1.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 265/7


Sejħa għall-applikazzjonijiet għall-għażla ta’ esperti bħala membri ta' gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija

2012/C 265/05

1.   Deskrizzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija u r-rwol tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni

Fil-kuntest tal-Ewropa 2020, l-istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, id-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija qed jaħdem fuq ħames għanijiet ġenerali: it-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-Ewropa u l-promozzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju; il-promozzjoni tal-innovazzjoni bħala mezz ta’ kif jiġu ġġenerati sorsi ġodda ta' tkabbir u ta’ kif jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tas-soċjetà; l-inkoraġġiment u l-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs u l-inkoraġġiment tal-kultura imprenditorjali; l-iżgurar ta’ suq intern miftuħ għall-prodotti; u s-sostenn għall-preżenza Ewropea fl-ispazju.

Il-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni huma entitajiet konsultattivi, imwaqqfa mill-Kummissjoni jew mid-dipartimenti tagħha, li jkun fihom tal-anqas sitt membri mis-settur pubbliku jew privat, u li jkunu mistennija jiltaqgħu aktar minn darba. Ir-rwol tal-gruppi ta' esperti huwa li jipprovdi pariri u għarfien espert lill-Kummissjoni u lid-dipartimenti tagħha b’rabta:

(1)

mat-tħejjija ta' proposti leġiżlattivi u inizjattivi ta' politika (id-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni);

(2)

mat-tħejjija ta' atti ddelegati, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(3)

mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, il-programmi u l-politiki, kif ukoll il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri f'dan ir-rigward.

Il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti huma rregolati permezz tar-regoli orizzontali pubblikati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7649 fl-10 ta’ Novembru 2010.

Il-gruppi ta' esperti ma jiħdux deċiżjonijiet vinkolanti, għalkemm jistgħu jifformulaw opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet jew jissottomettu rapporti. L-ewwel u qabelxejn dawn huma fora għad-diskussjoni u għall-brainstorming, u l-funzjoni primarja tagħhom hija li jipprovdu lill-Kummissjoni b'għarfien espert ta' livell għoli. Il-ġbir ta’ għarfien espert minn varjetà ta' sorsi hija mod ieħor kif jinġabru l-opinjonijiet ta’ partijiet interessati differenti. Il-Kummissjoni u d-dipartimenti tagħha jibqgħu għalkollox indipendenti fir-rigward tal-għarfien espert u tal-opinjonijiet miġbura. Meta jipproponu politika jew miżura ġdida, dejjem jaraw kif tista’ tinstab l-aħjar soluzzjoni fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

Meta jiġu biex jiddefinixxu l-komponenti tal-gruppi esperti, il-Kummissjoni u d-dipartimenti tagħha jaraw li jkun hemm rappreżentanza bilanċjata ta’ oqsma relevanti tal-għarfien espert u l-interess, filwaqt li jqisu l-kompiti speċifiċi ta’ kull grupp ta’ esperti partikulari u t-tip ta' għarfien espert meħtieġ.

Fid-dawl ta’ din l-eżiġenza, id-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija għandu l-għan li jtejjeb il-bilanċ tal-partijiet interessati fi wħud mill-gruppi ta' esperti billi jaħtar membri ġodda li jirrappreżentaw numru ta' interessi mhux industrijali.

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-membri tal-grupp jiġu rimborżati mill-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet baġitarji disponibbli. Il-membri ma jitħallsux għad-doveri li jaqdu.

Il-lingwa ta’ ħidma tad-dokumenti u anke tal-laqgħat tkun l-Ingliż.

2.   Il-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni inklużi f'din is-sejħa għall-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet huma aċċettati għall-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li ġejjin:

Code

Name

E01295

Working Group on Motor Vehicles

E01296

Working Group on Motorcycles

E01297

Working Group on Agricultural Tractors

E01320

Fertilisers Working Group

E01348

Working Group Gas Appliances

E01349

Working Group Measuring Instruments

E01356

Advisory Committee on Community Policy regarding Forestry and Forest-based Industries

E01633

Working Group on Explosives

E01798

Eco-Design Consultation Forum

E02661

Mission Evolution Advisory Group

E02758

European Multi-Stakeholders Platform on ICT Standardisation

X01311

Ad hoc Advisory Group on Non-Annex I Products

X01353

Raw Materials Supply Group

Il-missjoni, l-ambitu tax-xogħol u l-attività fil-passat tal-gruppi jistgħu jiġu kkonsultati fir-Reġistru Pubbliku tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/

3.   Il-kriterji tal-eliġibbiltà

Mid-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati jridu:

jkunu entità ġuridika (1) reġistrata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

jirrappreżentaw l-interessi mhux industrijali, bħalma huma dawk tal-konsumaturi, tal-impjegati jew il-kwistjonijiet ambjentali.

4.   Il-kriterji tal-għażla

Matul l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, se jitqiesu l-kriterji li ġejjin:

it-tressiq ta' evidenza li turi biċ-ċar l-attività rilevanti għall-ħidma tal-grupp ta’ esperti inkwistjoni, li għandha titwassal f’għamla ta’ deskrizzjoni tal-esperjenza fil-qasam tal-attività tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni;

it-tressiq ta' evidenza li turi biċ-ċar il-kapaċità operazzjonali tal-applikant li jagħti sehmu fil-ħidma tal-grupp, li għandha titwassal f’għamla ta’ deskrizzjoni tal-organizzazzjoni, l-esperjenza tagħha, ir-riżorsi u l-kisbiet tagħha;

it-tressiq ta' evidenza li turi biċ-ċar il-kompetenza, l-esperjenza u l-livell ġerarkiku tar-rappreżentant(i) propost(i) tal-organizzazzjoni;

b'mod ġenerali, il-bżonn li jkun hemm bilanċ fi ħdan il-grupp f'termini ta' rappreżentanza tal-interessi, l-għarfien espert rilevanti, is-sess tal-persuna u l-oriġini ġeografika.

5.   Il-proċedura tal-għażla

Għal kull grupp ta' esperti, id-Direttur Ġenerali se jaħtar bord ta’ tliet uffiċjali mid-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija biex jeżamina l-applikazzjonijiet. Il-bord jiddeċiedi liema applikanti se jiġu mistiedna jsiru membri ta' grupp ta' esperti tal-Kummissjoni. Ma hemmx għadd minimu jew massimu ta’ membri ġodda li jridu jiġu mistiedna jissieħbu fi grupp ta' esperti tal-Kummissjoni. Il-membri l-ġodda se jinħatru mill-1 ta' Jannar 2013.

6.   Il-tressiq tal-applikazzjonijiet

Flimkien mal-formola tal-applikazzjoni (l-Anness), tintbagħat l-ittra ta' motivazzjoni li tiddikjara biċ-ċar għal liema grupp ta' esperti tkun indirizzata l-applikazzjoni u li tkun iffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-entità legali tal-applikant; din tintbagħat fl-indirizz tal-email indikat hawn taħt mhux iktar tard mill-31 ta' Ottubru 2012. L-organizzazzjonijiet kollha li japplikaw iridu jindikaw b'mod ċar it-tip ta' interess li jkunu qed jirrappreżentaw (jiġifieri, il-konsumaturi, l-ambjent eċċ.), jipproponu r-rappreżentant(i) tagħhom u jinkludu kopji mhux iċċertifikati tad-dokumenti li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà u dawk tal-għażla. Kull applikazzjoni trid timtela f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-applikazzjonijiet bl-Ingliż iħaffu l-proċedura tal-evalwazzjoni.

L-applikazzjoni, mimlija kif suppost u ffirmata, li tinkludi dan li ssemma hawn fuq, trid tintbagħat f’dan l-indirizz elettroniku: ENTR-CALL-EXPERTGROUPS@ec.europa.eu, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2012, b’nota tal-posta li tixhed dan.

L-organizzazzjonijiet li jixtiequ japplikaw biex ikunu membri ta’ iktar minn grupp ta’ esperti wieħed huma mitluba jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom f’email waħda iżda b'ittri ta’ motivazzjoni separati għal kull grupp ta’ esperti kkonċernat.

Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li fi stadju aktar tard titlob dokumenti ta' sostenn, u li tista’ tissostitwixxi lil xi membru li jkun ressqilha dikjarazzjonijiet mhux preċiżi jew inkella foloz.

Id-dejta personali se tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Il-lista tal-membri tal-grupp ta’ esperti tiġi ppubblikata fir-reġistru pubbliku http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/

Għal kull informazzjoni oħra, jekk jogħġbok ibgħat il-mistoqsija tiegħek fuq ENTR-CALL-EXPERTGROUPS@ec.europa.eu


(1)  Fin-nuqqas ta’ entità legali (eż. fil-każ ta’ ċerti trejdjunjins), l-organizzazzjoni għandha tkun rappreżentata minn persuna fiżika.


ANNESS

Image

Image