| 
                13.4.2013  | 
            
                MT  | 
            
                Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  | 
            
                C 107/11  | 
         
Sejħa għal turija ta’ interess għal sħubija fil-panils Xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (Parma, l-Italja)
2013/C 107/07
“Panil dwar l-addittivi fl-ikel u sorsi nutrijenti miżjudin fl-ikel” (ANS)
u
“Panil dwar il-materjali ta’ kuntatt mal-ikel, enzimi, togħmiet u għajnuniet fl-ipproċessar” (CEF)
Ref.: EFSA/E/2013/001
1. Suġġett tas-Sejħa
Din is-sejħa hija indirizzata lix-xjenzati li jixtiequ li jiġu kkunsidrati għas-sħubija fil-Panil xjentifiku dwar l-addittivi fl-ikel u sorsi nutrijenti miżjudin fl-ikel (ANS) jew fil-Panil xjentifiku dwar il-materjal ta’ kuntatt mal-ikel, enzimi, togħmiet u għajnuniet fl-ipproċessar (CEF) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) sabiex jiġu identifikati l-aqwa xjenzati Ewropej għal dan il-kompitu.
Il-membri attwali tal-Panils Xjentifiċi tal-ANS u s-CEF qegħdin iservu mandat ta’ tliet snin li sejjer jiskadi f’Lulju 2014. L-applikanti li sejrin ikollhom suċċess f’din is-sejħa sejrin jinħatru bħala membri ta’ wieħed mill-Panils ta’ hawn fuq għat-terminu ta’ tliet snin li jibda f’Lulju 2014.
2. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hija l-qafas ewlieni tal-valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni Ewropea (UE) fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf. B’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u b’konsultazzjoni miftuħa mal-partijiet interessati tagħha, l-EFSA tipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti u komunikazzjoni ċara fuq riskji eżistenti u emerġenti bbażati fuq l-aktar metodoloġiji xjentifiċi u dejta xjentifika aġġornata disponibbli. Il-parir xjentifiku tagħha huwa l-bażi tal-politiki u deċiżjonijiet tal-ġesturi tar-riskji fl-Istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri tal-UE.
L-EFSA tlaqqa’ flimkien lill-aqwa esperti Ewropej disponibbli fil-valutazzjoni tar-riskju fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, li jaġixxu b’kapaċità indipendenti għal organizzazzjoni awtonoma u mmexxija minnha stess biex tipprovdi lill-Istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri b’parir xjentifiku tal-ogħla livell.
L-Awtorità hija impenjata li tosserva l-istandards ewlenin ta’ eċċellenza xjentifika, onestà, trasparenza, indipendenza u ta’ rispons f’waqtu. Billi taħdem b’mod indipendenti, miftuħ u trasparenti, l-EFSA twassal l-aqwa parir xjentifiku possibbli u għalhekk tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ is-sistema Ewropea tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf.
Għal aktar informazzjoni dwar l-EFSA, jekk jogħġbok irreferi għar-Regolament ta’ Stabbiliment tagħha:
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2002R0178:20090807:MT:PDF
3. L-irwol tal-Panils Xjentifiċi tal-EFSA
Il-Panils Xjentifiċi u l-Kumitat Xjentifiku huma responsabbli għall-għoti ta’ opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità u pariri oħrajn kif ikun meħtieġ, kull wieħed fi ħdan il-qasam tal-kompetenza tiegħu. Jipproduċu opinjonijiet xjentifiċi kif ukoll pariri għall-ġesturi tar-riskji. Dan jgħin biex tiġi pprovduta bażi soda għall-formolazzjoni tal-politiki Ewropej u tal-leġiżlazzjoni Ewropea u dan jappoġġa lill-ġesturi tar-riskji fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-Panils Xjentifiċi huma normalment magħmulin minn wieħed u għoxrin (21) espert xjentifiku indipendenti. Il-Kumitat Xjentifiku huwa magħmul mill-Presidenti ta’ kull Panil Xjentifiku u minn sitt (6) esperti xjentifiċi oħrajn.
Il-Membri tal-Panils Xjentifiċi u tal-Kumitat Xjentifiku jinħatru għal mandat ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded darbtejn. Il-membri huma mistennija li jattendu u li jikkontribwixxu b’mod attiv fil-laqgħat kollha tal-Panil tal-Kumitat Xjentifiku jew tal-Panils Xjentifiċi fejn jiġu adottati l-opinjonijiet, id-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti ta’ gwida.
Dawn l-opinjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti ta’ gwida xjentifiċi huma ppubblikati fil-Ġurnal tal-EFSA, pubblikazzjoni ta’ kull xahar li hija indiċjata fid-databases biblijografiċi rilevanti għax-xogħol tal-EFSA.
L-applikanti jiġu riferuti għall-Anness I ippubblikat fis-sit elettroniku tal-EFSA biex jikkonsultaw id-deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti tal-Panils Xjentifiċi.
L-applikanti huma rrakkomandati li jagħtu attenzjoni partikolari għall-Anness I meta jħejju l-applikazzjonijiet tagħhom. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni, fir-rigward ta’ jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-għażla (ara sezzjoni 5 hawn taħt), sejra tingħata l-konsiderazzjoni dovuta għall-adegwatezza tal-profili tal-applikanti fir-rigward tal-mandat tal-Panils Xjentifiċi.
Għal aktar informazzjoni dwar l-għażla tal-Membri tal-Kumitatu Panils Xjentifiċi u l-Kumitat Xjentifiku jekk jogħġbok irreferi għal “Decision of the Executive Director concerning the selection of members of the Scientific Committee, Scientific Panels and external experts” (“Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv dwar l- għażla ta’ membri tal-Kumitat Xjentifiku, Panils Xjentifiċi u esperti esterni”)
http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/expertselection.pdf
Għal aktar informazzjoni dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-Panils Xjentifiċi u l-Gruppi ta’ Ħidma tagħhom, jekk jogħġbok irreferi għal “Decision of the Management Board concerning the establishment and operations of the Scientific Committee, Scientific Panels and of their Working Groups” (“Deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal- Kumitat Xjentifiku, Panils Xjentifiċi u tal-Gruppi ta’ Ħidma tagħhom”).
http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/paneloperation.pdf
4. Ir-rwol tal-membri tal-Panils Xjentifiċi tal-EFSA
Il-membri tal-Panils Xjentifiċi huma xjenzati esperjenzati u indipendenti magħżulin u maħturin skont ir-regoli tal-EFSA u r-Regolament ta’ Stabbiliment tal-EFSA.
Matul il-mandat tagħhom, il-membri tal-Panils Xjentifiċi sejrin jintalbu jwettqu l-kompiti li ġejjin:
| 
                —  | 
            
                Jikkontribwixxu għad-diskussjoni, it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ opinjonijiet xjentifiċi tal-Panil Xjentifiku u l-attivitajiet tal-gruppi ta’ ħidma tagħhom;  | 
         
| 
                —  | 
            
                Jikkontribwixxu għall-parir xjentifiku dwar kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Panil Xjentifiku;  | 
         
| 
                —  | 
            
                Jagħtu pariri dwar it-twettiq u l-organizzazzjoni ta' attivitajiet xjentifiċi tal-Panil Xjentifiku.  | 
         
Il-membri tal-Panils Xjentifiċi jistgħu jintgħażlu bħala Presidenti, viċi-presidenti u rapporteurs tal-Panils Xjentifiċi u tal-gruppi ta’ ħidma tagħhom b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Panil ta’ Ġestjoni tal-EFSA (1) dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Panils Xjentifiċi.
Kundizzjonijiet ġenerali:
| 
                
  | 
            
                Membri ta’ Panils Xjentifiċi sejrin jintalbu jattendu għal laqgħat ta’ jumejn li normalment isiru f’Parma, l-Italja. Dawn il-laqgħat isiru bejn sitta u tmien darbiet fis-sena.  | 
         
| 
                
  | 
            
                Minbarra dan, il-Membri tal-Panils Xjentifiċi huma mistennija li jipparteċipaw, kif ikun xieraq, f’xi laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma li huma stabbiliti mill-Panils Xjentifiċi. Dawn il-laqgħat normalment jiġu organizzati bejn sitta u tmien darbiet fis-sena.  | 
         
| 
                
  | 
            
                L-attendenza fil-laqgħa tal-Panils Xjentifiċi jew tal-gruppi ta’ ħidma teħtieġ xi ammont ta’ xogħol preparatorju, inkluż qari minn qabel u abbozzar ta’ dokumenti. Il-laqgħat u ħafna mid-dokumenti huma bl-Ingliż.  | 
         
| 
                
  | 
            
                L-applikanti huma meħtieġa li jesprimu l-impenn tagħhom li, jekk jinħatru, huma jipparteċipaw fl-attivatijiet tal-Panils Xjentifiċi.  | 
         
| 
                
  | 
            
                L-EFSA sejra, skont ir-regoli finanzjarji tagħha, tħallas l-ispejjeż tal-vjaġġi, benefiċċji ta’ kuljum u tal-akkomodazzjoni tal-membri. Indennizz speċjali jitħallas għal kull jum sħiħ ta’ attendenza għal laqgħa (2).  | 
         
5. Proċedura tal-Għażla
Fil-formola ta’ applikazzjoni, il-kandidati jintalbu jagħżlu bejn iż-żewġ Panils Xjentifiċi skont l-ordni ta’ preferenza tagħhom.
Ir-rekwiżiti
Kull applikazzjoni sejra tiġi mgħarbla skont ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà li ġejjin.
A. Kriterji ta’ eliġibbiltà
| 
                (i)  | 
            
                Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ta’ mill-anqas erba’ (4) snin attestati b’diploma fl-oqsma li ġejjin: l-Agrikoltura, is-Saħħa tal-annimali, il-Bijokimika, il-Bijoinformatika, il-Bijoloġija, il-Bijometrika, il-Bijoteknoloġija, il-Kimika, l-Espożizzjoni għad-dieta, l-Ambjent, l-Epidemjoloġija, ix-Xjenza tal-ikel, it-Teknoloġija tal-ikel, il-Ġenetika, is-Saħħa u sigurtà fl-ikel, il-Mediċina tal-bniedem, ix-Xjenzi tal-ħajja, il-Matematika, il-Mikrobijoloġija, ix-Xjenzi naturali, in-Nutrizzjoni, il-Farmaċija, ix-Xjenzi tal-pjanti, is-Saħħa Pubblika, l-Istatistika, it-Tossikoloġija, il-Mediċina Veterinarja jew oqsma relatati;  | 
         
| 
                (ii)  | 
            
                Barra minn hekk, mill-anqas għaxar (10) snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti għall-kompetenza tal-Panil(s) magħżul(a) miksubin wara li tkun inkisbet id-diploma;  | 
         
| 
                (iii)  | 
            
                Għarfien eċċellenti tal-lingwa Ingliża (3);  | 
         
| 
                (iv)  | 
            
                L-applikanti jridu jimlew id-Dikjarazzjoni tal-Interessi inkluża fl-applikazzjoni b’mod estensiv, preċiż u komplet (4). Jekk jogħġbok innota li jekk ma timlix din il-parti tal-formola b’mod komplet, dan iwassal sabiex l-applikazzjoni tiegħek tiġi rifjutata (5);  | 
         
| 
                (v)  | 
            
                L-applikanti jridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE), tal-pajjiżi fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew tal-pajjiżi kandidati tal-UE. Esperti minn pajjiżi terzi jistgħu japplikaw ukoll iżda jiġu kkunsidrati biss għal sħubija fil-Panils Xjentifiċi, meta l-livell meħtieġ ta’ ħila ma jkunx jista’ jinstab fost ċittadini tal-pajjiżi tal-UE, tal-EFTA jew tal-Pajjiżi kandidati għal sħubija fl-UE.  | 
         
| 
                (vi)  | 
            
                Impenn biex jattendu għal-laqgħat u biex jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Panils.  | 
         
B. Kriterji tal-għażla – Evalwazzjoni
L-applikazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà (ara sezzjoni 5.A) sejrin jiġu ammessi għal evalwazzjoni komparattiva mwettqa mill-EFSA fuq il-bażi tal-kriterji ta’ għażla indikati hawn taħt.
L-applikanti huma mħeġġa ħafna li jimlew il-formola tal-applikazzjoni fis-sezzjonijiet kollha bl-informazzjoni u bl-evidenza kollha meħtieġa, minħabba li din sejra tifforma l-bażi għall-evalwazzjoni tagħhom.
L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet kollha meqjusin eliġibbli sejra ssir permezz ta’ medda ta’ punteġġi minn 0 (żero) sa 5 (ħamsa) għal kull kriterju ta’ għażla indikat hawn taħt. Sabiex tiġi riflessa l-importanza relattiva tad-diversi kriterji ta’ għażla, sejjer jiġi attribwit koeffiċjent ta’ peżar. Kull applikazzjoni sejra tikseb medda ta’ punteġġ ta’ bejn 0 (żero) u 100 (mija).
Sejrin jiġu eżaminati l-kriterji tal-għażla li ġejjin:
| 
                —  | 
            
                Esperjenza fit-twettiq ta’ valutazzjoni xjentifika tar-riskju fl-oqsma relatati mas-sigurtà fl-ikel u l-għalf fl-oqsma ta’ kompetenza u għarfien espert tal-Panil Xjentifiku ppreferut (Massimu ta’ 15-il punt minn 100).  | 
         
| 
                —  | 
            
                Esperjenza fl-għoti ta’ pariri xjentifiċi oħrajn fl-oqsma relatati mas-sigurtà fl-ikel u l-għalf fl-oqsma ta’ kompetenza u għarfien espert tal-Panil Xjentifiku ppreferut (Massimu ta’ 15-il punt minn 100).  | 
         
| 
                —  | 
            
                Eċċellenza xjentifika li tista’ tingħata prova tagħha f’qasam wieħed, jew preferibbilment f’aktar minn wieħed, relatata mal-qasam kopert mill-Panil Xjentifiku ppreferut. (Massimu ta’ 20 punt minn 100).  | 
         
| 
                —  | 
            
                Esperjenza ta’ ħidma xjentifika fl-istudju tal-pari (peer-reviewing) u l-pubblikazzjonijiet, preferibbilment f’oqsma relatati mal-qasam ittrattat mill-Kumitat Xjentifiku jew mill-Panil Xjentifiku ppreferut. (Massimu ta’ 15-il punt minn 100).  | 
         
| 
                —  | 
            
                Ħila li ssir analiżi ta’ informazzjoni u ta’ faxxikli kumplessi, ħafna drabi minn firxa wiesgħa ta’ dixxiplini u sorsi xjentifiċi u li jitħejjew abbozzi ta’ opinjonijiet u rapporti xjentifiċi (Massimu ta’ 10 punti minn 100).  | 
         
| 
                —  | 
            
                Esperjenza professjonali f’ambjent multidixxiplinarju, preferibbilment f’kuntest internazzjonali (Massimu ta’ 10 punti minn 100).  | 
         
| 
                —  | 
            
                Esperjenza fl-immaniġġjar ta’ proġetti relatati ma’ kwistjonijiet xjentifiċi (Massimu ta’ 5 punti minn 100).  | 
         
| 
                —  | 
            
                Ħiliet komunikattivi evidenzjati, ibbażati fuq esperjenza tat-tagħlim, preżentazzjonijiet pubbliċi, partiċipazzjoni attiva f’laqgħat, pubblikazzjonijiet (Massimu ta’ 10 punti minn 100).  | 
         
L-applikanti jistgħu jiġu kkunsidrati biss għal sħubija jekk l-applikazzjoni tagħhom tikseb punteġġ li jkun aktar minn punteġġ ta’ aċċettazzjoni ta’ 66 punt (minn 100). L-EFSA tirriserva d-dritt li tikkonsulta mal-partijiet terzi dwar l-esperjenza professjonali tal-applikanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħhom.
Minbarra l-kriterji msemmija hawn fuq, id-Dikjarazzjoni Annwali tal-Interessi sejra tiġi riveduta skont il-Proċedura tal-EFSA għall-Identifikazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Kunflitti ta’ Interess Potenzjali (6). Il-firxa ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali tiġi kkunsidrata meta tittieħed deċiżjoni dwar jekk applikant huwiex sejjer jiġi evalwat aktar.
Għal aktar informazzjoni dwar l-għażla tal-Membri tal-Panils Xjentifiċi jekk jogħġbok irreferi għad-“Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv dwar l-għażla tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku, tal-Panils Xjentifiċi u esperti esterni”
http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/expertselection.pdf
6. Lista ta’ riserva u Ħatriet
L-applikanti li jinstabu li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal sħubija jistgħu jinħatru bħala membri għal mandat ta’ tliet snin, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Panil ta’ Ġestjoni tal-EFSA fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA.
Qabel il-ħatra, l-EFSA żżomm id-dritt li tqabbel l-applikazzjoni tal-applikanti kkunsidrati għal sħubija ma’ dokumenti u ċertifikati sabiex tikkonferma l-preċiżjoni u l-eliġibbiltà tal-applikazzjoni.
L-applikanti li jinstabu li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal sħubija sejrin jiġu inklużi fil-lista ta’ riserva. L-applikanti għandhom jinnotaw li l-inklużjoni f’lista ta’ riserva ma jiggarantixxix il-ħatra bħala membru.
L-applikanti li jitqiegħdu fil-lista ta’ riserva li tirriżulta minn din is-sejħa, jistgħu bil-kunsens minn qabel tagħhom, jinħatru bħala membri ta’ Panil Xjentifiku anki jekk ma jkunux applikaw speċifikament għal sħubija f’dan il-Panil.
7. Database tal-esperti
Il-kandidati eliġibbli kollha sejrin ikunu mistiedna biex japplikaw fid-database tal-esperti tal-EFSA.
Għal aktar informazzjoni dwar id-database tal-esperti tal-EFSA:
http://www.efsa.europa.eu/EFSA/AboutEfsa/WhoWeAre/efsa_locale-1178620753812_1178712806106.htm
8. Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta’ impenn u interess
Il-membri tal-Panils Xjentifiċi jinħatru f’kapaċità personali. L-applikanti huma meħtieġa jinkludu dikjarazzjoni li huma sejrin ikunu impenjati li jaġixxu b’mod indipendenti minn kull influwenza barranija, kif ukoll dikjarazzjoni tal-interessi li jistgħu jitqiesu bħala ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom (ara l-kriterju ta’ eliġibbiltà iv fis-Sezzjoni 5.A). L-applikanti huma responsabbli għall-kontenut tad-dikjarazzjoni ppreżentata li sejra tiġi vvalutata mill-EFSA skont id-Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv li timplimenta l-Politika tal-EFSA dwar l-Indipendenza u l-Proċess Xjentifiku ta’ Teħid ta’ Deċiżjonijiet fir-rigward tad-Dikjarazzjonijiet tal-Interessi.
L-applikanti jistgħu jiġu kkuntattjati għal kjarifika ulterjuri dwar id-Dikjarazzjoni tal-Interessi li ppreżentaw mal-applikazzjoni tagħhom.
Ara hawn taħt għal xi eżempji ta’ x’jitqies bħala Kunflitt ta’ Interess:
| 
                —  | 
            
                Mhijiex permessa Sħubija f’Panils Xjentifiċi għall-kandidati li, fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tagħhom, huma impjegati minn kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li twettaq xi waħda mill-attivitajiet li li r-riżultati xjentifiċi tal-EFSA jħallu impatt dirett jew indirett, bħall-produzzjoni tal-ikel, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, l-agrikoltura jew it-trobbija tal-annimali. Dan jinkludi kwalunkwe forma ta’ okkupazzjoni jew kummerċ regolari, part-time jew full-time, imħallsa jew mhux imħallsa, inkluż impjieg indipendenti (eż konsulenza) għall-benefiċċju tal-persuni msemmija hawn fuq.  | 
         
| 
                —  | 
            
                Mhijiex permessa Sħubija f’Panils Xjentifiċi għall-kandidati li, fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tagħhom, huma involuti f’konsulenza ad-hoc jew okkażjonali lil korpi bħall-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ produtturi ta’ prodotti li l-Panil rilevanti jivvaluta, dwar firxa ta’ suġġetti tant wiesgħa’ li din l-attività tkun regolarment f’kunflitt ma’ punti fuq l-aġenda tal-Panil Xjentifiku rilevanti.  | 
         
Għal aktar informazzjoni dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Interessi:
Politika dwar l-Indipendenza u l-Proċessi għat-Teħid ta’ Deċiżjonijiet Xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel:
http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/independencepolicy.pdf
Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv li timplimenta l-Politika tal-EFSA dwar l-Indipendenza u l-Proċessi għat-Teħid ta’ Deċiżjonijiet Xjentifiċi dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Interessi:
http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/independencepolicy.pdf
Rapport tal-EFSA lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta’ indipendenza tagħha għall-2007-2012:
http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/independencepolicyreport0712.pdf
9. Opportunitajiet indaqs
L-EFSA tagħti attenzjoni kbira għall-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ trattament ugwali fil-proċeduri tagħha.
10. Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet
Il-kandidati huma mitluba li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom flimkien mad-Dikjarazzjoni tal-Interessi b’mod elettroniku permezz tal-websajt tal-EFSA: http://www.efsa.europa.eu/
L-applikazzjonijiet jitqiesu ammissibbli biss jekk formola tal-applikazzjoni mimlija kif meħtieġ tiġi sottomessa online. Applikazzjonijiet mibgħuta b’posta rreġistrata jiġu aċċettati b’eċċezzjoni, f’każ ta’ nuqqas serju tas-sistema online tal-IT.
Applikazzjonijiet mibgħuta permezz ta’ posta tradizzjonali/elettronika mhumiex sejrin jiġu aċċettati.
Il-kandidati huma ġentilment mitluba biex jimlew l-applikazzjoni tagħhom bl-Ingliż biex jiffaċilitaw il-proċedura tal-għażla.
L-applikanti kollha jiġu infurmati permezz tal-posta dwar ir-riżultat tal-proċess tal-għażla.
L-informazzjoni personali li l-EFSA titlob mingħand l-applikanti tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (7).
L-għan tal-ipproċessar tad-dejta personali huwa li jiġu mmaniġġjati l-applikazzjonijiet għal sħubija fil-Kumitat jew fil-Panils Xjentifiċi tal-EFSA.
11. Data tal-għeluq sa meta jintbagħtu l-applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Ġunju 2013 f’nofs il-lejl (Ħin lokali, GMT + 1).
Jekk jogħġbok innota li, minħabba n-numru kbir ħafna ta’ applikazzjonijiet li nirċievu, meta d-data ta’ għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tkun fil-qrib, is-sistema jista’ jkollha problemi biex tipproċessa l-ammonti kbar ta’ dejta. Għalhekk aħna nagħtu l-parir lill-applikanti biex jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom ħafna qabel id-data tal-għeluq.
Nota:
Fil-każ ta’ inkonsistenza jew diskrepanza bejn il-verżjoni Ingliża u kwalunkwe verżjoni lingwistika oħra ta’ din il-pubblikazzjoni, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża għandha tipprevali.
(1) Għal aktar informazzjoni, irreferi għal:
http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/paneloperation.pdf
(2) Għal aktar informazzjoni, irreferi għal:
http://www.efsa.europa.eu/efsa_rep/repository/documents/Experts_compensation_guide.pdf
(3) “Għarfien eċċellenti” għandha tfisser li tikkorrespondi għal livell B2 jew ogħla (jiġifieri livelli C1 u C2) kif speċifikat fid-dokument ta’ referenza tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Portafoll Ewropew tal-Lingwi (“Qafas Ewropew Komuni ta’ Referenza: Kif titgħallem, Kif tgħallem, u Valutazzjoni”). Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok irreferi għal http://www.coe.int/t/dg4/linguistic/Source/Framework_en.pdf
(4) Għal aktar gwida dwar kif timla d-Dikjarazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għad-Dokument ta’ Gwida dwar id-Dikjarazzjonijiet ta’ Interess, disponibbli mis-sit elettroniku tal-EFSA fuq http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/independencepolicy.pdf and http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/independencerules.pdf
(5) Jekk jogħġbok ara sezzjoni 8 ta’ din is-sejħa fuq Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta’ impenn u interess.
(6) Disponibbli mis-sit elettroniku tal-EFSA fuq http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/independencepolicy.pdf u http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/independencerules.pdf
ANNESS I
EFSA/E/2013/001
Panil dwar l-Addittivi fl-Ikel u Sorsi ta’ Nutrijenti miżjudin mal-ikel (ANS)
Il-Panil dwar l-Addittivi fl-Ikel u Sorsi ta’ Nutrijenti miżjudin mal-ikel (ANS) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jipprovdi pariri xjentifiċi għall-maniġers tar-riskji dwar sustanzi miżjudin mal-ikel b’mod maħsub jew preżenti b’mod naturali fl-ikel. Il-Panil tal-ANS jittratta kwistjonijiet relatati mas-sigurtà fl-użu ta’:
| 
                   —  | 
               
                   L-addittivi fl-ikel (applikazzjonijiet ġodda għall-awtorizzazzjoni kif ukoll għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi kollha fl-ikel li kienu permessi qabel l-20 ta’ Jannar 2009);  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Is-sorsi ta’ nutrijenti (pereżempju: sorsi ta’ vitamini u minerali) u ta’ sustanzi oħrajn miżjudin mal-ikel għal finijiet nutrittivi;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Sustanzi oħrajn miżjudin mal-ikel b’mod maħsub, iżda li jeskludu t-taħwir u l-enzimi.  | 
            
Il-maġġoranza tal-ħidma tal-Panil titwettaq fil-kuntest tal-programm ta’ valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi fl-ikel għal sustanzi li ngħatalhom permess li jintużaw qabel l-2009, fejn id-dejta xjentifika għandha tinġabar permezz ta’ sejħa pubblika għad-dejta. Barra dan, il-Panil iwettaq il-proċeduri ta’ valutazzjoni wara l-applikazzjonijiet sottomessi mill-industrija lill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tas-sorsi ta’ nutrijenti u tal-addittivi fl-ikel. Il-Panil jista’ jiżviluppa wkoll dokumenti ta’ gwida xjentifiċi biex jikkjarifika l-approċċ ta’ valutazzjoni u biex jassisti lill-industrija fit-tħejjija ta’ applikazzjonijiet ġodda.
Fil-perjodu 2014-2017, wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Panil tal-ANS sejjer ikun il-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi fl-ikel skont l-iskadenzi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE. B’mod partikulari, il-Panil mistenni jiffoka fuq il-preservattivi u l-emulsifikanti, l-istabbilizzaturi u l-gelling agents, kif ukoll fuq applikazzjonijiet ġodda għal awtorizzazzjoni (jiġifieri addittivi fl-ikel u sorsi ta’ nutrijenti ġodda).
Tista’ ssib aktar informazzjoni taħt it-taqsima dwar suġġetti ewlenin relatati mal-ANS fis-sit elettroniku tal-EFSA
http://www.efsa.europa.eu/en/panels/ans.htm
F’dan l-isfond, is-sejħa preżenti hija indirizzata b’mod speċjali lix-xjenzati li għandhom għarfien espert fil-valutazzjoni tar-riskji ta’ sustanzi kimiċi u fil-valutazzjoni tas-sigurtà tal-addittivi fl-ikel, tas-sorsi ta’ nutrijenti jew tas-sustanzi ta’ oriġini botanika fl-ikel.
B’mod aktar speċifiku, il-Panil jeħtieġ għarfien espert fl-oqsma li ġejjin:
| 
                   —  | 
               
                   It-tossikoloġija (tal-mammiferi), fl-oqsma li ġejjin ta’ tossiċità kronika u subkronika (studji ta’ doża ripetuti), ġenotossiċità u mutaġeniċità, tossiċità riproduttiva u ta’ żvilupp, karċinoġeniċità, allerġeniċità u immunotossiċità;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   It-testjar tat-tossiċità f’testijiet sperimentali fuq l-annimali u t-tossiċità alternattiva;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   It-tossikokinetika u l-metaboliżmu, li jfissru l-assorbiment, id-distribuzzjoni, il-metaboliżmu u t-tneħħija tal-ħmieġ (ADME) ta’ sustanzi (it-tossikokinetika u t-tossikodinamika);  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Il-kimika (il-kimika organika, inorganika, analitika u sintetika), speċjalment għall-identifikazzjoni kimika u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Il-valutazzjoni tal-esponiment u stħarriġ dwar il-konsum;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   It-teknoloġija fl-ikel (il-proċessi tal-manifattura u l-użu ta’ addittivi fl-ikel).  | 
            
Panil dwar Materjali li Jiġu f’Kuntatt mal-Ikel, Taħwir, Enzimi u Għajnuniet għall-Ipproċessar (CEF)
Il-Panil dwar Materjali li Jiġu f’Kuntatt mal-Ikel, Taħwir, Enzimi u Għajnuniet għall-Ipproċessar (CEF) jipprovdi pariri xjentifiċi għall-maniġers tar-riskji dwar sustanzi li jiġu miżjudin mal-ikel b’mod maħsub jew dwar materjal tal-imballaġġ li jiġi f’kuntatt mal-ikel. Il-Panil tas-CEF jittratta kwistjonijiet relatati mas-sigurtà fl-użu ta’:
| 
                   —  | 
               
                   Materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel (sustanzi li jintużaw fil-manifattura ta’ materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel u proċessi għar-riċiklaġġ ta’ materjal tal-plastik maħsub biex jiġi f’kuntatt mal-ikel);  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Enzimi tal-ikel;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Sustanzi ta’ taħwir;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Għajnuniet għall-ipproċessar.  | 
            
Il-maġġoranza tal-ħidma tal-Panil titwettaq fil-kuntest tal-applikazzjonijiet ġodda għall-awtorizzazzjoni tal-enzimi tal-ikel. Barra dan, il-Panil iwettaq il-proċeduri ta’ valutazzjoni wara l-applikazzjonijiet sottomessi mill-industrija lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-Istati Membri fl-oqsma tal-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, it-taħwir u l-għajnuniet għall-ipproċessar. Il-Panil jista’ jiżviluppa wkoll dokumenti ta’ gwida xjentifiċi sabiex jikkjarifika l-approċċ ta’ valutazzjoni u sabiex jassisti lill-industrija fit-tħejjija ta’ applikazzjonijiet ġodda.
Fil-perjodu 2014-2017, wieħed mill-kompiti ewlenin sejjer ikun il-valutazzjoni tal-enzimi tal-ikel, inklużi dawk minn mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament, bil-għan li tiġi stabbilita lista tal-UE. L-industrija fl-UE mistennija tissottometti bosta mijiet ta’ applikazzjonijiet li l-Panil sejjer jintalab jevalwa. Barra dan, il-Panil sejjer jissokta bil-ħidma tiegħu fl-oqsma tat-taħwir u l-proċessi u l-materjali li jintużaw fl-imballaġġ tal-ikel.
Tista’ ssib aktar informazzjoni taħt it-taqsima dwar suġġetti ewlenin relatati mas-CEF fis-sit elettroniku tal-EFSA
http://www.efsa.europa.eu/en/panels/cef.htm
F’dan l-isfond, is-sejħa preżenti hija indirizzata b’mod speċjali lix-xjenzati li għandhom għarfien espert fil-valutazzjoni tar-riskji ta’ sustanzi kimiċi, b’enfasi speċjali fuq l-enzimi tal-ikel, is-sustanzi tat-taħwir, is-sustanzi kimiċi li jintużaw fil-produzzjoni ta’ materjal tal-plastik jew materjal ieħor għall-ippakkjar tal-ikel.
B’mod aktar speċifiku, il-Panil jeħtieġ għarfien espert fl-oqsma li ġejjin:
| 
                   —  | 
               
                   It-tossikoloġija (tal-mammiferi), fl-oqsma li ġejjin ta’ tossiċità kronika u subkronika (studji ta’ doża ripetuti), ġenotossiċità u mutaġeniċità, tossiċità riproduttiva u ta’ żvilupp, karċinoġeniċità, allerġeniċità u immunotossiċità;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   L-ittestjar tat-tossiċità f’testijiet sperimentali fuq l-annimali u t-tossiċità alternattiva;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   It-tossikokinetika u l-metaboliżmu, li jfissru l-assorbiment, id-distribuzzjoni, il-metaboliżmu u t-tneħħija tal-ħmieġ (ADME) ta’ sustanzi (it-tossikokinetika u t-tossikodinamika);  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   L-epidemjoloġija (tal-bnedmin);  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Il-kimika (il-kimika organika, analitika u sintetika), speċjalment għall-identifikazzjoni kimika u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi u għall-ittestjar tal-immigrazzjoni ta’ materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Il-valutazzjoni tal-espożizzjoni u stħarriġ dwar il-konsum;  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   It-teknoloġija fl-ikel (il-proċessi tal-manifattura u l-użu ta’ għajnuniet għall-ipproċessar);  | 
            
| 
                   —  | 
               
                   Il-mikrobijoloġija tal-ikel, inkluża l-bijoteknoloġija tal-enzimi bl-użu ta’ mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament.  |