10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 5/1


AVVIŻ TA' POST BATTAL NRU ECA/2012/74

Direttur

(grupp ta' funzjoni AD, grad 14/15)

Is-Segretarjat Ġenerali — id-Direzzjoni tat-Traduzzjoni

(2013/C 5 A/01)

MIN AĦNA

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-UE) stabbilita mit-Trattat biex tivverifika l-finanzi tal-UE. Bħala l-awditur estern tal-UE, hija tikkontribwixxi għat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-UE u taġixxi bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

Matul il-verifiki tagħha, il-Qorti tiċċekkja li l-fondi tal-UE ġew irċevuti u ġew użati. Hija teżamina jekk l-operazzjonijiet finanzjarji ġewx irreġistrati u ppreżentati b'mod korrett, implimentati b'mod legali u regolari, u ġestiti b'mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv. Il-Qorti tippublika r-riżultati tal-verifiki tagħha f'rapporti ċari, relevanti u oġġettivi. Hija tabbozza wkoll opinjonijiet dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ġestjoni finanzjarja.

Il-Qorti taħdem biex jiżdied l-obbligu ta' rendikont, tinkoraġġixxi t-trasparenza u tassisti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, partikolarment matul il-proċedura ta' kwittanza. Il-Qorti hija impenjata li taħdem b'mod effiċjenti fuq quddiem nett tal-metodoloġija tal-verifika u l-amministrazzjoni tas-settur pubbliku.

Il-Qorti tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u tinkoraġġixxi applikazzjonijiet ta' nisa u rġiel kwalifikati mingħajr ebda diskriminazzjoni.

Il-Qorti tal-Awdituri hija bbażata fil-Lussemburgu.

Id-Direttorat tat-Traduzzjoni huwa magħmul minn 23 unità multilingwi u multikulturali u jimpjega madwar 145 persunal, li jaħdmu b'mod effettiv u effiċjenti biex jipprovdu lill-Qorti bi traduzzjonijiet ta' kwalità għolja u servizzi oħra lingwistiċi fi ħdan kwadru ta' żmien xieraq u b'hekk jiffaċilitaw il-komunikazzjoni interna u esterna bil-lingwi uffiċjali tal-UE. Il-persunal motivat, kwalifikat, esperjenzat u dedikat tagħna, flimkien mal-fokus kostanti tagħna fuq komunikazzjoni interna u interistituzzjonali, jiżguraw li l-kwalità tibqa' għolja b'mod konformi.

QEGĦDIN NIPPROPONU

Il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tvara l-proċedura ta' reklutaġġ għal kariga ta' Direttur (grad AD14/15) fis-Segretarjat Ġenerali — Id-Direttorat tat-Traduzzjoni, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Komunità Ewropea (sussegwentement imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”). Din il-proċedura, li timmira li żżid l-għadd ta' kandidati potenzjali għall-għażla mill-Awtorità tal-Ħatra, se ssir b'mod parallel mal-proċeduri ta' reklutaġġ interni u interistituzzjonali.

Il-persuna magħżula se tiġi rreklutata fil-grad AD14/15. Is-salarju bażiku ta' kull xahar huwa ta' EUR 13 216,49 fil-grad AD14 u EUR 14 953,61 fil-grad AD15. Skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, xi benefiċċji jistgħu jiġu miżjuda mas-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa tal-UE u eżentat mit-taxxa nazzjonali.

Id-Direttur tad-Direttorat tat-Traduzzjoni huwa uffiċjal taċ-ċivil ta' grad għoli li huwa responsabbli:

mit-tfassil ta' politiki u s-sorveljanza tagħhom, l-immaniġjar tad-Direttorat u mit-teħid ta' deċiżjonijiet operazzjonali abbażi tal-programm ta' ħidma tas-Segretarjat Ġenerali,

mit-tfassil u t-twettiq tal-programm ta' ħidma annwali, u mill-preparazzjoni ta' rapport dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

mill-organizzazzjoni tat-traduzzjoni, tal-koordinazzjoni tat-traduzzjoni u servizzi lingwistiċi oħra,

mis-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-użu tar-riżorsi umani, finanzjarji u materjali fi ħdan id-Direttorat,

mis-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-użu ottimu u effiċjenti ta' għodda tat-traduzzjoni,

mir-rappreżentanza tal-istituzzjoni u d-Direttorat fil-kuntest ta' kooperazzjoni interistituzzjonali u internazzjonali,

mis-sorveljanza tal-kwalità tas-sistemi interni ta' kontroll u maniġment fi ħdan id-Direttorat,

milli jiżgura li r-regoli, ir-regolamenti u l-proċeduri relevanti jiġu osservati,

milli jiżgura li l-istandards ta' kwalità huma miżmuma u l-iskadenzi milħuqa.

QEGĦDIN INFITTXU

Din il-proċedura ta' għażla hija miftuħa għal kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet segwenti fiż-żmien stabbilit għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet:

skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal:

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b'diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa erba' snin jew aktar, jew

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b'diploma u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-anqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa mill-anqas tliet snin, jew

fejn iġġustifikat fl-interessi tas-servizz, taħriġ professjonali ta' livell ekwivalenti,

studju speċjalizzat fil-qasam tat-traduzzjoni jkun ta' vantaġġ,

mill-anqas 15-il sena esperjenza professjonali rilevanti li minnhom mill-anqas 6 jridu jkunu fil-livell maniġerjali. Esperjenza fil-qasam tat-traduzzjoni u/jew terminoloġija tkun ta' vantaġġ,

abbiltà ddokumentata ta' stabbiliment u implimentazzjoni ta' strateġija, u definizzjoni u rappurtar dwar l-objettivi u r-riżultati li jridu jinkisbu,

għarfien eċċellenti ta' konoxxenzi amministrattivi u oħrajn meħtieġa fil-qasam ikkonċernat, jiġifieri l-abbiltà ta' immaniġġjar ta' riżorsi umani u baġitarji (l-ippjanar, l-organizzazzjoni, l-immaniġġjar u l-koordinazzjoni), għodda u sistemi CAT, u l-qafas legali,

għarfien eċċellenti ta' metodi ta' maniġment, jiġifieri l-abbiltà li tmexxi u timmotiva timijiet multilingwi u multikulturali, li tidentifika u timmassimizza l-potenzjal tal-persunal u li timmaniġġja l-kunflitt,

il-motivazzjoni meħtieġa li tifforma parti minn tim ta' maniġment amministrattiv ta' istituzzjoni tal-UE li tistinka kontinwament biex ittejjeb is-servizzi tagħha; u l-kapaċità li tagħmel innovazzjoni u tikkonvinċi lill-oħrajn sabiex jimplimentaw il-bidla,

versatilità u l-abbiltà li tanalizza u tissintesizza d-data;

ħiliet eċċellenti interpersonali u ta' komunikazzjoni (kemm orali u kif ukoll bil-miktub),

abbiltà ddokumentata ta' ħidma mal-partijiet interessati; aċċessibilità u moħħ miftuħ; għarfien dwar l-interess ġenerali u ħiliet ta' negozjar,

għarfien tajjeb ħafna ta' lingwa uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta' mill-anqas lingwa oħra uffiċjali tal-UE; għarfien ta' lingwi oħra jkun ta' vantaġġ. Minħabba n-natura tax-xogħol involut, għarfien tajjeb tal-Ingliż u tal-Franċiż huwa meħtieġ.

POLITIKA TA' REKLUTAĠĠ

KUNDIZZJONIJIET TA' REKLUTAĠĠ

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jridu:

jkunu ċittadini ta' Stat Membru tal-UE,

jgawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini,

jkunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta' reklutaġġ fir-rigward tas-servizz militari,

jipproduċu r-referenzi tal-karattru adatti għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA:

(a)

Biex jgħin il-Qorti tieħu deċiżjoni, bord ta' għażla minn qabel (“il-bord”) se jeżamina applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji segwenti:

(i)

il-kwalifiki, l-esperjenza professjonali, il-motivazzjoni, il-versatilità u l-ħiliet analitiċi tal-kandidati;

(ii)

l-abbiltà tagħhom li jwettqu kompiti maniġerjali u jmexxu direttorat kbir multilingwi u multikulturali;

(iii)

il-prestazzjoni tagħhom f'oqsma speċifiċi meħtieġa għall-kariga.

(b)

Il-bord se jevalwa l-kandidati f'żewġ stadji:

(i)

il-kandidati kollha se jiġu evalwati abbażi:

tal-Curriculum Vitae tagħhom fil-format tal-Europass, l-ittra ta' motivazzjoni tagħhom u d-dikjarazzjoni formali tagħhom,

ta' studju ta' każ li huma se jiġu mitluba jiktbu;

(ii)

il-kandidati magħżula se jiġu mistiedna:

jattendu għal intervista,

jippreżentaw l-istudju ta' każ.

Jekk il-bord jidhirlu li huwa neċessarju, jista' wkoll jitlob għal valutazzjoni tal-ħiliet maniġerjali tal-kandidati minn evalwatur estern.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, “ir-reċipjent għandu jipproċessa d-data personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet trażmessa.”

PREŻENTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

L-applikazzjoni, miktuba bl-Ingliż jew bil-Franċiż għandha tinbagħat fuq l-indirizz e-mail segwenti: vacancies@eca.europa.eu

In-numru ta' referenza ta' dan l-avviż ta' post battal għandu jitniżżel fil-linja fejn hemm is-suġġett tal-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet irid ikun fihom id-dokumenti segwenti:

ittra ta' motivazzjoni,

curriculum vitae attwali fejn jintuża l-mudell Europass, (jekk jogħġbok ikkonsulta l-websajt http://europass.cedefop.europa.eu). Dawk is-CVs li jkunu f'dan il-format biss se jiġu proċessati.

id-dikjarazzjoni kkompletata, iffirmata u datata (mehmuża).

Id-data tal-iskadenza tal-applikazzjonijiet hija l-1 ta' Frar 2013, f'nofsillejl.

Il-kandidati mistiedna għall intervista għandhom jinnutaw li fl-intervista huma jridu jġibu biss kopji jew fotokopji tad-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw l-istudji, l-esperjenzi professjonali u d-doveri attwali tagħhom. Dawn id-dokumenti mhumiex se jingħataw lura.

Il-Lussemburgu, il-21 ta' Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor CALDEIRA

President


 

Image

Image