10.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/2


Sejħa għal turija ta’ interess għal sħubija fil-panils xjentifiċi tal-awtorità Ewropea dwar is-sigurtà fl-ikel (Parma, Italja)

2010/C 151/02

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hija l-qafas ewlieni tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-valutazzjoni tar-riskji fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf. B’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u b’konsultazzjoni miftuħa mal-imsieħba tagħha, l-EFSA tipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti u komunikazzjoni ċara dwar riskji eżistenti u emerġenti.

L-Awtorità stabbiliet proċedura ta’ għażla li għandha l-għan li tfassal lista ta’ riżerva ta’:

ESPERTI XJENTIFIĊI BIEX JIĠU KKUNSIDRATI GĦAL SĦUBIJA F’ŻEWĠ PANILS XJENTIFIĊI

“Panil dwar l-addittivi fl-ikel u sorsi ta’ nutrijenti miżjudin mal-ikel” (ANS) u “Panil dwar materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, enzimi, benniet u għajnuniet għall-ipproċessar” (CEF)

Ref.: EFSA/E/2010/001

Din is-sejħa hija indirizzata għal xjenzati li jixtiequ jiġu kkunsidrati għal sħubija jew fil- Panil dwar l-addittivi fl-ikel u sorsi ta’ nutrijenti miżjudin mal-ikel jew fil-Panil dwar materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, enzimi, benniet u għajnuniet għall-ipproċessar tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex tidentifika l-aqwa xjenzati tal-Ewropa għal dan id-dmir.

L-AWTORITÀ EWROPEA DWAR IS-SIGURTÀ FL-IKEL

L-EFSA hija l-qafas ewlieni tas-sistema tal-UE għall-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf; il-parir xjentifiku tagħha dwar riskji eżistenti u emerġenti huwa l-bażi tal-politiki u tad-deċiżjonijiet tal-amministraturi tar-riskji fl-Istituzzjonijiet Ewropej u fl-Istati Membri tal-UE. L-iktar impenn importanti tal-Awtorità huwa li tipprovdi parir xjentifiku trasparenti u indipendenti u komunikazzjoni ċara mibnija fuq metodoloġiji xjentifiċi u dejta xjentifika l-aktar moderni disponibbli.

L-EFSA tlaqqa’ flimkien lill-aqwa esperti disponibbli Ewropej fil-valutazzjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, li jaġixxu b’kapaċità indipendenti għal organizzazzjoni awtonoma u mmexxija minnha stess biex tipprovdi lill-Istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri b’parir xjentifiku tal-ogħla livell.

L-Awtorità hija impenjata li tosserva l-istandards ewlenin ta’ eċċellenza xjentifika, onestà, trasparenza, indipendenza u ta’ rispons f’waqtu. Billi taħdem b’mod indipendenti, miftuħ u trasparenti, l-EFSA twassal l-aqwa parir xjentifiku possibbli u għalhekk tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ is-sistema Ewropea tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf.

Għal aktar informazzjoni dwar l-EFSA, jekk jogħġbok irreferi għar-Regolament ta’ Stabbiliment tagħha:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2002R0178:20090807:MT:PDF

L-irwol tal-Panils Xjentifiċi u tal-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA

Il-Panils Xjentifiċi huma responsabbli għall-għoti ta’ opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità u pariri oħra kif meħtieġ, kull wieħed fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tiegħu.

Il-Panils Xjentifiċi huma normalment magħmulin minn 21 espert xjentifiku indipendenti.

Il-Membri tal-Kumitat u tal-Panils Xjentifiċi jinħatru għal mandat ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded darbtejn u huma mistennija li jattendu u li jikkontribwixxu b’mod attiv fil-laqgħat kollha tal-Panil fejn jiġu adottati opinjonijiet, stqarrijiet jew dokumenti ta’ gwida. Huwa stmat li l-Kumitat Xjentifiku u l-Panils Xjentifiċi jiltaqgħu, skont l-ammont ta’ xogħol li jkollhom, bejn sitt u għaxar darbiet fis-sena f’laqgħat ta’ jumejn ġeneralment f’Parma, l-Italja. Il-membri tal-Panil huma mistennija wkoll li jipparteċipaw, kif meħtieġ, fi gruppi ta’ ħidma. Il-laqgħat u ħafna mid-dokumenti huma bl-Ingliż. L-applikanti għandhom jikkunsidraw li l-laqgħat b’mod ġenerali jinvolvu xogħol preparatorju.

Skont ir-regoli finanzjarji tagħha, l-EFSA tħallas l-ispejjeż tal-vjaġġi, il-benefiċċju ta' kuljum u tal-akkomodazzjoni tal-esperti. Jitħallas indennizz speċjali ta’ EUR 300 għal kull ġurnata sħiħa ta’ attendenza għal-laqgħat.

Panil dwar l-Addittivi fl-Ikel u Sorsi ta’ Nutrijenti miżjudin mal-ikel (ANS)

Il-Panil tal-ANS jindirizza kwistjonijiet relatati mas-sigurtà fl-użu ta’:

addittivi tal-ikel (applikazzjonijiet ġodda għall-awtorizzazzjoni kif ukoll evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi kollha tal-ikel, li kienu ġew permessi qabel l-20.1.2009), u

sorsi ta’ nutrijenti miżjudin mal-ikel (eż. sorsi ta’ vitamini u minerali) u sustanzi oħrajn miżjudin għal għanijiet nutrittivi mal-ikel,

sustanzi oħrajn miżjudin deliberatament, inkluż sustanzi miżjudin għal għanijiet li mhumiex teknoloġiċi, eż. b’karatteristiċi funzjonali, iżda li jeskludu benniet u enzimi

Ħafna mix-xogħol tal-Panil jitwettaq fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni. Il-Panil jagħmel valutazzjonijiet tar-riskji biex jipproduċi opinjonijiet u pariri xjentifiċi għall-amministraturi tar-riskji. Barra minn hekk, il-Panil jiżviluppa gwida xjentifika għall-industrija għat-tħejjija ta’ applikazzjonijiet ġodda.

Għal iktar dettalji, żur it-taqsima tat-temi ewlenin ta’ ANS fuq il-websajt tal-EFSA.

Ħila meħtieġa: Valutazzjoni tas-sigurtà ta’ sustanzi kimiċi u/jew botaniċi, Valutazzjoni tas-sigurtà ta’ addittivi tal-ikel, Valutazzjoni tas-sigurtà ta’ sorsi nutrijenti, Kimika: organika, analitika, sintetika inorganika (b’mod speċjali għal identifikazzjoni kimika u speċifikazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi), Valutazzjoni tal-espożizzjoni u valutazzjoni kwantitattiva tar-riskji, Nutrizzjoni tal-bniedem, approċċi għal dieta, teħid ta’ referenza, Tossikoloġija (preferibbilment applikata għal valutazzjoni tar-riskji ta’ kimiċi), Mekkaniżmi ta’ azzjoni, tossikokinetiċi u tossikodinamiċi, Patoloġija u fiżjoloġija, Karċinoġeniċità, Ġenotossiċità u mutaġeniċità, Allerġeniċità u Immunotossiċità, Tossiċità għall-iżvilupp u r-riproduzzjoni, Teknoloġija tal-ikel (proċessi ta’ manifattura u użu ta’ addittivi tal-ikel u/jew għajnuniet għall-ipproċessar), Twettiq ta’ testijiet tossikoloġiċi fuq annimali tal-laboratorju, Testijiet tossikoloġiċi alternattivi.

Panil dwar Materjali li Jiġu F’Kuntatt Mal-Ikel, Benniet, Enzimi u Għajnuniet għall-Ipproċessar (CEF)

Il-Panil dwar Materjali li Jiġu F’Kuntatt Mal-Ikel, Benniet, Enzimi u Għajnuniet għall-Ipproċessar (CEF) jipprovdi parir indipendenti u jagħti opinjonijiet dwar kwistjonijiet xjentifiċi li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà fl-użu ta’

materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel

enzimi tal-ikel

benniet

għajnuniet għall-ipproċessar

u ma’ kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-proċessi tal-ikel.

Il-Panil jevalwa kimiċi u proċessi għall-għanijiet ta' awtorizzazzjonijiet. Il-Panil jipprovdi wkoll parir xjentifiku urġenti fil-każ ta’ sustanzi li jinsabu fl-ikel u relatati mal-kompetenzi tiegħu.

Għal iktar dettalji, żur it-taqsima tat-temi ewlenin ta’ CEF fil-websajt tal-EFSA.

Ħila esperta meħtieġa: Valutazzjoni tar-riskji fi ħdan il-qasam tal-Panil kif deskritt fuq li jinkludi wieħed mis-suġġetti li ġejjin jew iktar: tossikoloġija (preferibbilment applikata għal valutazzjoni tar-riskji ta’ kimiċi), mekkaniżmi ta’ azzjoni, tossikokinetiċi u tossikodinamiċi, patoloġija u fiżjoloġija, karċinoġeniċità, ġenotossiċità u mutaġeniċità, Allerġeniċità u Immunotossiċità, Tossiċità għall-iżvilupp u r-riproduzzjoni, Ittestjar tossikoloġiku alternattiv, Kimika, Bijokimika, Konsum tal-ikel u valutazzjoni tal-espożizzjoni, Teknoloġija tal-ikel u Mikrobijoloġija fi ħdan il-kompetenzi tal-Panil kif deskritt fuq.

Għal iktar informazzjoni dwar l-għażla tal-Membri tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Panils Xjentifiċi jekk jogħġbok irreferi għal “Decision of the Executive Director concerning the selection of members of the Scientific Committee, Scientific Panels and external experts” (“Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv dwar l-għażla ta’ membri tal-Kumitat Xjentifiku, Panils Xjentifiċi u esperti esterni”)

http://www.efsa.europa.eu/en/home/doc/selectionofexperts_decision_signed.pdf

Għal iktar informazzjoni dwar il-Panils Xjentifiċi:

http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_ScientificPanels.htm

Għal iktar informazzjoni dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-Panils Xjentifiċi u l-Gruppi ta’ Ħidma tagħhom, jekk jogħġbok irreferi għal “Decision of the Management Board concerning the establishment and operations of the Scientific Committee, Scientific Panels and of their Working Groups” (“Deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal- Kumitat Xjentifiku, Panils Xjentifiċi u tal-Gruppi ta’ Ħidma tagħhom.”)

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/paneloperation.pdf

Proċedura tal-Għażla

Fil-formola tal-applikazzjoni, il-kandidati jintalbu jagħmlu għażla bejn iż-żewġ Panils Xjentifiċi skont l-ordni ta’ preferenza tagħhom, jekk għandhomx l-intenzjoni li japplikaw għal sħubija fil-Panils tal-ANS u tas-CEF u/jew għandhomx l-intenzjoni li jiġu inklużi fil-lista ta' riżervi ġenerali tal-panils xjentifiċi u tal-Kumitat Xjentifiku.

Ir-rekwiżiti

Kwalifiki u esperjenza

A.   Kriterji ta’ eliġibilità

(i)

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrespondi għal studji universitarji mitmuma ta’ mill-inqas erba’ (4) snin attestati b’diploma f’wieħed mill-oqsma li ġejjin: Tossikoloġija, Kimika, Bijokimika, Mikrobijoloġija, Nutrizzjoni, Teknoloġija tal-ikel, Farmaċija jew Bijoloġija, jew oqsma relatati;

(ii)

Barra minn dawn, mill-inqas għaxar (10) snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti għall-kompetenza tal-Panil(s) wara li tkun inkisbet id-diploma;

(iii)

Għarfien eċċellenti tal-lingwa Ingliża;

(iv)

Il-kandidati jridu jimlew id-Dikjarazzjoni tal-Interessi inkluża fl-applikazzjoni b’mod estensiv, preċiż u komplet. Jekk jogħġbok innota li jekk ma timlix din il-parti tal-formola b’mod komplet, dan iwassal sabiex l-applikazzjoni tiegħek tiġi rifjutata;

(v)

Il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tal-pajjiżi fl-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew tal-pajjiżi Kandidati tal-Unjoni. Esperti minn pajjiżi terzi jistgħu japplikaw ukoll iżda jiġu kkunsidrati biss meta l-livell meħtieġ ta’ ħila esperta ma jkunx jista’ jinstab fost ċittadini tal-pajjiżi indikati fis-sentenza preċedenti.

B.   Kriterji ta’ għażla

Esperjenza fit-twettiq ta’ valutazzjoni xjentifika tar-riskji u/jew fl-għoti ta’ parir xjentifiku f’oqsma relatati mas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf b’mod ġenerali u, b’mod partikolari f’oqsma ta’ kompetenza u ħila esperta tal-Kumitat Xjentifiku jew tal-Panil Xjentifiku ppreferut.

Eċċellenza xjentifika li tista’ tingħata prova tagħha f’qasam wieħed, jew preferibbilment f’aktar minn wieħed, relatata mal-qasam kopert mill-Kumitat Xjentifiku jew mill-Panil Xjentifiku ppreferut.

Esperjenza ta’ ħidma xjentifika fl-istudju tal-pari (peer-reviewing) u l-pubblikazzjonijiet, preferibbilment f’oqsma relatati mal-qasam ittrattat mill-Kumitat Xjentifiku jew mill-Panil Xjentifiku ppreferut.

Ħila li ssir analiżi ta’ informazzjoni u ta’ faxxikli kumplessi, ħafna drabi minn firxa wiesgħa ta’ dixxiplini u sorsi xjentifiċi u li jitħejjew abbozzi ta’ opinjonijiet u rapporti xjentifiċi.

Esperjenza professjonali f’ambjent multidixxiplinarju, preferibbilment f’kuntest internazzjonali.

Esperjenza fl-immaniġġjar ta’ proġetti relatati ma’ kwistjonijiet xjentifiċi.

Ħiliet komunikattivi evidenzjati, ibbażati fuq esperjenza tat-tagħlim, preżentazzjonijiet pubbliċi, partiċipazzjoni attiva f’laqgħat, pubblikazzjonijiet.

Applikazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibilità jiġu ammessi għal valutazzjoni komparattiva mwettqa mill-EFSA fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla msemmija hawn fuq. L-EFSA tirriserva d-dritt li tikkonsulta terzi partijiet dwar l-esperjenza professjonali tal-applikanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħhom. Membri tal-Panils Xjentifiċi jinħatru mill-Bord Amministrattiv li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv.

Applikanti li jissodisfaw ir-rekwiżit għal sħubija iżda li ma jinħatrux jistgħu jiġu nklużi fil-lista ta’ riservi. L-applikanti jistgħu, bil-kunsens tagħhom minn qabel, jiġu assenjati għal Panil Xjentifiku anke jekk ma jkunux applikaw speċifikament għal dak il-Panil. Jistgħu jiġu mistiedna wkoll jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta’ Panil Xjentifiku bħala esperti esterni ta’ Grupp ta’ Ħidma ta’ Kumitat Xjentifiku jew ta’ Panil.

Meta tiġi identifikata ħtieġa speċifika, membri tal-Panils Xjentifiċi jistgħu jiġu sostitwiti jew, skont iċ-ċirkostanzi, in-numru tagħhom jista’ jiżdied. Membri ta’ sostituzzjoni jew membri ġodda jintgħażlu mil-lista ta’ riserva u jiġu proposti mid-Direttur Eżekuttiv lill-Bord Amministrattiv, wara konsultazzjoni mal-President tal-Panil.

Il-kandidati eliġibbli kollha jiġu mistiedna jissieħbu fid-database tal-esperti tal-EFSA.

Għal iktar informazzjoni rigward id-database tal-esperti tal-EFSA:

http://www.efsa.europa.eu/EFSA/AboutEfsa/WhoWeAre/efsa_locale-1178620753812_1178712806106.htm

Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta’ impenn u interess

Il-membri tal-Panils Xjentifiċi jinħatru fuq bażi personali. L-applikanti huma meħtieġa jinkludu dikjarazzjoni li, meta meqjusin għal sħubija, huma se jkunu impenjati li jaġixxu b’mod indipendenti minn kull influwenza barranija u dikjarazzjoni tal-interessi li jistgħu jitqiesu bħala ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom (ara l-kriterju ta’ eliġibilità (iv)). L-applikanti huma responsabbli għall-kontenut tad-dikjarazzjoni sottomessa li sejra tiġi valutata mill-EFSA skont il-Politika dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Interessi.

Għal iktar informazzjoni rigward id-Dikjarazzjonijiet tal-Interessi:

Il-politika tal-EFSA dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi:

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/doipolicy.pdf

Dokument ta’ gwida dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi:

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/doiguidance.pdf

Proċedura għall-identifikazzjoni u l-maniġġar ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali:

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/doiconflicts.pdf

Opportunitajiet indaqs

L-EFSA tagħti attenzjoni kbira biex tapplika l-prinċipji ta’ trattament ugwali fil-proċeduri tagħha.

Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

Il-kandidati huma mitluba li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom flimkien mad-Dikjarazzjoni tal-Interessi b’mod elettroniku permezz tal-websajt tal-EFSA: http://www.efsa.europa.eu

Applikazzjonijiet mibgħuta permezz ta’ e-mail ma jiġux aċċettati.

Il-kandidati huma ġentilment mitluba biex jimlew l-applikazzjoni tagħhom bl-Ingliż biex jiffaċilitaw il-proċedura tal-għażla.

Il-kandidati kollha li japplikaw għal din is-sejħa għal turija ta’ interess jiġu infurmati permezz tal-posta dwar ir-riżultat tal-proċess tal-għażla.

L-informazzjoni personali li l-EFSA titlob mingħand il-kandidati tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dejta bħal din (1). L-għan tal-ipproċessar tad-dejta personali li jibagħtu l-applikanti huwa li jiġu mmaniġġjati l-applikazzjonijiet fid-dawl tal-possibilità ta’ għażla minn qabel u tal-għażla mill-EFSA.

Data tal-għeluq biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru 2010 f’nofsillejl (Ħin lokali, GMT + 1). Għall-applikazzjonijiet mibgħuta b’posta reġistrata, id-data tat-timbru tal-posta sservi ta’ prova.

Jekk jogħġbok innota li, minħabba n-numru kbir ta’ applikazzjonijiet li nirċievu, meta d-data ta’ għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tkun fil-qrib, is-sistema jista’ jkollha problemi biex tipproċessa l-ammonti kbar ta’ dejta. Għalhekk aħna nagħtu parir lill-applikanti biex jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom ħafna qabel id-data tal-għeluq.

Nota:

Fil-każ ta’ inkonsistenza jew diskrepanza bejn il-verżjoni Ingliża u kwalunkwe verżjoni lingwistika oħra ta’ din il-pubblikazzjoni, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża għandha tipprevali.


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.