26.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 168/6


SEJĦA GĦAL KANDIDATURI

għall-pożizzjoni ta’ Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2010/C 168/06

Il-pożizzjoni ta’ Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ser ikun vakanti fi żmien qasir. Ir-Reġistratur ser jinħatar skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 12 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Ir-Reġistratur jinħatar għal perijodu ta’ sitt snin. L-istatus tiegħu u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tiegħu huma rregolati mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mis-sistema ta’ emolumenti tal-membri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja (Regolament Nru 422/67/KEE tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1967).

Natura tad-dmirijiet

Ir-Reġistratur jgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha. Għal dan il-għan, huwa jiżgura l-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, ir-Reġistratur huwa s-Segretarju Ġenerali tal-istituzzjoni, li hija komposta minn tliet qrati: il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jiżgura l-amministrazzjoni tal-istituzzjoni u jmexxi l-persunal u d-dipartimenti tagħha. Huwa jeżerċita, b’delega tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-funzjoni ta’ persuna responsabbli għall-approprijazzjonijiet li jinsabu fil-baġit tal-istituzzjoni.

Kompetenzi mitluba

Il-kandidati għandhom:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

ikollhom formazzjoni sħiħa fil-liġi ċċertifikata b’lawrea universitarja kif ukoll konoxxenza approfondita tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-funzjonament tal-qrati tagħha;

ikollhom 15-il sena esperjenza professjonali, li parti sinjifikattiva minnhom tkun f’inkarigi ta’ responsabbiltà ta’ livell għoli ħafna;

ikollhom konoxxenza tajba ħafna tal-lingwa Franċiża u konoxxenza tajba ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Konoxxenza ta’ lingwi uffiċjali oħra tiġi apprezzata.

Preżentazzjoni ta’ kandidaturi

Il-kandidaturi għandhom jaslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja, permess tal-posta elettronika biss, f’dan l-indirizz elettroniku Greffier.CJUE@curia.europa.eu mhux iktar tard minn 18 ta’ Lulju 2010. Il-kandidaturi għandhom ikollhom magħhom curriculum vitae li jagħti l-informazzjoni kollha dwar l-età, in-nazzjonalità, il-kwalifiki universitarji, il-konoxxenzi lingwistiċi, l-impjiegi attwali u preċedenti kif ukoll l-esperjenza ġudizzjarja u internazzjonali eventwali tal-kandidati.