|
2.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 258/5 |
EUROSTAT (ESTAT)
Pubblikazzjoni ta' post vakanti għal kariga ta' Direttur (Grad AD 14)
Id-Direttorat għall-Istatistika Soċjali — fil-Lussemburgu
(L-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)
COM/2011/10315
(2011/C 258 A/02)
Min aħna
L-Eurostat huwa Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, ibbażat fil-Lussemburgu. Dan għandu l-missjoni li jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b'servizzi ta' informazzjoni statistika ta' kwalità għolja. Il-klijenti tiegħu huma l-Istituzzjonijiet tal-UE, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istati Membri, is-swieq finanzjarji, il-komunità tan-negozju, il-midja u l-pubbliku ġenerali. L-Eurostat jikkoordina s-Sistema Statistika Ewropea (SSE) bil-għan li jipprovdi statistika komparabbli fuq il-livell tal-UE. Hija r-responsabbiltà tiegħu li jipproponi l-leġiżlazzjoni statistika kollha tal-UE. Il-Eurostat jikkoordina wkoll it-titjib fis-sistemi tal-istatistika fil-pajjiżi kandidati u fil-komunità internazzjonali usa'.
Id-DĠ Eurostat qed jipprevedi riorganizzazzjoni li se twassal biex id-Direttorat għall-Istatistika Soċjali jinkludi 5 unitajiet b'madwar 110 membri tal-persunal (permanenti u mhux permanenti) b'baġit operattiv ta' madwar EUR 7 miljuni.
Ir-responsabbiltajiet tad-Direttorat jinkludu:
|
— |
L-istatistika demografika u dwar il-migrazzjoni, |
|
— |
L-Istatistika dwar is-Suq tax-Xogħol, l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol u l-ispejjeż tax-xogħol, |
|
— |
L-Istatistika dwar il-kondizzjonijiet ta' għajxien u l-protezzjoni soċjali, l-Inklużjoni Soċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Għajxien (EU-SICL), l-Istħarriġ dwar il-Baġit tal-Familji (HBS) u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, |
|
— |
L-edukazzjoni u l-kultura, |
|
— |
L-istatistika dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali, is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa u s-sigurtà. |
X'qed nipproponu
Il-pożizzjoni ta' Direttur għall-Istatistika Soċjali fil-Eurostat hi waħda mimlija sfidi u ta' profil għoli u tinkludi dawn ir-responsabbiltajiet ewlenin:
|
— |
Tmexxija fil-qasam tal-istatistika soċjali li tidderiġi proċess ta' żvilupp kontinwu u li tmexxi l-proċess ta' modernizzazzjoni tal-istatistika soċjali, |
|
— |
Il-ġestjoni strateġika tal-proċessi u r-riżultati ewlenin kollha tal-istatistika fid-Direttorat, |
|
— |
Il-ġestjoni tal-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet legali u politiċi għal dan il-qasam tal-istatistika, |
|
— |
Il-ġestjoni ta' relazzjonijiet ewlenin mal-partijiet involuti esterni bħall-korpi relevanti tal-SSE, l-istituti nazzjonali tal-istatistika, il-ministeri nazzjonali u l-korpi internazzjonali bħall-BĊE, in-NU u l-OECD u r-rappreżentazzjoni fihom, |
|
— |
Il-ġestjoni u r-rappreżentazzjoni tad-Direttorat f'relazzjonijiet ewlenin ma' dipartimenti oħra tal-Kummissjoni bħal DĠ EMPL, ECFIN, EAC u SANCO u korpi oħra tal-Unjoni. |
Il-pożizzjoni tinvolvi investiment intellettwali serju fi kwistjonijiet metodoloġiċi kumplessi u xi vvjaġġar.
Id-Direttur se jkun responsabbli għas-superviżjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji organizzati mill-unitajiet fid-Direttorat.
Qegħdin infittxu (kriterji għall-għażla)
Il-kandidat li jintgħażel għandu jkollu:
|
— |
għarfien fil-fond dwar is-Sistema Statistika Ewropea, inkluż il-produzzjoni tad-dejta u l-metodoloġija tal-istatistika kif ukoll, b'mod partikolari, għarfien tajjeb ħafna tal-metodoloġija u l-metodi ta' produzzjoni tal-istatistika soċjali |
|
— |
għarfien tajjeb ħafna tal-politiki tal-UE fl-oqsma koperti mill-attivitajiet tad-Direttorat, |
|
— |
ġudizzju tajjeb ħafna fi kwistjonijiet li huma politikament sensittivi, |
|
— |
ħiliet analitiċi eċċellenti u l-abbiltà ta' soluzzjoni ta' problemi organizzazzjonali u operattivi permezz ta' strateġija orjentata fuq ir-riżultati, |
|
— |
kapaċità tajba ferm fil-ġestjoni u d-direzzjoni ta' korp amministrattiv kemm mill-perspettiva strateġika kif ukoll minn dik ta' ġestjoni interna, |
|
— |
kapaċità ta' tmexxija u żvilupp tal-operazzjonijiet tad-Direttorat, |
|
— |
suċċess ippruvat f'pożizzjoni maniġerjali, li tinvolvi l-ġestjoni ta' timijiet kbar u ta' riżorsi finanzjarji, |
|
— |
ġudizzju tajjeb ħafna u manifestazzjoni ta' spirtu ta' inizjattiva biex jinħolqu u jiġu implimentati ideat ġodda, kapaċità ta' tmexxija tal-proċess assolutament essenzjali ta' modernizzazzjoni tal-istatistika soċjali, |
|
— |
ħiliet interpersonali u ta' netwerking tajba, |
|
— |
ħiliet tajbin ta' komunikazzjoni, li jippermettu lill-kandidat imexxi diskussjonijiet, jikkomunika b'mod ċar u jaġixxi b'mod effettiv biex jirrappreżenta lill-Kummissjoni internament u f'fora esterni, |
|
— |
għarfien eċċellenti tal-Ingliż u għarfien tajjeb ħafna tal-Franċiż. |
Il-kandidati jridu (kriterji tal-eliġibbiltà)
|
1. |
Ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. |
|
2. |
Ikollhom:
|
|
3. |
Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali wara l-istudji universitarji f'livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih. Mill-inqas hames snin minn din l-esperjenza professjonali għandhom ikunu nkisbu f'funzjoni maniġerjali ta' livell għoli (1) u għandhom ikunu direttament relatati mal-qasam relevanti għal din il-pożizzjoni. |
|
4. |
Ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' lingwa oħra minn fost dawn il-lingwi uffiċjali. |
|
5. |
Ikunu ta' età li taqa' taħt dik tal-irtirar, li għal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hi definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 65 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal). |
Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi
Il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw il-volontà tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta' kwalunkwe interess li jista' jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.
Ħatra u kundizzjonijiet tal-impjieg
Id-Direttur se jintgħażel u jkun maħtur mill-Kummissjoni skont il-proċeduri ta' għażla u reklutaġġ tagħha (ara wkoll id-Dokument ta' Kompilazzjoni dwar il-Politika dwar Uffiċjali f'Kariga Għolja). Bħala parti minn dan il-proċess ta' għażla, il-kandidati li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet, qabel din l-intervista jkollhom jgħaddu minn eżami f'ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni ta' reklutaġġ.
Il-kandidati huma mgħarrfa li l-proċeduri tal-għażla ser isiru bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (2) biss.
Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali fil-grad AD 14 tal-Unjoni Ewropea. L-applikanti għandhom iqisu r-rekwiżit għall-persunal ġdid kollu, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, li jgħaddi b'suċċess żmien ta' prova ta' disa' xhur.
Id-Direttur huwa bbażat fil-Lussemburgu.
Opportunitajiet indaqs
L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.
Proċedura tal-applikazzjoni
Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibbiltà kollha (“L-applikanti jridu”), b'mod partikolari dawk rigward it-tipi ta' diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa. Min ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.
Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet billi żżur il-websajt:
https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/
u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.
Hija responsabbiltà tiegħek li tikkompleta r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin (3). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' ddaħħal iżjed informazzjoni. Bħala regola ġenerali, ir-reġistrazzjonijiet permezz ta' email normali li jaslu tard ma jiġux aċċettati.
Irid ikollok indirizz tal-email validu. Dan l-indirizz jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex tkun infurmat bir-riżultat tal-proċedura. Għalhekk, inti se tintalab tinforma lill-Kummissjoni Ewropea f'każ ta' xi bidla fl-indirizz tal-email tiegħek.
Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format Word jew PDF u li timla, onlajn, ittra ta' motivazzjoni (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra għandhom ikunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.
Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi fuq l-iskrin in-numru tar-reġistrazzjoni li għandek tniżżel u tiftakar — dan se jkun in-numru ta' referenza tiegħek f'kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm — in-numru huwa konferma li aħna nkunu rreġistrajna l-informazzjoni li tkun daħħalt. Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!
Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li tissorvelja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istat tal-applikazzjoni tiegħek direttament mid-DĠ li qiegħed jirrekluta.
Jekk għandek diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista' tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq il-karta permezz ta' posta rreġistrata (4) , b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek għandek tehmeż ċertifikat li juri d-diżabbiltà tiegħek, maħruġ minn entità rikonoxxuta. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li taħseb li jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.
Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil:
HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.
Data tal-għeluq
Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija t-30 ta' Settembru 2011. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta' Brussell.
(1) Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-ħames snin li fihom kisbu l-esperjenza maniġerjali ta' livell għoli: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom, (2) in-numru ta' persunal li kellhom taħthom f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits ġestiti, u (4) in-numru ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u n-numru ta' persunal tal-istess livell.
(2) Il-bordijiet tal-għażla ser jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi ta' dawn il-lingwi.
(3) Mhux iktar tard min-nofsinhar (12.00), ħin ta' Brussell, fit-30 ta' Settembru 2011
(4) European Commission, Directorate-General Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat (COM/2011/10315), SC11 08/030, 1049 Brussels, BELGIUM.