9.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 203/17


SEJĦA MIFTUĦA

Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija (COST)

2011/C 203/09

Il-COST tressaq flimkien riċerkaturi u esperti f'pajjiżi differenti li jaħdmu fuq suġġetti speċifiċi. Il-COST MA TIFFINANZJAX ir-riċerka innifisha, imma tappoġġa attivitajiet ta' networking bħal laqgħat, konferenzi, skambji xjentifiċi fuq terminu qasir u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni. Attwalment huma appoġġati aktar minn 250 netwerk xjentifiku (Azzjonijiet).

Il-COST tistieden proposti għal Azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp xjentifiku, teknoloġiku, ekonomiku, kulturali jew soċjali tal-Ewropa. Proposti li jkollhom rwol prekursur għal programmi oħrajn Ewropej u/jew mibdija minn riċerkaturi fi stadju bikri huma milqugħa b'mod speċjali.

L-iżvilupp ta' rabtiet aktar sodi fost ir-riċerkaturi Ewropej huwa kruċjali għall-bini taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA). Il-COST tistimula netwerks ta' riċerka ġodda, innovattivi, interdixxiplinari u wisgħin fl-Ewropa. L-attivitajiet tal-COST jitwettqu minn gruppi ta' riċerka għat-tisħiħ tas-sisien għall-bini ta' eċċellenza xjentifika fl-Ewropa.

Il-COST hi organizzata f'disa' Setturi (Bijomediċina u Bijoxjenzi Molekulari; Kimika u Xjenzi u Teknoloġiji Molekulari; Xjenza tas-Sistema Terrestri u Ġestjoni Ambjentali; Ikel u Agrikoltura; Foresti, Prodotti u Servizzi tagħhom; Individwi, Soċjetajiet, Kulturi u Saħħa; It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni; Materjali, Fiżika u Nanoxjenzi; Trasport u Żvilupp Urban). Il-kopertura intenzjonata ta' kull Settur hi spjegata f'http://www.cost.eu

L-applikanti huma mistiedna jqiegħdu s-suġġett tagħhom f'Settur wieħed. Madankollu, proposti interdixxiplinari li ma jaqgħux direttament f'Settur wieħed huma milqugħa b'mod partikolari u ser ikunu vvalutati separatament.

Il-proposti għandhom jinkludu riċerkaturi minn minimu ta' ħames pajjiżi tal-COST. Jista' jiġi mistenni appoġġ finanzjarju ta' madwar EUR 100 000 p.a. normalment għal 4 snin, soġġett għall-baġit disponibbli.

Il-proposti ser ikunu vvalutati f'żewġ stadji. Proposti Preliminari (massimu ta' 1 500 kelma/3 paġni), mibgħuta bl-użu tal-mudell online fuq http://www.cost.eu/opencall għandhom jipprovdu deskrizzjoni qasira tal-proposta u l-impatt maħsub tagħha. Il-proposti li ma jikkonformawx mal-kriterji ta' eliġibilità tal-COST (eż. li jitolbu finanzjament għar-riċerka) ser jiġu esklużi. Proposti eliġibbli ser ikunu vvalutati mill-Kumitati tas-Setturi rilevanti f'konformità mal-kriterji ppublikati f'http://www.cost.eu L-applikanti tal-Proposti Preliminari magħżula ser ikunu mistiedna jippreżentaw Proposta Sħiħa. Proposti Sħaħ ser ikunu riveduti mill-pari skont il-kriterji ta' valutazzjoni f'http://www.cost.eu/opencall Id-deċiżjoni normalment ser tittieħed fi żmien sitt xhur mid-data tal-ġbir u l-Azzjonijiet mistennija li jibdew fi żmien tliet xhur minn dakinhar.

Id-data tal-ġbir għall-Proposti Preliminari hi t-30 ta' Settembru 2011, 17:00 ħin ta' Brussell. Ser jiġu mistiedna mhux aktar minn 80 Proposta Kompleta għall-għażla finali ta' mhux aktar minn 30 Azzjoni ġdida, soġġett għall-baġit disponibbli. Proposti Sħaħ ser ikunu mistiedna sal-25 ta' Novembru 2011 għall-preżentazzjoni sas-27 ta' Jannar 2012, bid-deċiżjonijiet mistennija f'Ġunju 2012. Id-data tal-ġbir li jmiss hija prevista għat-30 ta' Marzu 2012.

Jekk jixtiequ l-applikanti jistgħu jikkuntattjaw il-Koordinatur nazzjonali tal-COST (CNC) tagħhom għal informazzjoni u gwida – ara http://www.cost.eu/cnc

Il-proposti għandhom jintbagħtu online lill-website tal-Uffiċċju tal-COST.

Il-COST tirċievi appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tagħha ta' koordinazzjoni mill-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RŻT) tal-UE. L-Uffiċċju tal-COST, stabbilit mill-Fondazzjoni Ewropea tax-Xjenza (ESF), li jaġixxi bħala aġent implimentattiv għal COST, jipprovdi u jiġġestixxi s-segretarjat amministrattiv, xjentifiku u tekniku għall-COST, il-Kumitati tas-Setturi tiegħu u l-Azzjonijiet tiegħu.