24.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/19


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI – EAC/01/11

Netwerk tal-Politika Ewropea dwar l-edukazzjoni ta' tfal u żgħażagħ minn familji migranti

2011/C 183/08

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

L-għan ta' din is-sejħa huwa li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni Ewropea bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'livell għoli, l-akkademiċi u l-professjonisti, biex jogħla l-livell ta' kisba fl-edukazzjoni ta' tfal u żgħażagħ minn familji migranti. Is-sejħa timmira li tappoġġja t-twaqqif ta' netwerk Ewropew li janalizza, jiżviluppa u jiskambja l-politika u l-prattika fiż-żona.

Għandha tindirizza l-kwistjonijiet li tqanqlu mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta' tfal minn familji migranti u tqanqal livell għoli ta' kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika fl-Istati Membri responsabbli mill-inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni, li tinkludi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi li jospitaw. In-netwerk għandu jistimola attivament il-kooperazzjoni transnazzjonali primarjament fuq il-livell tal-gvern, iżda ukoll fuq il-livell ta' esperti u professjonisti.

2.   L-applikanti eliġibbli

Din is-sejħa hija miftuħa għal:

Ministeri tal-edukazzjoni;

Entitajiet oħra pubbliċi;

Ċentri tar-riċerka u Universitajiet;

Fondazzjonijiet;

Assoċjazzjonijiet.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi minn persuna legali. L-applikanti għandhom jissottomettu kopja tal-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjoni u taċ-ċertifikat uffiċjali tar-reġistrazzjoni legali.

Applikazzjonijiet minn entitajiet legali li huma stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli:

L-Istati Membri tal-UE;

Il-pajjiżi tal-EFTA: – L-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera;

Il-pajjiżi kandidati: – It-Turkija, il-Kroazja:

3.   Il-baġit u t-tul ta' żmien

Il-Ftehim ta' Qafas għandu jservi mill-2012 sal-2014.

Il-baġit totali ddestinat għall-kofinanzjar ta' dan in-netwerk jilħaq is-somma ta’ EUR 500 000 għall-2012. L-għajnuna finanzjarja mill-Kummissjoni ma tistax tkun aktar minn 75 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

It-tul massimu tal-proġetti huwa ta' 36 xahar.

4.   L-iskadenza

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-14 ta’ Ottubru 2011.

5.   Aktar informazzjoni

It-test sħiħ tas-Sejħa għall-Proposti u l-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fil-websajt li ġejja:

http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/calls/index_en.html

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fit-test sħiħ u għandhom jiġu sottomessi fil-formola tal-applikazzjoni pprovduta.