27.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/19


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/638/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009

2010/C 290/09

KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

L-informazzjoni li ġejja tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni li jidhru fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/638/PESK u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009 (1).

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddettermina li l-persuni li jidhru fl-Anness imsemmi hawn ikomplu jissodisfaw il-kriterju mniżżel fid-Deċiżjoni 2010/638/PESK u fir-Regolament (UE) Nru 1284/2009 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea, u konsegwentement għandhom jibqgħu soġġetti għall-miżuri kif imġedda bid-Deċiżjoni 2010/638/PESK.

Tinġibed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti web fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1284/2009, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 8 tar-Regolament).

Il-persuni kkonċernati jistgħu jibagħtu talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn, li d-deċiżjoni biex jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

General Secretariat

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275(2) u l-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 346, 23.12.2009, p. 26.