|
9.4.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 102/3 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
2013/C 102/03
Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta’ EUR 2, maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Italja
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha, bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Komunità li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, notevolment li dawn ikunu biss muniti ta’ EUR 2. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita: L-Italja
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: il-mitt anniversarju mill-mewt ta’ Giovanni PASCOLI
Deskrizzjoni tad-disinn: Fuq quddiem, hemm wiċċ il-poeta Giovanni PASCOLI minn Romagna, figura rappreżentattiva tal-letteratura Taljana tal-aħħar tas-seklu 19. Fuq in-naħa tal-lemin, hemm is-sena ta’ meta nħarġet il-munita “2012” u l-monogramma tar-Repubblika Taljana “RI”; fuq in-naħa tax-xellug, hemm is-sena ta’ meta miet “1912”, il-marka taz-zekka “R” u l-inizjali tal-awtriċi Maria Carmela Colaneri “MCC”. Fuq in-naħa ta’ isfel, hemm l-iskrizzjoni “G. PASCOLI”, f’forma ta’ arkata.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 15-il miljun
Id-data tal-ħruġ: April 2012
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).