplinarja fil-qasam operazzjonali nukleari, inkluż fl-immaniġġjar ta' proġetti u kuntratti.

Irid ikollu ukoll bilfors ħames snin esperjenza fl-immaniġġjar u fil-koordinazzjoni ta' timijiet tekniċi multidixxiplinarji u multinazzjonali, kif ukoll il-kapaċità ppruvata li jmexxi, jimmotiva u li jiggwida lill-persunal tiegħu.

Il-Kap tal-Unità jwettaq kompiti amministrattivi u operazzjonali taħt l-awtorità tad-Direttur tal-Immaniġġjar tas-Sit ta' Ispra (ISM), li jinsab f'Ispra (l-Italja), li huwa wieħed mill-istabbilimenti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.

III.   IL-KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

Fid-data tal-għeluq stabbilita għall-applikazzjoni elettronika, int għandek tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kollha li ġejjin:

1.

Il-kundizzjonijiet ġenerali

(a)

Tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(b)

Tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek.

(c)

Tkun wettaqt kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet dwar ir-reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari.

(d)

Tipproduċi r-referenzi dwar il-karattru meħtieġa, li jindikaw li int tajjeb biex twettaq id-dmirijiet previsti.

2.

Il-kundizzjonijiet speċifiċi

2.1

Kwalifiki

 

Livell ta' edukazzjoni li jikkorrespondi ma' ċiklu komplut ta' studji universitarji, iċċertifikat b'diploma ta' tmiem l-istudji fl-oqsma relatati mad-dmirijiet inkwistjoni (inġinerija, fiżika jew kimika), meta l-perjodu ta' dawn l-istudji jkun ekwivalenti għal erba' snin jew iktar.

jew

Livell ta' edukazzjoni li jikkorrespondi ma' ċiklu komplut ta' studji universitarji, iċċertifikat b'diploma ta' tmiem l-istudji fl-oqsma relatati mad-dmirijiet inkwistjoni (inġinerija, fiżika jew kimika), segwit minn esperjenza professjonali adattata ta' mill-inqas sena, meta l-perjodu normali ta' dawn l-istudji jkun ekwivalenti għal tliet snin jew inqas.

NB: L-esperjenza professjonali ta' mill-inqas sena tagħmel parti integrali mid-diploma u ma tistax tiġi kkunsidrata mal-għadd ta' snin ta' esperjenza professjonali meħtieġa hawn isfel.

jew

Livell ta' edukazzjoni li jikkorrespondi ma' ċiklu komplut ta' studji universitarji, iċċertifikat b'diploma ta' tmiem l-istudji, kif ukoll taħriġ postgradwatorju, iċċertifikat b'diploma f'oqsma relatati mad-dmirijiet inkwistjoni (inġinerija, fiżika jew kimika).

2.2

L-esperjenza professjonali

 

Irid ikollok mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali relatata man-natura tad-dmirijiet inkwistjoni, fosthom 5 snin fit-tmexxija u/jew fil-koordinazzjoni tal-persunal, b'responsabbiltajiet maniġerjali reali tal-persunal, kif deskritt f'dan l-avviż (ara t-Taqsima II).

Sabiex tiġi vvalutata l-esperjenza fit-tmexxija, il-Bord ta' Selezzjoni se jqis l-elementi relevanti pprovduti mill-kandidati, bħalma huma:

1)

it-titlu tal-kariga u d-deskrizzjoni eżatta tad-dmirijiet imwettqa u t-tul ta' żmien tagħhom,

2)

l-għadd ta' impjegati li kont responsabbli minnhom matul it-twettiq ta' dawn id-dmirijiet,

3)

l-għadd ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u l-għadd ta' impjegati li kienu jinsabu fl-istess livell.

Din l-esperjenza professjonali hija relevanti biss jekk tkun inkisbet wara l-għoti tad-diploma li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni.

2.3

L-għarfien lingwistiku

Lingwa 1

il-lingwa ewlenija

għarfien profond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Lingwa 2

it-tieni lingwa (livell B2 tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi) (http://europass.cedefop.europa.eu/europass/home/hornav/Downloads/CEF/LanguageSelfAssessmentGrid.csp)

għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż — din il-lingwa bilfors trid tkun differenti mil-lingwa 1

Minħabba n-natura tal-pożizzjoni inkwistjoni, huwa meħtieġ għarfien sodisfaċenti tat-Taljan (livell B2).

F'konformità mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-Awla Manja) fil-Kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana vs il- Kummissjoni, fil-kuntest ta' din il-kompetizzjoni, l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati jiddikjaraw ir-raġunijiet li minħabba fihom jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għal għadd ristrett ta' lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Għaldaqstant il-kandidati huma infurmati li l-għażliet tat-tieni lingwa aċċettati għal din il-kompetizzjoni ġew definiti f'konformità mal-interess tas-servizz, li jeżiġi li dawk li jiġu rreklutati jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mal-ewwel u jikkomunikaw b'mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta' kuljum. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-Istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna.

Abbażi tal-prassi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni li ilha titħaddem fir-rigward tal-lingwi użati għal komunikazzjoni interna, u b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż bla dubju huma t-tieni lingwa l-aktar magħżula mill-kandidati tal-kompetizzjonijiet meta dawn ikollhom il-possibbiltà li jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom. Dan jikkonferma l-livell ta' edukazzjoni u l-kompetenzi professjonali li attwalment wieħed jista' jistenna mill-kandidati f'pożizzjonijiet fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta' mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, meta wieħed iqabbel l-interess tas-servizz u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, meta jitqies il-qasam partikolari ta' din il-kompetizzjoni, huwa ġġustifikat li jiġu organizzati eżamijiet f'dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi uffiċjali fil-livell ta' lingwa ta' ħidma.

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament ugwali tal-kandidati kollha, inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta, kulħadd huwa meħtieġ li jagħmel l-eżami fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b'dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jevalwaw il-kapaċità tal-kandidati li jkunu jistgħu jaħdmu minnufih f'ambjent simili għal dak li jsibu fl-impjieg. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx it-tagħlim ulterjuri tat-tielet lingwa ta' ħidma, b'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

IV.   L-AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U S-SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

1.   Proċedura

L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif ukoll is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki l-ewwel isiru skont id-dikjarazzjonijiet li tkun ipprovdejt fl-applikazzjoni tiegħek.

(a)

Ir-risposti tiegħek għall-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi se jkunu pproċessati sabiex jiġi ddeterminat jekk inti tagħmilx parti mil-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni.

(b)

Imbagħad, il-Bord ta' Selezzjoni se jagħżel abbażi tal-kwalifiki sabiex jidentifika, fost il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni, dawk il-kandidati li għandhom l-iktar kwalifiki rilevanti (speċjalment diplomi u esperjenza professjonali) b'rabta man-natura tad-dmirijiet u mal-kriterji għas-selezzjoni deskritti f'dan l-Avviż ta' Kompetizzjoni. Din is-selezzjoni ssir biss abbażi tad-dikjarazzjonijiet tiegħek, ipprovduti fit-taqsima “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”) u ssir f'żewġ stadji:

l-ewwel selezzjoni abbażi tal-kwalifiki ssir biss skont ir-risposti mmarkati fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”) tal-applikazzjoni u skont il-piż mogħti lil kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet. Skont l-importanza mogħtija lil kull kriterju msemmi fil-punt 3 hawn taħt, il-Bord ta' Selezzjoni jistabbilixxi dan il-piż (minn 1 sa 3) qabel ma jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet. Imbagħad, l-applikazzjonijiet elettroniċi tal-kandidati li jkunu kisbu l-akbar numru ta' punti jgħaddu għat-tieni selezzjoni;

l-għadd ta' fajls eżaminati matul it-tieni fażi tas-selezzjoni huwa ekwivalenti għal madwar 9 darbiet in-numru ta' kandidati magħżula, indikat f'dan l-Avviż ta' Kompetizzjoni. Il-Bord ta' Selezzjoni jeżamina r-risposti tal-kandidati u jagħtihom marka minn 0 sa 4 għal kull risposta. Il-marki, immultiplikati bil-piż mogħti lil kull mistoqsija, jingħaddu ma' xulxin biex tinkiseb il-marka globali.

Imbagħad, il-Bord ta' Selezzjoni jistabbilixxi klassifika tal-kandidati skont dawn il-marki globali. L-għadd (2) ta' kandidati mistiedna (3) għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni u għall-eżamijiet orali u bil-miktub jikkorrespondi għal mhux iktar minn 3 darbiet in-numru ta' kandidati magħżula. Dan in-numru se jkun ippubblikat fuq il-websajt tal-EPSO (http://blogs.ec.europa.eu/eu-careers.info/).

2.   Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati

Meta joħorġu r-riżultati tal-eżamijiet orali u bil-miktub, u fid-dawl ta' dawn ir-riżultati, id-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom se jiġu vverifikati mill-EPSO għall-kundizzjonijiet ġenerali, kif ukoll mill-Bord ta' Selezzjoni għall-kundizzjonijiet speċifiċi abbażi tad-dokumenti ta' prova pprovduti mill-kandidati. Għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki, id-dokumenti ta' prova se jkunu kkunsidrati biss biex jikkonfermaw ir-risposti diġà mogħtija fit-taqsima “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”). Jekk matul din il-verifika jinstab li dawn id-dikjarazzjonijiet (4) mhumiex ikkonfermati mid-dokumenti ta' prova relevanti, il-kandidati kkonċernati se jkunu esklużi mill-kompetizzjoni.

Il-verifika ssir, f'ordni ta' mertu mill-ogħla wieħed sal-anqas wieħed, għall-kandidati li jkunu ġabu l-minimu meħtieġ u l-aħjar marki għall-eżamijiet orali u bil-miktub f'daqqa. Din il-verifika tibqa' ssir sakemm jintlaħaq l-għadd ta' kandidati li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta' riżerva u li effettivament jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni. Id-dokumenti ta' prova tal-kandidati li jikklassifikaw taħt dan in-numru, mhux se jiġu eżaminati.

3.   Kriterji għas-selezzjoni

Fil-kuntest tas-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, il-Bord ta' Selezzjoni se jikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

1.

Esperjenza professjonali ta' mill-anqas 5 snin fl-immaniġġjar ta' impjanti nukleari.

2.

Esperjenza professjonali f'dak li jirrigwarda programmi ta' diżattivazzjoni nukleari.

3.

Esperjenza professjonali fit-trasport ta' materjal u ta' sustanzi nukleari.

4.

Esperjenza professjonali fl-immaniġġjar tal-iskart nukleari.

5.

Esperjenza professjonali fl-immaniġġjar ta' proġetti u ta' kuntratti b'portata kbira.

6.

Esperjenza professjonali fl-immaniġġjar u fil-koordinazzjoni ta' timijiet tekniċi multidixxiplinarji u multinazzjonali.

7.

Għarfien eċċellenti tal-leġiżlazzjoni internazzjonali, Ewropea u Taljana fil-qasam nukleari, kif ukoll tar-regoli Taljani dwar ir-radjazzjoni jonizzanti.

8.

Għarfien tad-dritt Ewropew fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

9.

Kwalunkwe taħriġ ieħor, minbarra dak meħtieġ skont il-punt 2.1 tat-Taqsima III, f'wieħed mill-oqsma ewlenin ta' attività tal-unità (hekk kif definit fit-Taqsima II — In-Natura tad-Dmirijiet), ippruvat b'ċertifikat/diploma.

10.

Għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Taljana (il-livell minimu meħtieġ huwa B2 tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi).

V.   IĊ-ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI U L-EŻAMIJIET

L-eżamijiet jinkludu:

xi testijiet f'ċentru ta' evalwazzjoni

eżami orali

eżami bil-miktub

Minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni, it-testijiet li jsiru fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni u l-eżamijiet orali u bil-miktub se jsiru fi Brussell, normalment fuq ġranet konsekuttivi.

1.

Iċ-ċentru ta' evalwazzjoni

Iċ-ċentru ta' evalwazzjoni se jsir biss bil-lingwa 2 tiegħek. Ir-rapport dwar it-testijiet se jiġi kkomunikat lill-Bord ta' Selezzjoni, li jservi ta' appoġġ espert u kontribut tekniku fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni.

Dawn it-testijiet jinkludu b'mod partikolari:

eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-kapaċità tiegħek fl-immaniġġjar;

intervista ma' espert fir-riżorsi umani sabiex jiġi evalwat il-profil tal-kompetenzi tiegħek.

Minħabba li r-rapport taċ-ċentru ta' evalwazzjoni mhuwiex kopert mir-regoli dwar il-kunfidenzjalità applikabbli għall-ħidma tal-Bord ta' Selezzjoni, dan jingħatalek fi tmiem l-eżami orali.

2.

L-eżami orali

Fl-intervista, il-Bord ta' Selezzjoni għandu l-għan li jevalwa:

l-għarfien speċifiku marbut mal-qasam (bil-lingwa 2 tiegħek);

l-esperjenza professjonali u l-kapaċità tiegħek li torganizza u tikkoordina x-xogħol ta' unità amministrattiva, kif ukoll il-kapaċitajiet tiegħek li tadatta, li tinnegozja, li tieħu deċiżjonijiet u, b'mod aktar ġenerali, li twettaq il-kompiti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' Kap tal-Unità (bil-lingwa 2 tiegħek);

l-għarfien ġenerali tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istituzzjonijiet tagħha u l-politiki tagħha (bil-lingwa 2 tiegħek);

il-kompetenzi tiegħek fil-lingwa Taljana;

l-għarfien tiegħek tal-lingwa ewlenija (lingwa 1).

Dan l-eżami jingħata minn 0 sa 100 punt (il-minimu meħtieġ: 60 punt).

3.

L-eżami bil-miktub (5)

In-natura tal-eżami u l-marki

L-għan tal-eżami bil-miktub huwa li jevalwa l-kompetenza tiegħek fil-lingwa Taljana u l-għarfien tiegħek fil-qasam. Dan l-eżami jinvolvi l-abbozzar ta' nota li fiha inti se tintalab tittratta xi dokumenti, wara li tkun analizzajt estratti mil-leġiżlazzjoni Taljana dwar is-settur nukleari u/jew ir-regoli Taljani dwar ir-radjuprotezzjoni.

Dan l-eżami jingħata minn 0 sa 60 punt (il-minimu meħtieġ: 30 punt).

Tul tal-eżami (mogħti biss għall-informazzjoni): 1h30min

Dan l-eżami bil-miktub se jiġi kkoreġut biss għal dawk il-kandidati li jkunu kisbu l-minimu meħtieġ fl-intervista mal-Bord ta' Selezzjoni.

VI.   IL-LISTA TA' RIŻERVA

1.

L-inklużjoni fil-lista ta' riżerva

Il-Bord ta' Selezzjoni jniżżel ismek fil-lista ta' riżerva (6) jekk tkun wieħed mill-kandidati li jkunu kisbu l-minimu meħtieġ flimkien ma' waħda mill-aħjar marki fl-eżamijiet orali u bil-miktub.

2.

Il-klassifika

Il-lista tiġi stabbilita skont l-ordni alfabetiku.

VII.   KIF TAPPLIKA?

1.

L-applikazzjoni elettronika

Għandek tapplika b'mod elettroniku billi ssegwi l-proċedura indikata fuq il-websajt tal-EPSO, u b'mod partikolari fil-Manwal tal-Applikazzjoni.

Data tal-għ eluq (inkluża l-validazzjoni): il-25 ta' Ġunju 2013 f'12:00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell

2.

Il-fajl tal-applikazzjoni

Flimkien mal-applikazzjoni elettronika, għandek tipprintja kopja tar-reġistrazzjoni elettronika tiegħek li tkun ivvalidajt, tiffirmaha u tibgħatha, mehmuża mad-dokumenti ta' prova relevanti, fl-indirizz li ġej:

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)

C-25

Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/254/13

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Data tal-għeluq: il-25 ta' Ġunju 2013, it-timbru tal-posta jservi bħala prova

Kundizzjonijiet: ara l-punt 6.1 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.


(1)  * F'dan l-avviż kull referenza għal persuna tas-sess maskil tirreferi wkoll għal persuna tas-sess femminil.

(2)  Fil-każ li fl-aħħar post ikun hemm aktar minn kandidat wieħed li jġibu l-istess marka, dawn il-kandidati kollha jiġu mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni u għall-eżamijiet orali u bil-miktub.

(3)  Il-kandidati li ma jiġux mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni u għall-eżamijiet orali u bil-miktub jirċievu r-riżultati tal-evalwazzjoni tagħhom kif ukoll il-piż ta' kull mistoqsija mingħand il-Bord ta' Selezzjoni.

(4)  Din l-informazzjoni tiġi vverifikata, abbażi tad-dokumenti ta' prova, qabel ma tiġi stabbilita l-lista ta' riżerva (ara l-punt 1 tat-Taqsima VI u l-punt 2 tat-Taqsima VII).

(5)  Il-kontenut huwa vvalidat mill-Bord ta' Selezzjoni.

(6)  Fil-każ li fl-aħħar post ikun hemm aktar minn kandidat wieħed li jġibu l-istess marka, dawn il-kandidati kollha jitniżżlu fil-lista ta' riżerva.


ANNESS

Jekk jogħġbok innota li l-punti:

5.3,

5.4 u

6.2

tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali, ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali C 270 A tas-7 ta' Settembru 2012 ma japplikawx għal din il-kompetizzjoni.

IL-PUNT 5.3 “ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI” HUWA SOSTITWIT BIT-TEST SEGWENTI:

“5.3   Iċ-ċentru ta' evalwazzjoni u l-eżami orali

Jekk l-Avviż tal-Kompetizzjoni jipprevedi l-parteċipazjoni f'testijiet organizzati f'ċentru ta' evalwazzjoni qabel l-eżami orali, ir-riżultat ta' dawn it-testijiet se jkun ikkomunikat lill-Bord ta' Selezzjoni bl-uniku skop li jgħinhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni. Dawn it-testijiet ma jingħatawx marki u toħodhom lura fi tmiem l-eżami orali.

F'każijiet ta' force majeure u b'mod eċċezzjonali, huwa possibbli li tiġi kkunsidrata bidla fid-data tal-eżami orali jekk titlob għal dan b'raġuni debitament iġġustifikata, li mbagħad tiġi evalwata mill-Bord ta' Selezzjoni skont kif ikun xieraq. Madanakollu, din id-deċiżjoni tittieħed b'tali mod li ma tikkompromettix l-omoġeneità tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-kandidati fl-eżami orali u li ma tkunx ta' ħsara għall-proċess tal-kompetizzjoni u għall-interess tas-servizz.”

IL-PUNT 5.4 “LISTI TA' RIŻERVA” HUWA SOSTITWIT BIT-TEST SEGWENTI:

“Malli tintemm il-proċedura tal-kompetizzjoni, il-Bord ta' Selezzjoni jistabbilixxi lista ta' riżerva li tiġbor fiha l-ismijiet tal-kandidati magħżula f'din il-kompetizzjoni. Imbagħad din il-lista tintbagħat lill-istituzzjonijiet, li huma l-uniċi entitajiet responsabbli mir-reklutaġġ.

Il-lista ta' riżerva kif ukoll id-data tal-iskadenza tagħha jiġu ppubblikati (1) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq il-websajt tal-EPSO. F'ċerti każijiet, huwa possibbli li tiġi estiża l-iskadenza ta' din il-lista. Id-deċiżjoni dwar l-estensjoni tiġi ppubblikata biss fuq il-websajt tal-EPSO.

IL-PUNT 6.2 “AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI” HUWA SOSTITWIT BIT-TEST SEGWENTI:

“Wara li tiġi stabbilita l-lista ta' riżerva mill-Bord ta' Selezzjoni tal-kompetizzjoni:

Jekk ismek jitniżżel fuq din il-lista, inti se tkun infurmat li ġejt magħżul fil-kompetizzjoni u tkun tista' titlob b'mod espliċitu li tirċievi l-punti li tkun ksibt fl-eżami orali.

Jekk ismek ma jitniżżilx fuq din il-lista, il-punti li tkun ksibt fl-eżami orali jiġu kkomunikati lilek awtomatikament. Tista' tikseb ukoll, jekk tagħmel talba għaliha, kopja tal-formola tal-evalwazzjoni individwali tal-eżami orali tiegħek stabbilita mill-Bord ta' Selezzjoni.

It-talbiet għal informazzjoni jridu jiġu indirizzati permezz tal-paġna ta' kuntatt li hemm fuq il-websajt tal-EPSO, sa mhux iktar minn 10 ijiem kalendarji wara n-notifika tar-riżultati miksuba fil-kompetizzjoni.

It-talbiet se jiġu pproċessati filwaqt li titqies in-natura kunfidenzjali tal-ħidma tal-Bordijiet ta' Selezzjoni, hekk kif previst mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali (l-Anness III, l-Artikolu 6) u f'konformità mar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali.”.


(1)  Kandidat li jkun intgħażel jista' jitlob b'mod espliċitu li ismu ma jiġix ippubblikat. Din it-talba għandha tasal għand l-EPSO mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li jiġu kkomunikati r-riżultati.”