|
16.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 352/5 |
AVVIŻ TA' ŻEWĠ POŻIZZJONIJIET BATTALA GĦAL MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-APPELL (M/F)
VEXT/12/820/AD11/BoA — MEMBRI
(2012/C 352 A/02)
1. UFFIĊĊJU GĦALL-ARMONIZZAZZJONI FIS-SUQ INTERN (UASI)
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji), “l-Uffiċċju”, ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (1).
L-Uffiċċju huwa Aġenzija tal-Unjoni Ewropea li għandu persunalità ġuridika u awtonomija finanzjarja u amministrattiva u huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tas-sistemi tat-trade marks u tad-disinji Komunitarji. It-trade marks u d-disinji Komunitarji rreġistrati mill-Uffiċċju jipproduċu l-effetti tagħhom fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.
Attwalment l-Uffiċċju għandu 780 000 trade marks Komunitarji u 461 000 applikazzjoni ta' Disinji Komunitarji Reġistrati fis-seħħ għar-reġistrazzjoni. Il-baġit operattiv tal-Uffiċċju għall-2012 huwa approssimattivament ta' 202 miljun EUR u n-numru tal-persunal huwa madwar 740.
L-Uffiċċju huwa ppresedut minn President. Huwa organizzat f'diversi dipartimenti, li huma mmexxija minn diretturi li ġew delegati b'poteri u b'kompiti biex imexxu l-operazzjonijiet. Il-Bordijiet tal-Appell twaqqfu skont ir-Regolament bħala unità maniġerjali separata fi ħdan l-Uffiċċju sabiex jipprovdu reviżjoni indipendenti tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, b'iktar appelli jsiru fil-Qrati Ewropej fil-Lussemburgu. Il-Bordijiet huma organizzati f'numru ta' bordijiet, b'kull wieħed kompost minn President u diversi Membri. Attwalment hemm tliet Presidenti u erbatax-il membru megħjuna minn assistenti legali u persunal ieħor, li jlaħħqu mat-80 ruħ b'kollox.
Fl-2011, daħlu 2 622 appell u ħarġu 2 166 deċiżjoni. President tal-Bordijiet tal-Appell ikun qed jissorvelja x-xogħol, u jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-andament tax-xogħol u affarjiet amministrattivi.
L-UASI japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni fuq bażi ta' sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta' xorta oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentament sesswali.
Il-lingwi tal-Uffiċċju huma l-Ispanjol, il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan.
Is-sede tal-Uffiċċju hija f'Alicante, Spanja.
2. POŻIZZJONI LI GĦANDHA TIMTELA
L-Uffiċċju qiegħed ifittex kandidati biex jistabbilixxi lista ta' riżerva sabiex jimtlew żewġ pożizzjonijiet bħala membri tal-Bordijiet tal-Appell.
3. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET
Membri tal-Bordijiet tal-Appell jirrevedu każijiet u jħejju deċiżjonijiet dwar appelli kontra deċiżjonijiet tal-prim istanza tal-Uffiċċju (eżaminazzjoni ta' trade mark, oppożizzjoni, kanċellazzjoni u invalidità tad-disinn). Id-deċiżjonijiet jittieħdu minn panils magħmula minn tliet membri ppreseduti mill-President. Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu membru jiġi megħjun minn assistent fil-qasam ġuridiku u persunal amministrattiv. Kull membru huwa mistenni li jħejji madwar 130 abbozz ta' deċiżjoni u jipparteċipa bħala t-tielet membru fit-teħid ta' deċiżjonijiet ta' madwar 250 każ aktar.
4. ĦATRA
Membri tal-Bordijiet tal-Appell huma maħtura, għall-perjodu ta' ħames snin, mill-Bord Amministrattiv tal-Uffiċċju. Il-mandat jista' jiġġedded għal perjodi addizzjonali ta' 5 snin jew sal-età tal-pensjoni f'każ li tali età tintlaħaq matul mandat ġdid.
Id-data prevista għall-bidu tal-qadi tad-dmirijiet hija matul l-2013/2014.
5. KUNDIZZJONIJIET TAL-IMPJIEG
Il-kandidati magħżula ssirilhom offerta ta' kuntratt ta' ħames snin (għat-tul tal-mandat ta' membru tal-Bordijiet tal-Appell) bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Unjoni Ewropea, fil-grupp funzjonarju tal-amministraturi (AD), grad 11. Dan il-kuntratt huwa relatat b'mod dirett mal-mandat ta' membru tal-Bordijiet tal-Appell u għalhekk għandu jintemm b'mod awtomatiku mal-iskadenza tal-istess mandat. Is-salarju bażiku fix-xahar li jikkorrispondi għall-ewwel livell ta' dan il-grad attwalment huwa ta' EUR 9 115,76. Hemm elementi oħra tas-salarju li jirriflettu l-istat ta' miżżewweġ/a u tfal dipendenti. Barra minn hekk, jingħataw ukoll diversi konċessjonijiet għat-traslok u għall-ivvjaġġar, kif ukoll għall-assigurazzjoni għas-saħħa u għal xi aċċidenti u skema tal-pensjoni. Is-salarju huwa soġġett għat-taxxa tal-Komunità u tnaqqis ieħor imsemmi fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Huwa madanakollu eżenti min kull taxxa nazzjonali. It-tfal dipendenti jistgħu jattendu l-Iskola Ewropea f'Alicante, bla ħlas.
Kull membru tal-Bordijiet tal-Appell li jinħatar b'riżultat ta' din il-proċedura ta' selezzjoni u li l-mandat tiegħu jiġġedded għal terminu ġdid bi qbil mal-Artikolu 136(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jista' jiġi klassifikat mill-ġdid mill-Bord Amministrattiv tal-Uffiċċju fuq proposta tal-President tal-Bordijiet tal-Appell fil-grupp ta' funzjoni AD, grad 12, dovut għall-esperjenza preċedenti tiegħu bħala membru tal-Bordijiet tal-Appell.
L-impjieg jintemm fid-data stabbilita fil-kuntratt jew inkella fuq talba tal-membru tal-persunal temporanju inkwistjoni, wara li jgħaddu tliet xhur ta' avviż, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg imsemmija hawn fuq.
6. IL-KWALIFIKI U L-ESPERJENZA MEĦTIEĠA
Il-Kandidati għandhom ikunu kapaċi li jaħdmu f'ambjent multilingwi (korp tal-Unjoni Ewropea). Numru kbir ta' każijiet iridu jiġu deċiżi fi żminijiet qosra u b'responsabbiltà maqsuma, skont l-objettivi definiti mill-President tal-Bordijiet tal-Appell.
Il-kwalifiki u l-esperjenza minimi meħtieġa huma s-segwenti:
|
— |
Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji mitmuma u ċċertifikati permezz ta' diploma fil-każ li l-perjodu normali għall-edukazzjoni universitarja huwa ta' erba' snin jew aktar, jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji mitmuma u ċċertifikati permezz ta' diploma u esperjenza professjonali rilevanti ta' sena minn tal-inqas fil-każ li l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja jkun ta' tliet snin mill-inqas, |
|
— |
Minimu ta' 15-il sena ta' esperjenza professjonali, li jikkorrispondu għall-kategorija tal-pożizzjoni u li tkun ġiet akkwistata, wara d-data tal-lawrja hawn fuq imsemmija, sad-data ta' għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, fejn mill-anqas ħamsa minn dawn kienu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u, b'mod partikolari, fil-qasam tat-trade marks u/jew disinji, |
|
— |
Għarfien tajjeb ħafna ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra. Waħda minn dawn il-lingwi trid tkun waħda mill-ħames lingwi tal-OHIM, jiġifieri l-Ispanjol, il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan. |
Dawn li ġejjin jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ:
|
— |
Lawrja universitarja fil-liġi, |
|
— |
Esperjenza professjonali ta' ħidma f'lingwa li mhijiex il-lingwa materna tal-kandidat, |
|
— |
Għarfien tajjeb tal-Ingliż jew tal-Ġermaniż. |
Il-kandidat li jintgħażel irid jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet ġenerali tal-impjieg bħala aġent tal-Unjoni Ewropea kif indikat fl-Artikolu 12 tal-Kundizzjonijiet ġenerali tal-Impjieg tal-Unjoni Ewropea, partikolarment:
|
— |
ikun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
ikun issodisfa l-obbligi kollha imposti fuqu mil-leġiżlazzjoni dwar is-servizz militari, |
|
— |
ma għandux ikollu kundanni jew ikun nstab ħati ta' reat kriminali, |
|
— |
għandu jkun fiżikament b'saħħtu biex jaqdi dmirijietu. |
Barra minn hekk, il-kandidat li jintgħażel għandu jkun kapaċi jtemm mandat ta' ħames snin qabel jilħaq l-età tal-irtirar, jiġifieri: l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq l-età ta' 65 sena.
7. PREŻENTAZZJONI TA' APPLIKAZZJONIJIET
L-applikazzjoniet jistgħu jiġu ppreżentati preferibbilment permezz tal-posta elettronika fl-indirizz elettroniku li ġej:
ABBCIF@oami.europa.eu, bl-użu tal-formola ta' applikazzjoni disponibbli mis-sit tal-internet tal-Uffiċċju:
http://oami.europa.eu/ows/rw/pages/OHIM/career/career.en.do
Applikazzjonijiet mibgħuta bil-kurrier għandhom ikunu indirizzati lil:
|
President tal-Bord Amministrattiv |
|
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern |
|
(Trade Marks u Disinji) |
|
Avenida de Europa, 4 |
|
03008 Alicante |
|
SPAIN |
L-applikazzjonijiet għandhom jaslu qabel nofsillejl tal-14 ta' Diċembru 2012.
Jekk jogħġbok oqgħod attent li timla t-taqsimiet kollha tal-formola. Il-formoli ta' applikazzjoni li ma jkunux kompluti (pereżempju, il-formoli li fihom noti bħal “ara s-CV mehmuż”) mhumiex se jiġu kkunsidrati.
Il-kandidati li jiġu mistiedna għal intervista (ara l-Proċedura ta' Selezzjoni hawn taħt) se jintalbu wkoll biex jippreżentaw, sad-data tal-intervista, id-dokumenti ta' sostenn rilevanti fir-rigward tar-rekwiżiti bażiċi elenkati, tal-kwalifiki l-oħra u tal-esperjenza dikjarata:
|
(1) |
kopja ta' dokument ta' identità (bħal passaport jew karta tal-identità); |
|
(2) |
kopji tad-diplomi; |
|
(3) |
kopji taċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali msemmija f' punt 6. |
Dokumenti oħra, b' mod partikolari l-curricula vitae, mhumiex se jiġu kkunsidrati. B'mod partikolari għandek tkun taf li mhuma se jiġu kkunsidrati l-ebda kwalifika jew esperjenza professjonali li ma tiġix sostnuta b'dokumenti, bħal kopji ta' diplomi jew ta' ċertifikati ta' xogħol u li dan jista' jikkawża r-rifjut tal-applikazzjoni.
8. PROĊEDURA TA' SELEZZJONI
Is-selezzjoni se ssir taħt il-kontroll tal-Bord Amministrattiv tal-Uffiċċju. Kumitat ta' preselezzjoni maħtur mill-Bord Amministrattiv ser jagħrbel l-applikazzjonijiet sabiex jevalwa l-ammissibbiltà, u jiddeċiedi liema kandidati għandhom jiġu mistiedna għal intervista jew għal eżamijiet oħra. Wara t-tlestija tal-proċedura ta' selezzjoni, il-kandidati li jintgħażlu jitniżżlu fuq lista ta' mhux aktar minn erba' min-nies. Waqt li ma tkun qed tingħata ebda garanzija, l-inklużjoni ta' isem fil-lista jkun ifisser li l-kandidat jista' jiġi offrut kuntratt temporanju ta' impjieg, skont il-ħtiġijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Il-lista ta' riżerva tkun' valida sal-31 ta' Diċembru 2014.
9. PROTEZZJONI TAD-DATA PERSUNALI
Bħala l-korp responsabbli mill-organizzazzjoni tas-selezzjoni, l-UASI jiggarantixxi li d-data persunali tal-applikanti tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data persunali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (2). Dan japplika partikolarment għar-riżervatezza u għas-sigurtà ta' din id-data.
10. APPELL
Jekk kandidat iqis li ntlaqat b'mod negattiv minn deċiżjoni partikolari, jista' jressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, f'dan l-indirizz li ġej:
|
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern |
|
Dipartiment Riżorsi |
|
Qasam Riżorsi Umani |
|
Avenida de Europa, 4 |
|
03008 Alicante |
|
SPAIN |
11. AKTAR INFORMAZZJONI
Tista' tikseb aktar informazzjoni minn:
|
Is-Sur Ralph PETHKE |
|
Direttur tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani |
|
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern |
|
(Trade Marks u Disinji) |
|
Office AE04-A-P4-069 |
|
Avenida de Europa 4 |
|
03008 Alicante |
|
SPAIN |
|
e-mail: ralph.pethke@oami.europa.eu |
F'każ ta' diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, għandha tipprevali dik bil-lingwa Ingliża.
(1) ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1. Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2009 huwa verżjoni kodifikata tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, li ġie emendat sostanzjalment.