24.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 281/23


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6286 – Südzucker/ED & F Man)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 281/12

1.

Fid-19 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Südzucker Holding GmbH ikkontrollata minn Südzucker AG Mannheim/Ochsenfurt (“Südzucker”, il-Ġermanja) takkwista, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll ta' ED & F Man Holding Limited (“EDFM”, ir-Renju Unit) permezz tax-xiri tal-ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Südzucker: attiva fil-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq taz-zokkor, addittivi tal-ikel, ikel iffriżat, affarijiet tal-ikel bil-porzjon, il-produzzjoni tal-bijoetanol u ġjusis, konċentrati u taħlitiet tal-frott,

għal EDFM: topera bħala kumpanija ta' kummerċ tal-komoditajiet. Il-portafoll ta' prodotti tagħha jinkludi: zokkor, prodotti likwidi sekondarji tal-produzzjoni taz-zokkor, kafè, żjut tropikali u bijofjufils. Il-kumpanija tipprovdi wkoll servizzi ta' loġistika u servizzi finanzjarji.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6286 – Südzucker/ED & F Man, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).