|
4.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 291/5 |
Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
2011/C 291/03
Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta' 2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Finlandja
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti tal-euro ġodda kollha bil-ħsieb li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jitħarsu ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari l-kundizzjoni li dawn ikunu biss muniti ta' 2 euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta' 2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f'termini nazzjonali jew Ewropej.
Pajjiż tal-ħruġ: Il-Finlandja
Suġġett tal-kommemorazzjoni: il-200 anniversarju tal-Bank tal-Finlandja
Deskrizzjoni tad-disinn: Fin-nofs tal-munita jidher l-għasfur nazzjonali tal-Finlandja, iċ-ċinju. Il-ġewnaħ taċ-ċinju jifred is-snin “1811” (isfel, fuq il-lemin) u “2011” (fin-nofs, fuq ix-xellug). L-ittra “V” li tidher taħt il-ġewnaħ tax-xellug taċ-ċinju tirrappreżenta kunjom id-disinjatur, Hannu Veijalainen. Fuq in-naħa ta' isfel, fiċ-ċirku ta' ġewwa, hemm indikazzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ “FI” u l-marka taz-zekka.
Iċ-ċirku ta' barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 1,5 miljun
Data tal-ħruġ: Ottubru 2011
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, pp. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta' Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).