|
23.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 19/6 |
Sejħa għal applikazzjonjiet għall-għażla tal-esperti bħala membri tal-Forum ta' Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari
2013/C 19/05
1. Deskrizzjoni tal-grupp
Fit-30 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni waqqfet il-Forum ta' Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari (1). Ix-xogħol ta' dan il-grupp huwa li jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-politika industrijali fis-settur agroalimentari. Għal dan il-għan, għandu jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/359/KE (2) minn naħa waħda u, l-implimentazzjoni tal-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “Funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa” (3) min-naħa l-oħra.
Fil-5 ta’ Diċembru 2012, il-Forum rrapporta dwar ix-xogħol tiegħu u rrakkomanda azzjoni ulterjuri li trid titwettaq f’diversi oqsma speċifiċi (4). Fid-19 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li ttawwal il-mandat tal-Forum b’sentejn u li tirrevedi s-sħubija tiegħu fuq il-bażi ta' sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet (5).
Skont l-Artikolu 4.1 tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2010 kif immodifikat bid-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, il-Forum għandu jinkludi sa 50 organizzazzjoni, fosthom l-awtoritajiet nazzjonali mill-Istati Membri. Din is-sejħa għall-applikazzjonijiet hija miftuħa għall-għażla tal-membri għajr l-awtoritajiet nazzjonali, li ser ikunu magħżula minn fost:
|
— |
in-negozji involuti b’mod attiv fl-industrija agroalimentari, u fil-kummerċ u d-distribuzzjoni ta' prodotti agroalimentari fl-UE, |
|
— |
assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet li jirrappreżentaw il-bdiewa, l-industrija agroalimentari u l-kummerċ u d-distribuzzjoni tal-prodotti agroalimentari fl-UE, |
|
— |
organizzazzjonijiet mhux governattivi b’kompetenza fi kwistjonijiet dwar il-katina tal-provvista alimentari. |
Il-membri attwali li jixtiequ jġeddu l-mandat tagħhom għandhom iwieġbu għal din is-sejħa.
Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-membri għal mandat rinnovabbli ta’ sena.
Membri u r-rappreżentanti tagħhom għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 5.6 tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2010. Il-membri m’għandhom jirċievu l-ebda rimunerazzjoni għad-doveri tagħhom.
Il-biċċa l-kbira tal-laqgħat se jsiru bl-Ingliż.
2. Il-kriterji tal-eliġibbiltà
Mid-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati jridu:
|
— |
jkollhom entità ġuridika (6) rreġistrata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, jew f'pajjiż kandidat jew f’pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea, |
|
— |
jiġu rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-Unjoni (7). |
3. Il-kriterji tal-għażla
Il-Kummissjoni se tqis il-kriterji li ġejjin meta tivvaluta l-applikazzjonijiet:
|
— |
Rekord ċar ta' attività rilevanti għall-kompiti ta’ Forum ta' Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari, |
|
— |
Kapaċità operattiva evidenti għall-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-forum, li trid tintwera’ permezz ta’ deskrizzjoni tal-organizzazzjoni, tal-esperjenza tagħha, tar-riżorsi u tal-kisbiet tagħha; |
|
— |
Evidenza li turi biċ-ċar il-kompetenza, l-esperjenza u l-livell ġerarkiku tar-rappreżentant(i) propost(i) tal-organizzazzjoni; |
|
— |
Il-bżonn li jkun hemm bilanċ fi ħdan il-grupp ta’ esperti f’termini tar-rappreżentanza tal-applikanti u tal-oriġini ġeografika, tal-interessi, u tal-għarfien espert rilevanti rispettivi tagħhom. |
4. Il-proċedura tal-għażla
Bord ta' mill-inqas tliet uffiċjali tal-Kummissjoni se jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija. Huma se jiddeċiedu li l-applikanti se jiġu mistiedna biex isiru membri tal-Forum. Il-membri l-ġodda se jinħatru sa mill-1 ta’ Marzu 2013.
5. Il-tressiq tal-applikazzjonijiet
Ittra ta' motivazzjoni, flimkien mal-formola tal-applikazzjoni (l-Anness), iffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika li qed tapplika, għandhom jintbagħtu fl-indirizz elettroniku: entr-food-forum@ec.europa.eu, sa mhux aktar tard mit-8 ta' Frar 2013, kif ippruvat bin-notifika tal-kunsinna. L-applikazzjonijiet li jaslu wara din id-data mhux ser jiġu evalwati.
L-organizzazzjonijiet kollha li qed japplikaw għandhom jindikaw b'mod ċar it-tip ta' interess li jirrappreżentaw (jiġifieri l-konsumaturi, l-ambjent, l-impjegati, l-SMEs, is-settur ekonomiku eċċ.), jipproponu lir-rappreżentant(i) u n-numru ta' reġistrazzjoni tagħhom fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-Unjoni.
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi b'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-applikazzjonijiet bl-Ingliż iħaffu l-proċedura tal-evalwazzjoni.
Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li fi stadju aktar tard titlob dokumenti ta' sostenn, u li tista’ tissostitwixxi lil xi membru li jkun ressqilha dikjarazzjonijiet mhux preċiżi jew inkella foloz.
Id-dejta personali se tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (8).
Il-lista tal-membri tal-Forum għandha tkun ippubblikata fir-reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (9).
Għal kull informazzjoni oħra, jekk jogħġbok ibgħat il-mistoqsijiet tiegħek lil: entr-food-forum@ec.europa.eu
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi Forum ta' Livell Għoli għal Tħaddim Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari (2010/C 210/03) (ĠU C 210, 3.8.2010, p. 4).
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/359/KE 28 ta’ April 2008 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija tal-Agri-Ikel (ĠU L 120, 7.5.2008, p. 15).
(3) COM(2009) 591, 28.10.2009.
(4) http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/files/hlf-third-meeting-final-report-cover_en.pdf
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/C 396/06, tad-19 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2010 fir-rigward l-applikabbiltà tagħha u l-kompożizzjoni tal-Forum ta' Livell Għoli għal Funzjonament Aħjar tal-Katina tal-Provvista Alimentari (ĠU C 396, 21.12.2012, p. 17).
(6) Fin-nuqqas ta’ entità legali (eż. fil-każ ta’ ċerti trejdjunjins), l-organizzazzjoni għandha tkun rappreżentata minn persuna fiżika.
(7) http://europa.eu/transparency-register/. Organizzazzjonijiet mhux reġistrati jistgħu japplikaw għal reġistrazzjoni onlajn.
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(9) http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2510
ANNESS