2.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/2


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2012/C 231/02

Image

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Belġju

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Sabiex il-pubbliku u l-partijiet ikkonċernati li se jużaw il-muniti jkunu infurmati, il-Kummissjoni qed tippubblika l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinji tal-muniti ġodda kollha (1). B’konformità mal-konklużjonijiet adottati f’dan ir-rigward mill-Kunsill fl-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li laħqu ftehim monetarju mal-Komunità li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro sabiex jiġu ċċirkolati taħt ċertu kundizzjonijiet, speċjalment dik li l-muniti jkunu taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess speċifikazzjonijiet tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom għandu disinn kommemorattiv simboliku ħafna fil-livell nazzjonali jew Ewropew.

Pajjiż emittenti: Il-Belġju

Suġġett tal-Kommemorazzjoni: Il-75 anniversarju tal-Kompetizzjoni tar-Reġina Eliżabetta

Deskrizzjoni tad-disinn: Il-parti interna tal-munita tirrappreżenta l-emblema tal-Kompetizzjoni tar-Reġina Eliżabetta fuq xbiha tar-Reġina Eliżabetta, li tħares lejn ix-xellug, filwaqt li fuq in-naħa tax-xellug u tal-lemin hemm rispettivament, il-marka tal-mastru taz-zekka u l-marka taz-zekka ta’ Brussell, profil bl-elmu tal-Arkanġlu Mikiel. ‘Il fuq mix-xbiha hemm indikati s-snin 1937-2012. Taħt ix-xbiha, hemm l-iskrizzjoni “QUEEN ELISABETH COMPETITION”. L-indikazzjoni tan-nazzjonalità “BE” tinsab fuq in-naħa tal-lemin tax-xbiha.

Iċ-ċirku estern tal-munita jirrappreżenta t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Mejju 2012.


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 dwar l-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha maħruġa fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).