22.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/11


Sejħa għal turija ta’ interess għal postijiet tal-membri tal-bord tal-appell tal-uffiċċju komunitarju tal-varjetajiet tal-pjanti

2010/C 200/05

Deskrizzjoni tal-uffiċċju u tal-bord tal-appell

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti, minn hawn ‘l quddiem imsejjaħ “l-Uffiċċju”, ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar Drittijiet ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti fil-Komunità (1).

L-għan tal-Uffiċċju, korp b’personalità legali li għandu awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja, huwa li jamministra d-drittijiet tas-sistema Komunitarja tal-varjetajiet tal-pjanti, tip speċifiku ta' dritt ta’ proprjetà industrijali għal varjetajiet ta’ pjanti ġodda. B’mod partikolari, l-Uffiċċju jieħu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal għoti ta’ tali drittijiet, li jiggarantixxu protezzjoni uniformi madwar il-Komunità. L-Uffiċċju huwa bbażat f’Angers fi Franza.

Ġie stabbilit Bord tal-Appell bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95 (2) u huwa responsabbli mid-deċiżjonijiet dwar appelli kontra deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, li jikkonċernaw, inter alia, l-għoti jew ir-rifjut ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, dwar oġġezzjonijiet, dwar in-nullità jew il-kanċellazzjoni ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità jew dwar l-għoti jew ir-rifjut ta' liċenzji obbligatorji.

Il-Bord tal-Appell jikkonsisti fi President u żewġ membri oħra, iżda jista’ jsejjaħ sa żewġ membri ulterjuri.

Deskrizzjoni tal-kompiti

Il-membru (M/F) magħżul għandu jeżerċita l-poteri mogħtija lil-Bord tal-Appell, b’mod partikolari dawk tar-Rapporteur, jekk huwa/hija jiġi maħtur f’dan il-post.

Selezzjoni u ħatra

Il-President tas-CPVO ser jistabbilixxi panel ta' selezzjoni għall-proċess ta’ selezzjoni. Il-panel ser jistieden għal intervista madwar għoxrin kandidat bl-aħjar profili, magħżula abbażi tal-merti tagħhom u tal-kriterji stabbiliti hawn taħt.

Wara din l-intervista, Il-President tas-CPVO ser jadotta lista ta’ kandidati magħżula li ser tiġi ppreżentata lill-Kunsill Amministrattiv. Dan tal-aħħar ser jaħtar membri tal-Bord tal-Appell mil-lista msemmija, għal perjodu ta' ħames snin, li jibdew mit-23 ta' Frar 2011.

Kondizzjonijiet tal-impjieg

Il-membru (M/F) jista’ jkompli bl-attivitajiet professjonali tiegħu/tagħha.

Il-membru (M/F) ser jintgħazel mil-lista mill-President tal-Bord tal-Appell, kif u meta meħtieġ, sabiex il-Bord jikkonsisti fi tliet jew ħames membri meħtieġa, skont kif ikun il-każ.

Il-membru (M/F) magħżul ser iwettaq id-doveri tiegħu/tagħha għall-Bord tal-Appell fuq bażi part-time. Hu/hija għandu jkun disponibbli mill-anqas għaxart ijiem kull sena kalendarja.

B’deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2003 tal-Kunsill Amministrattiv, ir-rimunerazzjoni tal-membru maħtur bħala Rapporteur hija fissa għal EUR 1 600 kull każ u dik tal-membru jew membri l-oħra għal EUR 800 kull każ. Somma ta’ EUR 400 għal kull membru għandha tiżdied biex tkopri l-ħin tal-ivvjaġġar, skont kif ikun il-każ. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, lejn u minn Angers, ser jiġu rimbursati.

Kwalifiki (għandhom jiġu sodisfatti sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet)

Il-kandidat (M/F) għandu jkun ċittadin tal-Unjoni Ewropea,

l-kandidat (M/F) għandu jkollu grad jew diploma universitarja:

Il-kandidat għandu jkollu livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, attestati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni jkun erba’ snin jew aktar, jew

Ikollu livell ta' edukazzjoni li jikkorrespondi għal studji universitarji kompluti attestati permezz ta' diploma u esperjenza professjonali adatta ta' mill-anqas sena meta l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja huwa mill-anqas tliet snin (din l-esperjenza professjonali ta’ sena ma tistax tiġi inkluża fl-esperjenza professjonali post-graduate meħtieġa hawn taħt),

Il-kandidat (M/F) għandu jkollu għaxar snin esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki meħtieġa msemmijin hawn fuq. Huwa/hija għandu:

Ikun kwalifikat legalment u jkollu esperjenza ppruvata fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Esperjenza fil-qasam tad-drittijiet tal-varjetà tal-pjanti tkun ta’ vantaġġ, jew

Ikun botanista jew agronomista kwalifikat b’esperjenza ppruvata f’dan il-qasam.Huwa ta’ vantaġġ li jkun familjari mal-linji gwida tal-UPOV u mal-eżamijiet tekniċi tad-DUS,

Il-kandidat (M/F) għandu jkollu għarfien sħiħ ta' waħda mil-lingwi tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra tal-UE. Għarfien tajjeb tal-Ingliż ikun meqjus bħala vantaġġ,

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Il-kandidat ma jistax ikollu rabtiet ma’ kumpanija privata li jkollha attivitajiet professjonali involuti fi proċedimenti quddiem is-CPVO.

Il-kandidat ser ikun meħtieġ jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu/tagħha. Il-kandidat għandu jikkonferma r-rieda tiegħu li jagħmel dan fl-applikazzjoni.

Il-membri tal-Bordi tal-Appell huma indipendenti. Fid-deċiżjonijiet tagħhom mhumiex marbuta minn ebda istruzzjoni. Huma ma jistgħux iwettqu kwalunkwe dover ieħor fl-Uffiċċju.

Applikazzjonijiet

Applikazzjonijiet, flimkien ma’ CV dettaljata (bi traduzzjoni tagħha bl-Ingliż, fejn applikabbli, tkun apprezzata), għandha tintbagħat sal-15 ta’ Settembru 2010 l-aktar tard (data tat-timbru tal-posta) fl-indirizz li ġej:

Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO)

Segretarjat tal-Bord tal-Appell

3 Bvd Foch

BP 10121

49101 Angers Cedex 02

FRANCE

doreau@cpvo.europa.eu

Tista’ tinkiseb informazzjoni ulterjuri mill-istess indirizz permezz tal-fax +33 0241256410 jew permezz tal-e-mail doreau@cpvo.europa.eu


(1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  ĠU L 121, 1.6.1995, p. 37.