15.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 95/1


Post vakanti għal Direttur (Grad AD 14) tal-Awtorità għas-Superviżjoni tal-Galileo

COM/2010/10209

(2010/C 95 A/01)

Min aħna

L-Awtorità għas-Superviżjoni tal-Galileo (ASG) ilha topera mill-2005 u hija Aġenzija regolatorja tal-Unjoni Ewropea. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament u l-Kunsill Ewropew (1), il-missjoni attwali tagħha hija li tassisti fl-implimentazzjoni ulterjuri tal-Programmmi Ewropej GNSS, magħmulin minn Galileo u l-European Geo-stationary Navigation Overlay System (EGNOS).

B'mod aktar preċiż, l-Aġenzija, taħt il-gwida tal-Kummissjoni Ewropea, għandha l-missjonijiet li ġejjin:

li tiżgura l-akkreditazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi u l-operazzjoni taċ-ċentru tas-sigurtà Galileo. Għal dan il-fini hija tibda u tissorvelja l-implimentazzjoni ta' proċeduri għas-sigurtà u twettaq verifiki fuq is-sistema tas-sigurtà;

tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sistemi, li tinkludi l-analiżi neċessarja tas-suq, u twaqqaf il-pedamenti għas-sostenibbiltà ekonomika rispettiva u timmira biex jitkattru l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u pubbliċi;

twettaq xogħlijiet oħra li ġew fdati lilha mill-Kummissjoni, bħall-promozzjoni ta' applikazzjonijiet u servizzi, li tiżgura li l-komponenti tas-sistema huma approvati mill-korpi għall-approvazzjoni awtorizzati rilevanti u timmaniġġja l-programmi ta' Riċerka u Żvilupp fir-rigward in-navigazzjoni tas-satelliti.

Il-Missjonijiet tal-Aġenzija jistgħu jkunu soġġetti għal żvilupp ulterjuri, li jiddependi fuq deċiżjonijiet futuri tal-Unjoni Ewropea dwar il-fażi ta' sfruttament Galileo u EGNOS. L-Aġenzija, li tinsab temporanjament fi Brussell, tista' fil-ġejjieni tiġi bbażata fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Attwalment timpjiega 35 impjegat, li huma soġġetti għar-regoli li japplikaw għall-uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet. Il-baġit tal-Aġenzija għall-2010 jammonta għal madwar EUR 10 miljun fis-sena u l-baġit operattiv tagħha huwa madwar EUR 40 miljun.

Qegħdin nipproponu li

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija se jkun ir-rappreżentant legali tal-Aġenzija u se jkun responsabbli għat-tmexxija ta' kuljum tagħha, b'konformità mal-linjigwida tal-Kummissjoni. Hu/hi se jkun/tkun responsabbli għat-tmexxija u l-ġestjoni tal-persunal tal-Aġenzija.

Ir-responsabilitajiet tad-Direttur se jinkludu:

Li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija, il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-partijiet interessati, kif meħtieġ.

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet strateġiċi tal-Aġenzija b'konformità mal-missjoni tagħha.

Ir-reklutaġġ u l-evalwazzjoni tal-persunal tal-Aġenzija filwaqt li jitrawwmu spirtu ta' tim u ambjent tax-xogħol tajbin.

Li jiddefinixxi l-istruttura tal-organizzazzjoni tal-Aġenzija u jissottomettiha lill-bord għal approvazzjoni. Dan jinkludi struttura permanenti adattata għall-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet relatati mas-sigurtà u kuntatti operattivi neċessarji relatati mas-sigurtà.

L-organizzazzjoni ta' u l-parteċipazzjoni, mingħajr id-dritt tal-vot, f'laqgħat tal-Bord Amministrattiv u l-provvediment tas-segretarjat tiegħu.

It-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-Baġit tal-Aġenzija, b'konformità sħiħa maċ-ċiklu baġitarju tal-Komunitajiet u r-regoli u l-prinċipji tar-Regolament Finanzjarju.

Proposta dwar programm tax-xogħol annwali u l-implimentazzjoni tiegħu.

Li jiżgura l-użu l-aktar effettiv tar-riżorsi finazjarji u umani tal-Aġenzija.

It-tħejjija ta' rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew.

X'qegħdin infittxu

Il-kandidati għandhom ikollhom:

a)

Għarfien tekniku:

Esperjenza fil-programmi tas-satelliti u għarfien tal-politika Ewropea dwar l-ispazju. Għarfien ta' u esperjenza fil-programmi tal-UE għan-navigazzjoni tas-Satelliti jservu ta' vantaġġ), u

Għarfien eċċellenti tas-sistema istituzzjonali tal-UE.

b)

Kompetenzi ta' Ġestjoni:

Kapaċità u abilità fil-ġestjoni ta' entità fi ħdan kuntest internazzjonali ta' kumpaniji li qegħdin jikkooperaw bejniethom mill-qrib, kemm fl-livell strateġiku kif ukoll operattiv, u

Kapaċità fit-tmexxija u l-motivazzjoni ta' tim li għandu kompetenzi tekniċi f'ambjent multikulturali u multilingwa,

Kapaċità u abilità li tiġġestixxi firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fis-settur pubbliku u dak privat, u

Għarfien dwar il-ġestjoni baġitarji u finanzjarja f'kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali;

c)

Ħiliet ta' komunikazzjoni:

Ħiliet eċċellenti fil-kitba u fil-komunikazzjoni orali u fin-negozjar, u

Il-ħila li jikkomunikaw mal-pubbliku u jikkooperaw mal-partijiet interessati, u

Għarfien tajjeb ħafna tal-kitba bl-Ingliż u tal-lingwa Ingliża huwa meħtieġ.

L-applikanti għandhom

L-applikanti se jiġu kkunsidrati għall-fażi ta' selezzjoni fuq il-bażi tal-kriterji formali li ġejjin li jridu jiġu sodisfatti qabel id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

: Ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

: Ikollhomm livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji konklużi u ċċertifikati b'diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa erba' snin jew aktar, jew (ii) ikollhom livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji konklużi u ċċertifikati b'diploma u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta' esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali post gradwatorja meħtieġa hawn taħt);

: Ikollhom minn tal-inqas 15-il sena esperjenza post-gradwatorja wara l-kisba tal-kwalifiki imsemmija hawn fuq;

: Ikollhom minn tal-inqas 5 snin esperjenza professjonali akkwistata fil-qasam tal-programmi spazjali;

: Ikollhom minn tal-inqas 5 snin esperjenza professjonali miksuba f'kariga għolja ta' ġestjoni;

: Ikollhom għarfien eċċellenti ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra;

: Ikunu jistgħu jkomplu bil-mandat sħih ta' ħames snin qabel ma joħorġu bil-pensjoni. Fir-rigward ta' persunal temporanju tal-Komunitajiet Ewropej, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 65 sena.

L-indipendenza u d-dikjarazzjoni ta' interessi

Id-Direttur ikun mitlub jagħmel dikjarazzjoni ta' impenn li se jaġixxi b'mod indipendenti fl-interess tal-pubbliku u dikjarazzjoni fir-rigward ta' kull tip ta' interess li jista' jitqies li jippreġudika l-independenza tiegħu/ha. L-applikanti jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu hekk fl-applikazzjoni tagħhom.

Għażla u ħatra

Se jiġi stabbilit kumitat ta' preselezzjoni għall-proċedura tal-għażla. Dan il-kumitat se jistieden lil dawk l-applikanti li għandhom l-aħjar profil għall-bżonnijiet speċifiċi ta' din il-pożizzjoni għal intervista, magħżula fuq il-bażi tal-merti tagħhom rilevanti għall-post skont il-kriterji stabbiliti hawn fuq. Il-kandidati li jintagħżlu mill-bord ta' preselezzjoni jissejħu biex jattendu intervista mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet tal-Kummissjoni (CCA) u jkollhom jagħmlu għall-eżaminazzjoni minn ċentru ta' evalwazzjoni li ser jitmexxa minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Il-kandidati li jintagħżlu mis-CCA mbagħad se jkollhom intervista mill-Kummissarju responsabbli.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni tadotta lista qasira ta' tliet kandidati magħżula, li se tiġi kkomunikata lill-Bord ta' Ġestjoni tal-Aġenzija. Dan tal-aħħar se jintervista lill-kandidati magħżula u jaħtar id-Direttur minn fosthom. L-inklużjoni fil-lista qasira mhix garanzija tal-ħatra. Il-kandidati jistgħu jkunu mitluba biex jagħmlu iktar intervisti u/jew eżamijiet addizzjonali ma' dawk indikati hawn fuq.

Opportunitajiet indaqs

L-Aġenzija regolatorja tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u mingħajr diskriminazzjoni b'konformità mal-Artikolu 1(d) tar-Regolamenti tal-Persunal (2).

Il-Kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Direttur se jkun maħtur bħala aġent temporanju fil-grad AD14 skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Ħaddiema l-Oħra tal-Komunitajiet Ewropej (3) għal perjodu ta' ħames snin, li jistgħu jiġu estiżi darba (4), kif stipulat fir-Regolament tal-IET (5). Il-post tal-impjieg huwa Brussell, fejn hi bbażata l-Aġenzija b'mod temporanju.

Proċedura tal-applikazzjoni

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu validi, il-kandidati għandhom jippreżentaw:

1.

ittra ta' motivazzjoni fuq paġna unika, preferibbilment stampata, li fiha l-kandidat għandu jispjega għaliex huwa interessat fil-kariga u x'se jkun il-valur miżjud kieku jintagħżel/tintagħżel;

2.

Curriculum Vitae (CV) b'format liberu. Is-CV għandu jirriferi b'mod imperattiv għal rekwiżiti tax-xogħol elenkati fl-avviż tax-xogħol preżenti u għandu jispjega kif, fil-fehma tal-kandidat, hu/hi jissodisfa/tissodisfa minn tal-inqas ħila u kompetenza msemmija fih . L-applikazzjonijiet mhux kompluti se jiġu rifjutati.

Id-dokumenti ta' prova (eż. kopji ċċertifikati ta' lawrji/diplomi, referenzi, provi tal-esperjenza, eċċ.) m'għandhomx jintbagħtu għalissa imma fi stadju ulterjuri tal-proċedura jekk mitluba.

Sabiex il-proċess tal-għażla jiġi ffaċilitat, il-korrispondenza kollha mal-kandidati marbuta ma' din il-pożizzjoni se tkun bl-Ingliż.

L-applikazzjonijiet, preferibbilment bl-Ingliż, għandhom jintbagħtu bl-e-mail lil:

ENTR-VACANCY-GSA@ec.europa.eu

L-applikanti li ma jistgħux jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom bil-posta elettronika jistgħu jibagħtuhom permezz ta' posta reġistrata jew permezz ta' servizz ta' kurrier express lil:

European Commission

Directorate-General for Enterprise and Industry

COM/2010/10209 — Post of Executive Director GSA

Unit ENTR.R.2 “Human Resources”

Avenue du Bourget 1

1140 Evere

BELGIUM

L-applikanti huma mitluba li jirrappurtaw kull bdil potenzjali tal-indirizz bil-miktub u mingħajr dewmien fl-indirizz ta' hawn fuq.

Il-persuna ta' kuntatt għal informazzjoni addizzjonali:

Mr P. Verhoef, Programme Manager, EU Satellite Navigation Programmes

European Commission,

Tel: +32 2.295 10 67 jew E-mail: Paul.Verhoef@ec.europa.eu.

Data tal-għeluq

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu jew bil-posta elettronika jew bil-posta rreġistrata sa mhux aktar tard mill-21 ta' Mejju 2010 (id-data tal-posta elettronika jew id-data tat-timbru postali għall-posta reġistrata).

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bis-servizz tal-kurrier ekspress iridu jkunu kkonsenjati fl-istess ġurnata lill-indirizz imniżżel hawn fuq qabel il-17:00 (ħin ta' Brussell).

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ttawwal id-data tal-għeluq ta' dan il-post vakanti permezz ta' pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f'isimhom mal-kumitat ta' selezzjoni huwa pprojbit.

Il-protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija se jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati se tkun proċessata kif meħtieġ mir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (6). L-istqarrija dwar kunfidenzjalità tista' tinqara fil-konnessjoni tal-internet.

http://ec.europa.eu/dgs/human-resources/privacystatement_agencies_en.htm


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar aktar implimentazzjoni tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni satellitari (EGNOS u Galileo) (ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1).

(2)  ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1; http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm

(3)  ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1 — http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm

(4)  Id-dewmien tal-perjodu fil-kariga jista jkun modifikat skont l-adozzjoni mill-leġiżlatur tal-Proposta tal-Kummissjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004, li attwalment qiegħed taħt diskussjoni (COM(2009) 139 finali, adottat fl-24.3.2009).

(5)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1.

(6)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).