|
31.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 255/4 |
Sejħa għal proposti – DĠ ENTR Nru 21/G/ENT/ERA/11/311A
Erasmus għal imprendituri żgħażagħ
2011/C 255/05
1. Għanijiet u Deskrizzjoni
Din is-sejħa għal proposti għandha l-għan li tgħin imprendituri ġodda tal-UE jsaħħu l-esperjenza, it-tagħlim u n-netwerking tagħhom billi jqattgħu perjodi ta' żmien ma’ imprendituri ta' esperjenza fl-intrapriżi tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE. L-għan ġenerali tal-azzjoni ta' tħejjija hu li tittejjeb l-imprenditorija, l-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività ta' imprendituri potenzjali li għadhom jibdew, u ta' intrapriżi mikro u żgħar li m’ilhomx li ġew stabbiliti fl-UE. L-attività għandha bħala għan persuni li beħsiebhom iwaqqfu negozju u imprendituri stabbiliti dan l-aħħar.
Is-sejħa se tappoġġja azzjonijiet għal organizzazzjonijiet li jsaħħu u jiffaċilitaw il-mobilità ta' imprendituri ġodda.
2. Applikanti eliġibbli
Kwalunkwe entità pubblika jew privata attiva fil-qasam tal-appoġġ lin-negozji tista' tieħu sehem f'din is-sejħa għall-proposti. Fost dawn jista' jkun hemm b’mod partikolari:
|
— |
entitatjiet pubbliċi responsabbli mill-oqsma tal-affarijiet ekonomiċi, l-intrapriża, l-appoġġ lin-negozji jew kwistjonijiet relatati, jew li huma attivi f’dawn l-oqsma. |
|
— |
kmamar tal-kummerċ u l-industrija, kmamar tal-artiġjanat jew entitajiet simili |
|
— |
organizzazzjonijiet ta' appoġġ lin-negozji, ċentri u inkubaturi ta' negozji fil-fażijiet tal-bidu tagħom |
|
— |
assoċjazzjonijiet ta' negozji u netwerks ta' appoġġ lin-negozji |
|
— |
entitajiet pubbliċi u privati li joffru servizzi ta' appoġġ lin-negozji. |
L-applikanti jistgħu jaġixxu individwalment jew f'konsorzju (sħubija). Konsorzju għandu jkun magħmul minn tal-inqas żewġ entitajiet legali indipendenti, mill-istess Stat Membru tal-UE jew minn Stati Membri differenti.
L-applikanti jridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE.
3. Baġit u tul tal-proġett
Il-baġit totali ddestinat għall-kofinanzjament tal-proġetti jilħaq EUR 4 300 000. L-għajnuna finanzjarja mill-Kummissjoni ma tistax tkun aktar minn 90 % tal-ispejjeż totali eliġibbli ta' proġett wieħed.
Ebda għotja mhu se tkun aktar minn EUR 180 000 għas-sħubiji u EUR 150 000 għall-applikazzjonijiet individwali. It-tul massimu tal-proġetti huwa ta' 21 xahar.
Data skedata tal-bidu tal-azzjoni: 1 ta' Mejju 2012.
4. Data tal-għeluq
L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Ottubru 2011.
5. Aktar tagħrif
It-test sħiħ tas-sejħa għall-proposti u l-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fil-websajt li ġejja:
http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=5357
L-applikazzjonijiet iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fit-test sħiħ u jridu jiġu ppreżentati fuq il-formola pprovduta.