1.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 27/5


L-UFFIĊĊJU EWROPEW TA' KONTRA L-FRODI (OLAF)

PUBBLIKAZZJONI TA' POST VAKANTI GĦALL-KARIGA TA' DIRETTUR (grad AD 14)

(L-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2012/10324

(2012/C 27 A/02)

Aħna

...l-Uffiċċju Ewropew ta' kontra l-Frodi (OLAF). Il-ġlieda kontra l-frodi li huma ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hi ċentrali għall-kredibilità tal-proġett Ewropew. L-OLAF hu servizz investigattiv kif ukoll id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika kontra l-frodi.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu indipendenza statutorja fit-tmexxjia ta' investigazzjonijiet dwar allegazzjonijiet ta' frodi u attivitajiet oħra illegali b'konsegwenzi finanzjarji għall-Baġit Ewropew. Il-poteri ta' investigazzjoni indipendenti ta' OLAF jestendu għall-Istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi li għandhom relazzjoni mal-baġit tal-UE kemm fl-Istati Membri kif ukoll f'pajjizi terzi. Barra mill-attivitajiet operattivi li għalihom l-OLAF għandu indipendenza sħiħa, l-OLAF jaġixxi bħal kull Direttorat Ġenerali ieħor fil-Kummisjoni fit-tfassil u t-twettiq tal-politika fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

Riorganizzazzjoni maġġuri tal-OLAF se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2012. Din hija maħsuba biex tiddistingwi b'mod iktar ċar bejn iż-żewġ attivitajiet ċentrali tal-OLAF, il-funzjoni investigattiva indipendenti u l-funzjoni politika.

Tliet direttorati se jiffukaw essenzjalment fuq il-funzjoni investigattiva. Tnejn minn dawn se jwettqu investigazzjonijiet (A u B). It-tielet, id-Direttorat C, se jiġbor flimkien is-servizzi speċjalisti u servizzi oħra li jipprovdu appoġġ essenzjali għall-proċess investigattiv.

Ir-responsabbiltajiet ta' politika kollha tal-Uffiċċju se jkunu ttrattati minn Direttorat uniku, D. Fl-aħħar nett, id-Direttorat R se jieħu ħsieb ir-riżorsi.

Id-Direttorat C (Appoġġ għall-Investigazzjoni) se jikkonsisti f'erba' unitajiet:

l-Unità C.1 (Ġestjoni tax-Xogħol ta' Investigazzjoni) se tkun responsabbli għas-sistemi meħtieġa għall-appoġġ ta' investigazzjonijiet inkluż is-sistemi tal-IT speċjalizzati, ġestjoni ta' dokumenti u r-rappurtar amministrattiv;

l-Unità C.2 (Taħriġ Investigattiv u Komunikazzjoni) se tkun responsabbli għat-taħriġ speċjalizzat għall-persunal investigattiv kif ukoll għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-OLAF li huma relatati, fil-parti l-kbira, mar-rwol investigattiv indipendenti tal-OLAF. (Il-Kelliem għall-OLAF jirrapporta direttament lid-Direttur Ġenerali, iżda jkun appoġġjat minn C2.);

l-Unità C.3 (Analiżi operattiva u Forensika) se tipprovdi analiżi operattiva speċjalizzata bbażata fuq l-IT għal investigazzjonijiet kumplessi kif ukoll analiżi forensika ta' materjal IT li jinġabar fil-proċess investigattiv;

l-Unità C.4 (Konsulenza Legali) se tipprovdi konsulenza legali fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-attivitajiet operattivi tal-OLAF u se tindirizza lmenti dwar l-attivitajiet investigattivi tal-OLAF.

Id-Direttorat se jkollu madwar 80 persunal, ħafna minnhom speċjalisti fl-oqsma differenti msemmija hawn fuq. Id-Direttur se jirraporta direttament lid-Direttur Ġenerali.

Qegħdin nipproponu

... il-pożizzjoni ta' Direttur, responsabbli għall-provvediment ta' orjentazzjoni strateġika u ġestjoni tar-riżorsi tad-Direttorat konformement mad-dikjarazzjoni tal-missjoni u l-programm ta' ħidma annwali. Id-Direttorat C se jipprovdi firxa wiesgħa ta' servizzi f'appoġġ tal-attivitajiet investigattivi tal-OLAF li mingħajrhom dan tal-aħħar ma jistax jiffunzjona. L-għan huwa li jitjiebu l-effiċjenza, l-effettività, il-ħeffa u l-kwalità tal-proċess investigattiv.

Qed infittxu

Il-kandidat ideali għandu jkollu:

għarfien ġenerali tajjeb tar-rwol tal-OLAF u l-kuntest li fih jaħdem l-OLAF,

għarfien tajjeb tal-proċess investigattiv fil-każijiet kontra l-frodi u tal-mekkaniżmi għall-iżgurar tal-effiċjenza u l-legalità, inkluż intelliġenza operazzjonali,

fehma tajba ta' kif l-IT għandu jappoġġja t-twettiq u l-ġestjoni tal-investigazzjonijiet u jikkontribwixxi għal żieda fl-effiċjenza,

kapaċità eċċellenti ta' pjanifikazzjoni u prijoritizzazzjoni,

rekord ippruvat ta' ġestjoni ta' timijiet kbar f'ambjent kumpless, multidixxiplinarju u multikulturali,

kapaċitajiet ta' tmexxija ppruvati, kapaċi li jimmotivaw persunal minn sfondi professjonali u nazzjonali differenti ħafna,

ġudizzju sod u l-abilità li jaħdmu taħt pressjoni,

kapaċitajiet ta' abbozzar u komunikazzjoni eċċellenti, inkluża l-abilità li jirrappreżenta l-Uffiċċju u l-Kummissjoni f'livell għoli, kemm fl-Istituzzjonijiet kif ukoll esternament,

il-kapaċità li jindirizza lill-midja (madankollu din hija fil-parti l-kbira kwistjoni indirizzata mid-Direttur Ġenerali u l-Kelliem),

kapaċitajiet ta' networking eċċellenti, biex jiżviluppa r-relazzjoni tal-OLAF mal-imsieħba tiegħu fl-Istati Membri, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Esperjenza fil-ġestjoni relatata mal-IT tkun ta' vantaġġ.

Għarfien eċċellenti tal-Ingliż huwa essenzjali. Lingwi oħra jkunu ta' vantaġġ.

Il-kandidati għandhom (kriterji tal-eliġibbiltà)

1.

ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

2.

ikollhom:

a)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar; jew

b)

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' mill-inqas tliet snin;

3.

ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali postuniversitarja f'livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq; Mill-inqas 5 snin minn din l-esperjenza professjonali għandha tkun inkisbet f'funzjoni maniġerjali ta' livell għoli (1) u għandha tkunu direttament relatata mal-qasam relevanti għal din il-pożizzjoni;

4.

ikollhom għarfien sħiħ ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk kif definit mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 tal-1958 (2) u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra;

5.

ikunu ta' età li taqa' taħt dik tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hi definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 65 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw il-volontà tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta' kwalunkwe interess li jista' jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Ħatra u kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Direttur se jintgħażel u jkun maħtur mill-Kummissjoni skont il-proċeduri ta' għażla u reklutaġġ tagħha (ara wkoll id-Dokument ta' Kompilazzjoni dwar il-Politika dwar Uffiċjali f'Kariga Għolja) (3). Bħala parti minn dan il-proċess tal-għażla, il-kandidati li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ħatriet, ikollhom, qabel din l-intervista, jipparteċipaw f'ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni ta' reklutaġġ.

Il-kandidat magħżul ser ikun reklutat bħala uffiċjal fil-grad AD14; is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal ġdid kollu jrid jgħaddi b'suċċess żmien ta' prova ta' disa' xhur.

Jekk il-kandidat magħżul ma jkollux diġà awtorizzazzjoni ta' sigurtà għal-livell xieraq jista' wkoll jintalab jgħaddi minn kontroll ta' sigurtà mal-ħatra tiegħu.

L-OLAF se jivverifika l-kandidati proposti għall-intervisti mar-reġistri tiegħu.

Opportunitajiet indaqs

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.

Proċedura tal-applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibbiltà kollha (“Il-kandidati għandhom”), b'mod partikolari dawk rigward it-tipi ta' diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa. Min ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-internet billi tmur fil-websajt;

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/CV_Encadext

u ssegwi l-istruzzjonijiet li hemm dwar id-diversi stadji tal-proċedura.

Hija responsabbiltà tiegħek li r-reġistrazzjoni onlajn titlesta fil-ħin (4). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, peress li konġestjoni qawwija fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' ddaħħal iżjed informazzjoni. Bħala regola ġenerali, ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard permezz ta' posta elettronika normali ma jiġux aċċettati.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan l-indirizz ser jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex tinżamm infurmat bil-progress tal-proċedura tal-għażla. Għalhekk, għandek tinforma lill-Kummissjoni Ewropea f'każ ta' xi bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format WORD jew PDF u li timla', onlajn, ittra ta' motivazzjoni (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra għandhom ikunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti ser tirċievi fuq l-iskrin in-numru tar-reġistrazzjoni li għandek tniżżel u tiftakar — dan ser ikun in-numru ta' referenza tiegħek f'kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun spiċċa — huwa konferma li aħna nkunu rreġistrajna l-informazzjoni li tkun daħħalt. Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li tissorvelja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti ser tiġi kkuntattjat dwar l-istat tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-kandidati huma ġentilment mgħarrfa li l-proċeduri tal-għażla ser isiru bl-Ingliż, bil-Franċiż u/jew bil-Ġermaniż biss (5).

Jekk tbati minn diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista' tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq karti permezz ta' posta rreġistrata  (6) , b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni ser tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek għandek tehmeż ċertifikat li juri d-diżabbiltà tiegħek, maħruġ minn entità rikonoxxuta. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li taħseb li jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil HR-A2-HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hi d-29 ta' Frar 2012. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta' Brussell.


(1)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-5 snin li fihom kisbu l-esperjenza maniġerjali ta' livell għoli: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kienu fihom, (2) in-numru ta' persunal li kienu jmexxu f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits ġestiti, u (4) n-numri ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u n-numru ta' persunal fl-istess livell. Fil-każ ta' pożizzjoni battala ta' Konsulent Prinċipali, il-kandidati għandhom jindikaw l-esperjenza ta' konsulenza f'livell għoli li għandhom.

(2)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.

(3)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/official_policy_en.pdf

(4)  Mhux aktar tard min-nofsinhar (12:00), ħin ta' Brussell, tad-29 ta' Frar 2012.

(5)  Il-bordijiet tal-għażla ser jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi ta' dawn il-lingwi.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, Unità għall-Persunal Eżekuttiv u Segretarjat tas-CCA — COM/2012/10324, SC11 08/030, 1049 Brussell, BELĠJU.