29.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 234/1


Post vakanti għal Direttur (Grad AD 14) tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

COM/2009/10199

(2009/C 234 A/01)

1.   MIN AĦNA

ll-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, fuq Proposta mill-Kummissjoni Ewropea, qablu dwar Regolament li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (minn issa 'l quddiem: l-Aġenzija) (1).

Bratislava (is-Slovakkja), Bukarest (Rumanija) u Ljubljana (is-Slovenja) applikaw biex isiru s-sede tal-Aġenzija. Deċiżjoni dwar is-sede hi maħsuba li tittieħed mill-Kunsill fis-7 ta' Diċembru 2009 qabel il-finalizzazzjoni tal-fażi ta' preselezzjoni għall-kariga ta' Direttur. Fil-każ li l-Kunsill ma jkunx kapaċi li jiddeċiedi fis-7 ta' Diċembru fuq l-ebda wieħed minn dawn it-tliet kandidati, il-Kummissjoni proponiet li s-sede tal-Aġenzija għandha tkun Brussell għall-ewwel mandat ta' ħames snin.

Skont ir-Regolament, l-Aġenzija għandha tkun korp Komunitarju b'personalità legali. L-Aġenzija ser ikollha parti importanti fil-liberalizzazzjoni tas-swieq Komunitarji tal-elettriku u tal-gass naturali. Il-kompetenzi tagħha jinkludu:

a)

il-parteċipazzjoni fil-ħolqien tal-kodiċijiet tan-netwerk Ewropej għall-elettriku u għall-gass naturali;

b)

it-teħid ta' deċiżjonijiet individwali vinkolanti dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għal aċċess u s-sigurtà operattiva għal infrastruttura transkonfinali fil-każ li l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali ma jistgħux jaqblu jew jitolbu b'mod konġunt għall-intervent tal-Aġenzija;

c)

l-għotja ta' opinjonijiet lil atturi varji fis-swieq tal-elettriku u tal-gass naturali;

d)

l-għotja ta' konsulenza lill-Istituzzjonijiet Ewropej dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-elettriku u l-gass naturali; kif ukoll

e)

il-monitoraġġ tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali u l-irrappurtar tal-konklużjonijiet tal-Aġenżija.

L-Aġenzija hi mistennija li timpjega persunal ta' madwar 40-50 persuna. Ser ikollha baġit ta' madwar EUR 6-7 miljun fis-sena.

2.   X'QEGĦDIN NIPPROPONU

Id-Direttur ser imexxi u se jieħu ħsieb l-Aġenzija u ser ikun ir-rappreżentant legali u l-immaġni pubblika tagħha. Din il-persuna se tkun responsabbli għall-Bord Amministrattiv li jikkonsisti minn ħames membri maħtura mill-Kunsill, tnejn maħtura mill-Parlament Ewropew u tnejn maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lid-Direttur biex iressaq rapport dwar ir-rendiment tad-doveri tagħha/tiegħu. Matul dan il-mandat, id-Direttur jista' jiġi mistieden biex jagħmel stqarrija quddiem kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u biex jirrispondi l-mistoqsijiet magħmula mill-membri ta' dan il-kumitat.

Id-Direttur ser ikollu rwol ċentrali fit-twaqqif tal-Aġenzija, li għandha bżonn li tiġi operattiva 18-il xahar wara d-dħul fis seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija. Id-Direttur ser ikun responsabbli li jistabbilixxi l-istrutturi amministrattivi, operattivi u finanzjarji meħtieġa għall-operat xieraq tal-Aġenzija, kif ukoll ir-reklutaġġ ta' persunal prinċipali.

Ladarba l-Aġenzija tkun operattiva, ix-xogħol prinċipali tad-Direttur jinkludi dan li ġej:

li jirrekluta u li jagħmel is-superviżjoni tal-persunal tal-Aġenzija, u li jrawwem spirtu tajjeb ta' tim u ambjent tax-xogħol tajjeb;

li jipprepara u li jipparteċipa fix-xogħol tal-Bord Amministrattiv, mingħajr id-dritt tal-vot;

Li jadotta u li jippubblika l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija wara li jirċievi opinjoni favorevoli mill-Bord ta' Regolaturi li jikkonsisti minn rappreżentanti anzjani tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali;

li jipprepara l-abbozz annwali tal-programm tax-xogħol tal-Aġenzija kif ukoll ir-rapport annwali tagħha;

li jimplimenta l-programm tax-xogħol annwali tal-Aġenzija, taħt il-gwida tal-Bord ta' Regolaturi tal-Aġenzija, u taħt il-kontroll amministrattiv tal-Bord Amministrattiv;

li jfassal abbozz preliminari tal-baġit tal-Aġenzija u li jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija;

li jieħu l-miżuri meħtieġa, speċjalment l-adozzjoni tal-istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni tal-avviżi, biex jiġi żgurat l-iffunzjonar tal-Aġenzija;

li jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità li taħtar mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u lill-awtorità intitolata li tikkonkludi kuntratti mill-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej;

li jikkomunika mal-pubbliku dwar il-kwistjonijiet kollha tal-kompetenza tal-Aġenzija.

3.   X'QEGĦDIN INFITTXU

Il-kanditati ser jiġu evalwati skont dawn il-kriterji ta' għażla:

kapaċità li jwaqqfu u li jmexxu aġenzija kbira, f'livell strateġiku u kif ukoll f'livell ta' tmexxija interna, u li jaffaċċaw l-isfidi li ser issib quddiem wiċċha l-Aġenzija fl-ewwel snin tal-operat tagħha, li juru impenn, ġudizzju sod u flessibbiltà. Esperjenza relevanti f'livell internazzjonali tkun ta' vantaġġ;

esperjenza soda fit-tmexxija u fil-motivazzjoni ta' tim kbir f'ambjent multikulturali u multilingwi u fil-ġestjoni tar-riżorsi baġitarji u finanzjarji f'kuntest nazzjonali, Ewropej u/jew internazzjonali;

għarfien estensiv tal-politika u tal-prattika regolatorja tas-settur tal-enerġija u esperjenza ta' tmexxija f'dan il-qasam;

kapaċità li jikkomunikaw mal-pubbliku u jikkooperaw mal-partijiet interessati (awtoritajiet Ewropej, internazzjonali, nazzjonali u lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali, negozji, NGOs eċċ);

fehim estensiv tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-operat u l-interazzjoni tagħhom, u tal-politiċi tal-UE li jirrigwardaw l-attivitajiet tal-Aġenzija;

komunikazzjoni eċċellenti bil-fomm u bil-miktub;

ħiliet ta' negozjar eċċellenti;

għarfien estensiv tal-Ingliż. L-għarfien ta' lingwa uffiċjali oħra tal-UE, barra mit-tnejn meħtieġa taħt il-kriterja ta' eliġibbiltà, tkun ta' vantaġġ.

4.   L-APPLIKANTI GĦANDHOM

Biex jiġu kkunsidrati għall-fażi ta' selezzjoni, sad-data ta' egħluq għall-applikazzjonijiet, il-kandidati jridu jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà li ġejjin:

Nazzjonalità: ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

Grad Universitarju jew Diploma: ikollhom:

livell ta' edukazzjoni li jikkorrospondi ma' studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b'diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja hija erba' snin jew aktar, jew

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikat minn diploma u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja tkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta' esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali wara l-kisba tal-lawrja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: ikollhom mill-inqas 15-il sena ta' esperjenza wara l-kisba tal-kwalifiki msemmija hawn fuq;

Esperjenza Professjonali Relevanti: mill-inqas ikollhom ħames snin minn 15 li fihom kisbu esperjenza professjonali fis-settur tal-enerġija, fil-politika dwar l-enerġija jew fir-regolamentazzjoni tal-enerġija;

Esperjenza ta' Tmexxija: ikollhom mill-anqas ħames snin esperjenza professjonali miksuba fil-funzjoni ta' tmexxija f'livell għoli, inkluża t-tmexxija tal-baġit, tal-finanzi u tar-riżorsi umani;

Lingwi: ikollhom għarfien eċċellenti ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra;

Limitu tal-età: l-applikanti sa l-aħħar tax-xahar li fih jagħlqu 65 sena jridu jkunu kapaċi li jlestu l-mandat kollu ta' ħames snin.

5.   L-INDIPENDENZA U D-DIKJARAZZJONI TAL-INTERESSI

Id-Direttur ser ikun meħtieġ li jagħmel dikjarazzjoni ta' rabta, mingħajr preġudizzju għar-rwoli rispettivi tal-Bord Amministrattiv u tal-Bord ta' Regolaturi b'relazzjoni max-xogħol ta' Direttur, biex jaġġixxi b'mod indipendenti, li ma jfittixx u lanqas jaċċetta l-ebda struzzjoni mill-ebda gvern, mill-Kummissjoni u mill-ebda entità pubblika jew privata oħra u li jagħmel dikjarazzjoni rigward kwalunkwe interessi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ta' preġudizzju għall-indipendenza tiegħu/tagħha. L-applikanti jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu hekk fl-applikazzjoni tagħhom.

6.   GĦAŻLA U ĦATRA (2)

Se jitwaqqaf bord ta' preselezzjoni għall-proċess ta' għażla. Skont il-kriterji ta' eliġibbiltà deskritti hawn fuq, il-bord se jistieden għal intervista dawk l-applikanti li għandhom l-aħjar profili għall-kariga.

Il-kandidati magħżula mill-bord ta' preselezzjoni se jissejħu għal intervista mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet tal-Kummissjoni (CCA) u ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ.

Il-kandidatili magħżula wara l-intervisti mbagħad ser ikunu intervistati mill-Kummissarju(i) rilevanti.

Wara l-intervisti, il-Kummissjoni se tadotta lista li tinkludi l-kandidati l-aktar xierqa. Din il-lista se tinkludi mill-inqas tliet kandidati u se tiġi komunikata lill-Bord Amministrattiv. L-inkluzjoni fil-lista mhix garanzija tal-ħatra.

Wara opinjoni favorevoli tal-Bord ta' Regolaturi l-kandidat ammess għandu jiġi nnominat għall-ħatra ta' Direttur mill-Bord Amministrattiv.

Qabel il-ħatra formali, il-kandidat innominat mill-Bord Amministrattiv jista' jiġi mistieden biex jagħmel stqarrija quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u biex iwieġeb għal mistoqsijiet li jsiru mill-membri tal-kumitat.

Id-Direttur jinħatar mill-Bord Amministrattiv.

Il-kandidati jistgħu jintalbu biex jagħmlu aktar intervisti u/jew eżamijiet addizzjonali ma' dawk indikati hawn fuq.

7.   OPPORTUNITAJIET INDAQS

L-Aġenzija tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (3).

8.   IL-KONDIZZJONIJIET TAL-IMPJIEG

Id-Direttur se jinħatar bħala persunal tal-Aġenzija bħala aġent temporanju fil-grad ta' AD14 skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej (4) għal perjodu ta' ħames snin, li jista' jiġi estiż darba għal mhux aktar minn tliet snin skont l-Artikolu 15(3) u (4) tal-abbozz tar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija.

9.   PROĊEDURA TAL-APPLIKAZZJONI

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu validi, il-kandidati għandhom jippreżentaw:

1.

ittra ta' motivazzjoni, u

2.

Curriculum Vitae (CV). Is-CV għandu jitfassal preferibbilment bil-format tas-CV Ewropew (5). L-applikanti huma meħtieġa b'mod espliċitu biex jenfasizzaw u biex jagħtu deskrizzjoni qasira tal-esperjenza u l-kompetenza li hi rilevanti għall-kariga, kif ukoll dettalji dwar l-għadd ta' persunall, il-baġit u n-natura tad-dipartimenti li amministraw preċedentament.

L-applikazzjonijiet li mhumiex kompluti jiġu rifjutati.

Id-dokumenti ta' prova (eż. kopji ċċertifikati ta' gradi/diplomi, referenzi, provi tal-esperjenza, eċċ.) m'għandhomx jintbagħtu għalissa imma fi stadju ulterjuri tal-proċedura jekk ikun meħtieġ.

L-applikazzjonijiet, preferibbilment bl-Ingliż, bil-Franċiz jew bil-Germaniż, għandhom jintbagħtu permezz ta' ittra elettronika lil:

tren-selections-acer@ec.europa.eu

Sabiex il-proċess tal-għażla jiġi ffaċilitat, il-korrispondenza kollha mal-kandidati marbuta ma' dan il-pożizzjoni se tkun bl-Ingliż.

L-applikanti huma mitluba li jirrappurtaw kull bdil potenzjali tal-indirizz bil-miktub u mingħajr dewmien fl-indirizz ta' hawn fuq.

Il-persuna ta' kuntatt għal informazzjoni addizzjonali:

Ms. Ana Arana Antelo

Head of Unit

Electricity & Gas

Directorate-General for Energy and Transport

European Commission

ittra elettronika: ana.arana-antelo@ec.europa.eu

10.   DATA TAL-GĦELUQ

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta' ittra elettronika sat-30 ta' Ottubru 2009 (data tal-ittra elettronika).

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ttawwal id-data tal-għeluq ta' dan il-post vakanti permezz ta' pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea biss.

11.   INFORMAZZJONI IMPORTANTI GĦALL-KANDIDATI

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tad-diversi kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f'isimhom mal-kumitat ta' selezzjoni huwa projbit.

Il-ħatra tad-Direttur mhux se tidħol fis-seħħ qabel mal-baġit u l-kariga ma jsirux disponibbli fil-Pjan ta' Stabbiliment.

12.   IL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA PERSONALI

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija se jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati se tiġi proċessata kif meħtieġ mir-Regolament dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (6).


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009, ĠU L 211, 14.08.2009, p. 1.

(2)  Din il-proċedura ta' reklutaġġ hi mnedija skont id-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Aġenzija u l-karigi rilevanti fil-pjan stabbilit tagħha.

(3)  ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1.

(5)  L-Europass CV jista' jitniżżel mis-sit elettroniku: http://europass.cedefop.europa.eu/htm/index.htm

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000. ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.