26.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 289/1


AVVIŻ TA' KOMPETIZZJONI MIFTUĦA COM/AD/17/10

(2010/C 289 A/01)

Interessat f'karriera mal-istituzzjonijiet Ewropej?

Il-profil tiegħek jissodisfa l-kriterji tagħna?

Għaliex ma tapplikax?

Agħti lilek innifsek iċ-ċans li tirnexxi

Il-Kummissjoni qed torganizza testijiet ta' ammissjoni u kompetizzjoni miftuħa, ibbażati fuq kwalifiki u testijiet, sabiex tinħoloq lista ta' riżerva għar-reklutaġġ ta' amministraturi b'esperjenza fil-qasam tal-ekonomija (1) (AD11).

COM/AD/17/10 — EKONOMIST SUPERJURI

L-għan ta' din il-kompetizzjoni hu li titfassal lista ta' riżerva sabiex jimtlew il-karigi vakanti fil-Kummissjoni Ewropea.

Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa l-gwida ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali C 184 A tat-8 ta' Lulju 2010 kif ukoll fis-sit elettroniku tal-EPSO, għajr il-punti 3.2, 6.2 u 6.3 li qed jitbiddlu bit-test fl-Anness ta' dan l-avviż ta' kompetizzjoni.

Din il-gwida hija parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni u se tgħinek biex tifhem ir-regoli li jiddeterminaw il-proċeduri u l-kundizzjonijiet ta' kif tapplika.

WERREJ

I.

QAFAS ĠENERALI

II.

KOMPITI

III.

ELIĠIBILITÀ

IV.

TESTIJIET TA' AMMISSJONI

V.

AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U STEDINA GĦAĊ-ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI

VI.

KOMPETIZZJONI MIFTUĦA

VII.

LISTA TA' RIŻERVA

VIII.

KIF TAPPLIKA?

 

ANNESS

I.   QAFAS ĠENERALI

1.

Għadd ta' kandidati li jikkwalifikaw

15

II.   KOMPITI

Il-profil ġenerali tal-kandidati mfittxija huwa deskritt fid-dettall fil-punt 1.2 tal-gwida għall-kompetizzjonijiet miftuħa.

Il-profil speċifiku huwa deskritt hawn taħt.

Il-kompiti tal-ekonomisti superjuri jikkonsistu f'dan li ġej:

Jagħtu pariri rilevanti u f'waqthom dwar kwistjonijiet ta' politika ekonomika lill-maniġment superjuri tad-Direttorat Ġenerali u lill-Kummissjoni;

Iwettqu u/jew jikkoordinaw l-istudji ta' riċerka dwar politiki ekonomiċi tal-UE;

Ifasslu dokumenti ta' politika bbażati fuq teorija ekonomika soda u analiżi empirika;

Jikkontribwixxu għall-pubblikazzjonijiet u d-dokumenti tad-Direttorat Ġenerali;

Jipproduċu analiżi ta' kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, u jiffaċilitaw it-tixrid ta' dan l-għarfien fost il-persunal kollu tad-Direttorat Ġenerali;

Imexxu b'mod effettiv task forces u gruppi ta' proġetti simili dwar kwistjonijiet li jinvolvu r-responsabbiltajiet ta' diversi Direttorati fid-Direttorat Ġenerali u/jew li jikkonċernaw diversi Direttorati Ġenerali;

Jirrappreżentaw lill-Kummissjoni matul laqgħat u konferenzi (interni u esterni) ta' livell għoli; jipparteċipaw f'avvenimenti esterni u interni; iżommu kuntatti regolari ma' servizzi interni u entitajiet esterni rilevanti bl-għan li jirrappreżentaw l-interess tal-Kummissjoni u jinżammu aġġornati dwar l-iżvilupp tal-politiki tal-UE u tal-Kummissjoni rilevanti għall-isfera tal-azzjoni tad-Direttorati rispettivi;

Jimmonitorjaw u janalizzaw l-iżviluppi tal-politika fil-Kummissjoni bl-għan li jiġu integrati fl-istrateġiji tad-Direttorati Ġenerali;

Javżaw lill-maniġment superjuri dwar żviluppi ekonomiċi sinifikanti u jikkontribwixxu għall-ippjanar strateġiku u t-teħid ta' deċiżjonijiet billi jipprovdu pariri u kontribut dwar id-definizzjoni tal-objettivi strateġiċi, l-iżviluppi tal-politika u dwar ċerti dokumenti speċifiċi; jipparteċipaw fit-twaqqif ta' pjanijiet ta' ħidma strateġiċi, pjanijiet ta' maniġment annwali u dokumenti relatati.

III.   ELIĠIBILITÀ

Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal kandidati li, jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

1.

Kundizzjonijiet ġenerali

a)

Tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

b)

Tgawdi mid-drittijiet ċivili kollha tiegħek.

c)

Tkun wettaqt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari.

d)

Tipproduċi r-referenzi tal-karattru xierqa li juru li tista' twettaq il-kompiti tiegħek.

2.

Kundizzjonijiet speċifiċi

2.1

Kwalifiki

Il-kandidati jrid ikollhom:

i)

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew fl-ekonomija ċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar.

jew

ii)

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew fl-ekonomija ċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' mill-inqas tliet snin, u esperjenza professjonali relatata man-natura tal-kompiti (kif deskritt fit-Titolu II) ta' mill-inqas sena.

N.B.: Il-minimu ta' sena esperjenza professjonali mitlub taħt il-punt (ii) jgħodd bħala parti integrali mill-kwalifika msemmija hawn fuq u ma jistax jitqies fin-numru ta' snin ta' esperjenza professjonali miltuba taħt il-punt III 2.2 hawn taħt (ara l-Artikolu 5(3)(c)(ii) tar-Regolamenti tal-Persunal). Irid ikun inkiseb wara li tkun inkisbet il-kwalifika mitluba.

2.2

Esperjenza professjonali

Il-kandidati għandhom ikollhom esperjenza professjonali ta' mill-inqas 15-il sena fl-ekonomija. Din l-esperjenza trid tkun inkisbet wara li tkun akkwiżita d-diploma ta' erba' snin jew wara li tinkiseb id-diploma ta' tliet snin u s-sena ta' esperjenza professjonali rilevanti (ara III.2.1).

Biex jiġi kkalkulat it-tul ta' żmien totali tal-esperjenza professjonali, tista' titqies PhD fl-ekonomija, miksuba matul l-istudji full-time, għal perjodu massimu ta' tliet snin. Jekk il-kandidat kiseb id-diploma ta' PhD f'inqas minn tliet snin, jitqies biss it-tul reali tal-istudji. Il-perjodi ta' taħriġ ulterjuri marbuta mal-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa u mwettqa minn mindu tkun inkisbet il-lawrja meħtieġa, jistgħu jitqiesu għal perjodu ta' mhux aktar minn sena.

2.3

Għarfien lingwistiku

a)

Lingwa 1

Lingwa ewlenija:

għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin:

BG (Bulgaru)

CS (Ċek)

DA (Daniż)

DE (Ġermaniż)

EL (Grieg)

EN (Ingliż)

ES (Spanjol)

ET (Estonjan)

FI (Finlandiż)

FR (Franċiż)

GA (Irlandiż)

HU (Ungeriż)

IT (Taljan)

LT (Litwan)

LV (Latvjan)

MT (Malti)

NL (Olandiż)

PL (Pollakk)

PT (Portugiż)

RO (Rumen)

SK (Slovakk)

SL (Sloven)

SV (Svediż)

u

 

b)

Lingwa 2

It-tieni lingwa (għandha tkun differenti mil-lingwa 1):

għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż

IV.   TESTIJIET TA' AMMISSJONI

1.

Se tiġi mistieden għat-testijiet:

, iddikjarajt li tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi elenkati fit-Taqsima III.

2.

Tip ta' testijiet u mmarkar

Serje ta' testijiet li jinkludu mistoqsijiet b'għażla multipla biex jevalwaw il-kapaċità ġenerali tiegħek fl-oqsma li ġejjin:

Test a)

Raġunament verbali

immarkar: 0 sa 20 marka

minimu meħtieġ: 10 marki

Test b)

Raġunament numeriku

immarkar: 0 sa 10 marki

Test c)

Raġunament astratt

immarkar: 0 sa 10 marki

 

Il-minimu meħtieġ aggregat għat-testijiet (b) u (c) huwa 10

3.

Lingwa tat-testijiet

Lingwa 2 (Ġermaniż, Ingliż jew Franċiż)

V.   AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U STEDINA GĦAĊ-ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI

1.   Ammissjoni għall-kompetizzjoni

Il-Bord tal-Għażla se jagħmel evalwazzjoni abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenza professjonali għal dawk il-kandidati li:

jkunu kisbu waħda mill-ogħla marki aggregati (minn dawk li jkunu kisbu l-marki minimi meħtieġa) fit-testijiet ta' ammissjoni a), b), u c) (taqsima IV); u

jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni elenkati fit-Taqsima III bbażati fuq it-tagħrif iddikjarat fl-applikazzjoni tagħhom bl-Internet.

Dan il-limitu huwa ta' 150 kandidat, li jikkorrispondi għal 10 darbiet in-numru ta' kandidati li jikkwalifikaw, indikat fit-Taqsima I tal-avviż ta' kompetizzjoni. F'każ li għadd ta' kandidati jiksbu l-istess marka għall-aħħar post disponibbli, dawn jiġu kollha inklużi fil-fażi tal-għażla fuq il-bażi tal-kwalifiki u l-esperjenza professjonali. L-applikazzjonijiet bl-Internet tal-kandidati kklassifikati taħt dan il-limitu, mhumiex se jiġu eżaminati.

2.   Stedina għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni: għażla bbażata fuq il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali

Sabiex jiġu identifikati l-kandidati li jistgħu jiġu mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni, il-bord tal-għażla se jagħżel il-kandidati fuq il-bażi tal-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tagħhom wara li jkun stabbilixxa l-kriterji li skonthom se jevalwa dawn il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali. Il-kandidati se jiġu evalwati fuq il-bażi tat-tagħrif iddikjarat fl-applikazzjoni tagħhom bl-Internet. Il-bord tal-għażla se jagħżel dawk il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni u li jkollhom il-kwalifiki (mil-lat ta' kwalità u livell ta' diplomi u esperjenza professjonali, li huma l-iktar rilevanti għan-natura tal-kompiti deskritti fl-avviż ta' kompetizzjoni skont il-kriterji tal-għażla spjegati hawn taħt.

L-elementi li ġejjin se jitqiesu bħala vantaġġ:

1.

Diploma(i) addizzjonali fl-ekonomija (bħal PhD) fil-makroekonomija (inkluża l-ekonomija tax-xogħol), l-ekonometrija, l-ekonomija monetarja, l-ekonomija internazzjonali, il-finanzi pubbliċi, jew l-ekonomija finanzjarja minbarra d-diplomi meħtieġa skont it-taqsima III.2.1.

2.

Esperjenza professjonali fl-analiżi ekonomika applikata

3.

Esperjenza professjonali fil-prijoritajiet tal-politika ekonomika tal-Kummissjoni

4.

Pubblikazzjonijiet fil-qasam tal-makroekonomija, il-mikroekonomija (inkluża l-ekonomija tax-xogħol), l-ekonometrika, l-ekonomija monetarja, l-ekonomija internazzjonali, il-finanzi pubbliċi, jew l-ekonomija finanzjarja f'ġurnali akkademiċi b'analiżi inter pares.

5.

Parteċipazzjoni f'konferenzi u workshops, bħala kelliem jew koawtur, fil-qasam tal-makroekonomija, il-mikroekonomija (inkluża l-ekonomija tax-xogħol), l-ekonometrika, l-ekonomija monetarja, l-ekonomija internazzjonali, il-finanzi pubbliċi, jew l-ekonomija finanzjarja.

6.

Esperjenza professjonali fir-riċerka akkademika tal-makroekonomija, tal-mikroekonomija, (inkluża l-ekonomija tax-xogħol), l-ekonometrika, l-ekonomija monetarja, l-ekonomija internazzjonali, il-finanzi pubbliċi, jew l-ekonomija finanzjarja.

7.

Esperjenza professjonali fit-tagħlim tal-makroekonomija, tal-mikroekonomija, (inkluża l-ekonomija tax-xogħol), l-ekonometrika, l-ekonomija monetarja, l-ekonomija internazzjonali, il-finanzi pubbliċi, jew l-ekonomija finanzjarja.

8.

Kapaċità ppruvata li tindirizza bl-Ingliż kemm lil udjenza teknika kif ukoll dik mhux teknika.

9.

Esperjenza fit-tmexxija ta' diskussjonijiet u ta' negozjati f'livell għoli.

10.

Esperjenza professjonali f'organizzazzjonijiet internazzjonali, partikolarment fil-qasam tas-sorveljanza ekonomika.

11.

Kapaċità ppruvata fit-tfassil bil-ħeffa ta' dokumenti analitiċi u politiċi miktuba bl-Ingliż.

Fuq il-bażi tat-tweġibiet ipprovduti fl-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (Talent Screener) tal-applikazzjoni elettronika, il-bord tal-għażla għandu jidentifika l-kandidati li għandhom l-aktar kwalifiki adattati u esperjenza professjonali u jagħti l-marki skont il-metodu li ġej:

a)

kull kriterju tal-għażla jiġi ppiżat minn 1 sa 3, skont kemm il-kriterju jitqies importanti mill-bord tal-għażla;

b)

il-bord tal-għażla jagħti marka minn 0 sa 4 għal kull kwalifika jew esperjenza professjonali tal-kandidat.

Il-marka totali miksuba mill-kandidat hija t-total tal-marki miksuba għal kull kriterju ta' għażla mmultiplikat bil-piż tiegħu (2)  (3).

Il-bord tal-għażla mbagħad jistabbilixxi klassifika tal-kandidati skont dawn il-marki.

L-għadd ta' kandidati mistiedna fiċ-ċentru tal-evalwazzjoni ma jistax ikun aktar minn 45, li huwa t-tripplu tal-għadd ta' kandidati li jikkwalifikaw kif indikat f'dan l-avviż ta' kompetizzjoni. Dan in-numru se jiġi ppubblikat fis-sit tal-Internet tal-EPSO (www.eu-careers.eu).

3.   Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati

Wara l-fażi ta' evalwazzjoni u fuq il-bażi tar-riżultati, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom se jiġu vverifikati mill-Kummissjoni għall-kundizzjonijiet ġenerali u mill-bord tal-għażla għall-kundizzjonijiet speċifiċi u l-għażla skont il-kwalifiki. Jekk matul din il-verifika jinstab li dawn id-dikjarazzjonijiet mhumiex ikkonfermati mid-dokumenti ta' prova rilevanti, il-kandidati kkonċernati se jkunu esklużi mill-kompetizzjoni.

L-applikazzjonijiet huma vverifikati għal dawk il-kandidati li jkunu ġabu l-minimu meħtieġ u l-aħjar marki aggregati fl-eżamijiet a), sa d) li jkunu saru fiċ-ċentru tal-evalwazzjoni, skont il-mertu bl-ogħla marki l-ewwel (ara t-taqsima VI). Din il-verifika ssir sakemm jintlaħaq il-limitu ta' kandidati li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta' riżerva u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni kollha. Id-dokumenti ta' prova tal-kandidati li ġew ikklassifikati taħt dan il-limitu mhumiex se jiġu eżaminati.

VI.   KOMPETIZZJONI MIFTUĦA

1.

Stedina għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni:

Jekk inti wieħed mill-kandidati li ksibt waħda mill-ogħla marki fl-għażla bbażata fuq il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali, kif stipulat fit-Taqsima V,

se tkun mistieden

tipparteċipa fl-istudju tal-każ, li fil-prinċipju se jsir fi Brussell u jdum nofstanhar

u

tipparteċipa fit-testijiet l-oħra taċ-ċentru ta' evalwazzjoni li fil-prinċipju se jsiru fi Brussell u jdumu ġurnata.

2.

Ċentru ta' evalwazzjoni

Int se tkun evalwat fuq il-kompetenzi speċifiċi tiegħek fil-qasam kif ukoll fuq il-kompetenzi ġenerali li ġejjin:

Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

Komunikazzjoni

Kwalità u riżultati

Tagħlim u żvilupp

Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

Perseveranza

Ħidma ma' persuni oħra

Tmexxija

Iktar informazzjoni dwar dawn il-kompetenzi tista' tinsab fil-punt 1.2 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet miftuħa.

Dawn il-kompetenzi u l-kompetenzi speċifiċi fil-qasam se jkunu evalwati permezz ta' dawn l-elementi:

a)

studju tal-każ fl-ekonomija,

b)

eżerċizzju fi grupp,

c)

preżentazzjoni orali, u

d)

intervista strutturata

3.

Lingwi taċ-ċentru ta' evalwazzjoni

Lingwa 2 (Ingliż, Franċiż jew Ġermaniż) għall-elementi kollha a) (każ ta' studju).

Waqt it-test (a) (studju ta' każ) se jiġi eżaminat ukoll l-għarfien tal-lingwa prinċipali tiegħek.

4.

Immarkar

Kompetenzi speċifiċi

0 — 100

Minimu meħtieġ: 60 marka

Kompetenzi ġenerali

0 — 80 għall-kompetenzi ġenerali kollha (10 marki għal kull kompetenza)

Minimu meħtieġ:

 

3 marki għal kull kompetenza u

 

aggregat ta' 40 marka għat-8 kompetenzi ġenerali kollha

Għarfien tal-lingwa prinċipali

0 — 10

Minimu meħtieġ: 8 marki

VII.   LISTA TA' RIŻERVA

1.

Kandidati li jiddaħħlu fuq il-lista ta' riżerva

Il-bord tal-għażla jniżżel fil-lista ta' riżerva l-ismijiet tal-kandidati:

li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stipulati fit-Titoli III IV u V;

li jkunu kisbu l-marki minimi kollha meħtieġa għat-testijiet speċifikati fit-Taqsima VI; u

li jkunu kisbu waħda mill-ogħla marki aggregati għat-testijiet speċifikati fit-Taqsima VI u

li ma ġewx esklużi mill-kompetizzjoni b'riżultat tal-verifika tal-informazzjoni mogħtija mill-kandidat (kif speċifikat fit-taqsima V.3).

L-għadd ta' kandidati li jirnexxu huwa limitat għal 15 kif speċifikat fit-Taqsima I (4).

Il-lista se tibqa' valida sal-31 ta' Diċembru 2012.

2.

Klassifika

Il-listi jiġu stabbiliti skont il-grupp ta' mertu (mhux iktar minn erba' gruppi), u f'ordni alfabetiku fi ħdan kull grupp.

VIII.   KIF TAPPLIKA

1.

Applikazzjonijiet bl-Internet

Int għandek tapplika b'mod elettroniku billi ssegwi l-instruzzjonijiet fuq il-websajt tal-EPSO.

Data tal-għeluq: il-25 ta' Novembru 2010 sa 12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.

2.

Sottomissjoni tal-fajl ta' applikazzjoni

Jekk int wieħed mill-kandidati mistiedna fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni, se tintalab tissottometti, fi stadju iktar tard, fuq talba, fajl ta' applikazzjoni komplut (applikazzjoni elettronika ffirmata u dokumenti ta' appoġġ, inkluż fejn meħtieġ dawk li jappoġġjaw ir-risposti pprovduti fl-Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet (ara t-Taqsima V.2).

Data tal-għeluq: Id-data tal-għeluq se tkun ikkomunikata fi żmien xieraq permezz tal-kont EPSO tiegħek.

Kundizzjonijiet: ara wkoll il-punt 2.2 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.


(1)  F'dan l-avviż kull referenza għal persuna tas-sess maskil tirreferi wkoll għal persuna tas-sess femminil

(2)  Il-kandidati li mhumiex mistiedna fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni jistgħu jiksbu kopja tal-evalwazzjoni tal-bord tal-għażla li tikkonċerna l-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tagħhom billi jissottomettu talba fi żmien għaxart ijiem kalendarji minn meta ġew innotifkati bir-riżultati.

(3)  Jekk fil-każ li fl-aħħar post diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka, dawn il-kandidati kollha se jkunu mistiedna fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

(4)  Jekk fil-każ li fl-aħħar post diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka, dawn il-kandidati kollha se jkunu inklużi fil-lista ta' riżerva.


ANNESS

Nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni għall-fatt li l-punti:

3.2

6.2

6.3

tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali C 184 A tat-8 ta' Lulju 2010, ma japplikawx għal din il-kompetizzjoni.

—   Il-punt 3.2 “Kandidati: Komunikazzjoni mal-EPSO” qed jitbiddel bit-test li ġej:

Għal kull korrispondenza mas-segretarjat tal-kompetizzjoni, għandek tuża l-kaxxa postali elettronika għall-kompetizzjoni EPSO-COM-AD-17-10@ec.europa.eu, iżda l-ewwel iċċekkja li t-tagħrif li għandek bżonn ma jinsabx fl-avviż ta' kompetizzjoni, jew fil-gwida għal kompetizzjonijiet miftuħa, jew fuq il-websajt tal-EPSO, jew taħt il-“Mistoqsijiet Frekwenti” (1).

Sabiex tkun żgurata l-indipendenza tal-bord tal-għażla, kull kuntatt mal-membri tagħha, kemm dirett kif ukoll indirett, huwa pprojbit u jista' jwassal għall-esklużjoni mill-kompetizzjoni. Kull korrispondenza għall-attenzjoni tal-bord tal-għażla għandha tiġi indirizzata esklussivament lis-segretarjat tal-bord tal-għażla li jgħaddihielu permezz tal-kaxxa postali elettronika tal-kompetizzjoni. EPSO-COM-AD-17-10@ec.europa.eu.

L-EPSO u l-Kummissjoni jiżguraw li jiġu applikati l-prinċipji tal-kodiċi ta' kondotta amministrattiva tajba (2), b'mod partikolari fil-korrispondenza mal-kandidati. Madankollu, skont dawn l-istess prinċipji, l-EPSO u l-Kummissjoni jirriżervaw id-dritt li jwaqqfu kull korrispondenza jekk din li tasal mingħand il-kandidati tkun abbużiva, repetittiva, skandaluża u/jew mingħajr għan.

Kull korrispondenza dwar applikazzjoni magħmula f'isem partikolari għandha ssemmi dan l-isem, in-numru tal-kompetizzjoni u n-numru li ngħata meta saret l-applikazzjoni bl-Internet.

—   Il-punt 6.2 “Talbiet għal reviżjoni” qed jitbiddel bit-test li ġej:

Huwa possibbli li tintroduċi talba ta' reviżjoni f'dawn il-każijiet:

fil-każ li l-EPSO jew il-Kummissjoni ma jkunux irrispettaw id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni,

fil-każ fejn il-ġurija ma tkunx irrispettat id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħidmiet tagħha.

Qed tinġibidlek l-attenzjoni għall-fatt li l-bord tal-għażla għandu prerogattiva kbira fid-determinazzjoni tar-risposti tajbin jew ħżiena tiegħek. Għalhekk inti tista' tikkontesta l-marki tiegħek biss jekk jidher li hemm żball ovvju fid-dritt jew fil-fatt.

Jekk it-talba tiegħek taqa' taħt il-kompetenza tal-bord tal-għażla, is-segretarjat tal-bord jibgħat l-ittra tiegħek lill-president tal-bord u tintbagħatlek tweġiba malajr kemm jista' jkun.

Proċeduri

Għandek tressaq it-talba tiegħek, bir-raġunijiet validi, mhux iktar tard minn għaxart ijiem kalendarji mid-data meta tirċievi l-ittra onlajn li ġiet indirizzata lilek permezz tal-kont EPSO tiegħek:

permezz ta' email lill-kaxxa postali elettronika għall-kompetizzjoni EPSO-COM-AD-17-10@ec.europa.eu

Jekk jogħġbok indika fis-suġġett tal-ittra tiegħek:

in-numru tal-kompetizzjoni,

in-numru tiegħek ta' kandidat,

il-kliem “Request for review”, (3),

liema stadju (4) kkonċernat tal-kompetizzjoni (pereżempju, testijiet ta' ammissjoni, ammissjoni rifjutata, ċentru ta' evalwazzjoni).

—   Il-punt 6.3 “Proċeduri ta' rikors” qed jitbiddel bit-test li ġej:

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura tal-kompetizzjoni, tqis li l-EPSO, il-Kummissjoni jew il-bord tal-għażla ma mxewx b'mod ġust jew ma rrispettawx:

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni, jew

id-dispożizzjonijiet tal-avviż tal-kompetizzjoni,

u li dan kien ta' ħsara għalik, tista' tirrikorri għal dawn il-mezzi li ġejjin:

tista' tressaq ilment amministrattiv abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (5), li jrid jintbagħat,

jew bil-posta fl-indirizz li ġej:

Secretariat of the selection board for competition COM/AD/17/10

EPSO — European Personnel Selection Office

C-25

B-1049, Brussels

Jew permezz ta' email lill-kaxxa postali elettronika tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni EPSO-COM-AD-17-10@ec.europa.eu

Jekk jogħġbok indika fis-suġġett tal-ittra tiegħek:

in-numru tal-kompetizzjoni,

in-numru tiegħek ta' kandidat,

ir-referenza “Complaint under Article 90(2)” (6),

l-istadju (7) tal-kompetizzjon li jikkonċerna l-ilment tiegħek.

Il-bordijiet tal-għażla għandhom setgħat kbar ta' diskrezzjoni u jaġixxu b'indipendenza totali. Id-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-għażla ma jistgħux jiġu modifikati mill-Awtorità Nominanti, minbarra f'każ ta' ksur evidenti tar-regoli li jmexxu l-ħidmiet tagħhom. Jekk dan ikun il-każ, tista' tittieħed azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-bord tal-għażla direttament quddiem it-Tribunal tas-Servizz Ċivili tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir talba minn qabel skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għal kuntrarju tal-ilmenti mressqa kontra d-deċiżjonijiet li jkunu saru mill-EPSO jew il-Kummissjoni li għalihom il-proċedura tal-Artikolu 90(2) għandu jiġi segwit l-ewwel.

Tista' tintroduċi rikors ġudizzjarju fuq il-bażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal quddiem:

European Union Civil Service Tribunal

Boulevard Konrad Adenauer

2925 Luxembourg

Luxembourg

Jekk jogħġbok innota li r-rikorsi dwar żball fil-valutazzjoni tal-kriterji ġenerali ta' ammissjoni mhumiex kwistjonijiet li għalihom huwa responsabbli l-bord tal-għażla u għalhekk mhumiex se jiġu ppreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sakemm l-ewwel ma jkunx sar ilment amministrattiv skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali skont il-proċedura msemmija hawn fuq.

Għad-dettalji dwar kif għandek tressaq ir-rikors għandek tikkonsulta s-sit tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (http://curia.europa.eu/jcms/jcms/T5_5230).

Għal dawn iż-żewġ tipi ta' proċeduri, il-limiti ta' żmien (ara r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali kif emendati mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004, ippubblikati f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 124 tas-27 ta' April 2004 — http://eur-lex.europa.eu) jibdew jgħoddu min-notifika tal-att li allegatament jippreġudika l-interessi tiegħek.


(1)  Taħt it-terminu “FAQ” fis-sit elettroniku tal-EPSO

(2)  ĠU L 267, 20.10.2000, p. 63

(3)  Dan il-kliem għandu jitniżżel biss bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

(4)  Dan il-kliem għandu jitniżżel biss bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

(5)  Regolamenti tal-persunal tal-Uffiċjali u Kundizzjonijiet tax-Xogħol għall-Impjegati l-Oħra tal-Unjoni Ewropea:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20080501:MT:PDF

(6)  Dan il-kliem għandu jitniżżel biss bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

(7)  Dan il-kliem għandu jitniżżel biss bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.