|
8.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 5/8 |
Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba biex jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni
2011/C 5/06
Wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva ta' 2 euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mis-Slovakkja
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti ġodda kollha bil-ħsieb li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Komunità li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti tal-euro kommemorattivi maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, sakemm jinżammu ċerti kundizzjonijiet, notevolment li dawn ikunu biss muniti taż-EUR 2. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi tal-muniti ta' EUR 2 l-oħra, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom għandu disinn kommemorattiv li huwa simboliku ħafna f'termini nazzjonali jew Ewropej.
Pajjiż li qed joħroġ il-munita: Is-Slovakkja
Suġġett tal-kommemorazzjoni: l-20 anniversarju tat-twaqqif tal-Visegrad Group
Deskrizzjoni tad-disinn: Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi mappa tal-erba’ pajjiżi li jikkostitwixxu l-Visegrad Group: ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovakka, u r-Repubblika tal-Ungerija. Il-mappa hija ssupplementata b’taqsira stilizzata “V IV”. L-isem tal-pajjiż tal-ħruġ, “SLOVENSKO”, jinsab fil-parti t’isfel fuq il-lemin u s-sena “2011” tinsab fil-parti t’isfel fuq ix-xellug ta' din il-parti tal-munita. Id-disinn huwa mdawwar bl-iskrizzjoni “VYŠEHRADSKÁ SKUPINA • VISEGRAD GROUP” u d-data tat-twaqqif tal-Visegrad Group “15.2.1991”. L-inizjali tal-awtur tad-disinn tal-munita, Miroslav Rónai “MR”, u l-impronta taz-Zekka ta’ Kremnica (Kremnica Mint), “MK”, jidhru taħt l-isem tal-pajjiż.
Iċ-ċirku estern tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.
Volum ta' muniti li se jinħarġu: 1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2011
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).