26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/10


MEDIA 2007 – ŻVILUPP, DISTRIBUZZJONI, PROMOZZJONI U TAĦRIĠ

Sejħa għall-proposti – EACEA/21/09

Appoġġ għall-Iżvilupp ta' xogħlijiet interattivi fuq kull pjattaforma kemm online kif ukoll offline

2009/C 232/06

1.   Għanijiet u Deskrizzjoni

Dan l-avviż ta’ Sejħa għall-Proposti huwa bbażat fuq id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007).

Wieħed mill-għanijiet tal-programm huwa li jippromwovi, billi jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju, l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ produzzjoni maħsuba għas-swieq Ewropej u internazzjonali ppreżentati minn kumpaniji ta’ produzzjoni Ewropej indipendenti.

2.   Applikanti eliġibbli

Dan l-avviż huwa maħsub għal kumpaniji Ewropej li l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet imsemmija fuq, u b’mod partikolari għal kumpaniji ta’ produzzjoni indipendenti.

L-applikanti għandhom ikunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea

il-pajjiżi tal-EFTA, l-Iżvizzera u l-Kroazja.

3.   Azzjonijiet eliġibbli

L-attivitajiet għax-xogħlijiet interattivi li ġejjin huma eliġibbli:

Il-kunċett ta’ żvilupp (sal-ewwel applikazzjoni) ta’ kontenut interattiv diġitali li jikkumplimenta proġett awdjoviżiv (drama, dokumentrarju kreattiv jew animazzjoni) żviluppat speċifikatament għal mill-anqas waħda mill-pjattaformi li ġejjin:

Internet

PC

konsowl

apparat li joqgħod fl-id

televiżjoni interattiv

Dan il-kontenut diġitali għandu jippreżenta:

interattività sostanzjali b’komponent narrattiv

originalità, kreatività u innovazzjoni kontra xogħlijiet eżistenti

potenzjal ta’ kummerċ Ewropew

It-tipi ta’ proġett awdjoviżiv li ġejjin biss intiżi għall-esplojtazzjoni kummerċjali jistgħu jiġu kkumplimentati mix-xogħol interattiv sottomess:

drama ta’ mill-anqas 50 minuta (it-tul sħiħ tas-serje fil-każ ta’ serje);

dokumentarju kreattiv ta’ mill-anqas 25 minuta (tul ta’ kull episodju fil-każ ta’ serje);

animazzjoni ta’ mill-anqas 24 minuta (it-tul totali tas-serje fil-każ ta’ serje).

L-attivitajiet li ġejjin huma ineliġibbli:

L-attivitajiet ta’ żvilupp u produzzjoni għall-kategoriji ta’ xogħol li ġejjin huma ineliġibbli:

xogħlijiet ta’ referenza (enċiklopediji, atlasis, katalogi, databases…);

xogħlijiet li jgħallmu kif wieħed jagħmel xi ħaġa (“how-to” – programmi edukattivi, manwali…);

servizzi ta’ strumenti u softwer;

servizzi ta’ tagħrif jew dawk li huma speċifikament tranżattivi;

programmi u rivisti ta’ tagħrif;

proġetti li jippromwovu t-turiżmu;

proġetti ta’ arti bl-użu ta’ multimedia;

proġetti li jippromwovu, direttament jew indirettament, messaġġi li ma jaqblux mal-linji politiċi tal-Unjoni Ewropea. Per eżempju, proġetti li jistgħu jmorru kontra l-interessi tas-saħħa pubblika (alkoħol, tabakk, drogi), ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà tan-nies, il-libertà tal-espressjoni eċċ. huma projbiti;

proġetti li jippromwovu l-vjolenza u/jew ir-razziżmu u/jew li għandhom kontenut pornografiku;

xogħlijiet ta’ natura promozzjonali (partikolarment kontenut b’ditta);

produzzjonijiet istituzzjonali li jippromwovu organizzazzjoni speċifika jew l-attivitajiet tagħha.

Is-Sejħa għall-Proposti 21/09 għandha żewġ dati tal-għeluq. Sabiex tiġi inkluża fl-ewwel data tal-għeluq, l-applikazzjoni għall-appoġġ għandha tintbagħat lill-Aġenzija bejn id-data tal-pubblikazzjoni tas-Sejħa għall-Proposti u s-27 ta’ Novembru 2009. Sabiex tiġi inkluża fit-tieni data tal-għeluq, l-applikazzjoni għall-appoġġ għandha tintbagħat lill-Aġenzija bejn it-28 ta’ Novembru 2009 u t-12 ta’ April 2010, id-data tal-għeluq tas-Sejħa għall-Proposti.

It-tul ta' żmien massimu tal-proġett huwa sat-30 ta' Ġunju 2012 għal talbiet għal appoġġ sottomessi fi żmien l-ewwel data tal-għeluq u sat-30 ta’ Novembru 2012 għal dawk it-talbiet sottomessi fi żmien it-tieni data tal-għeluq jew sad-data tal-bidu tal-produzzjoni tal-proġett, skont liema waħda tkun l-aktar kmieni.

4.   Il-kriterji tal-għoti

Ser jiġu allokati l-punti minn total ta’ 100 abbażi tal-weighting li ġej:

Kriterji relatati mal-kumpanija applikanti (40 punt).

Il-kwalità tal-istrateġija tal-iżvilupp (10);

Il-konsistenza tal-baġit tal-iżvilupp (10);

Il-kapaċità tal-kumpanija biex tirnexxi fil-proġett (10);

Il-kwalità tal-istrateġija ta’ finanzjament (10)

Kriterji relatati mal-proġett sottomess (60 punt).

Il-kwalità tal-kontenut u l-oriġinalità tal-kunċett mqabbla ma’ xogħlijiet eżistenti (20);

Innovazzjoni, kemm huma xierqa t-tekniki wżati fix-xogħol u l-kwalità tal-interattività (20);

Potenzjal għall-esplojtazzjoni Ewropea u kemm ikun xieraq għall-udjenza fil-mira (20).

5.   Baġit

Il-baġit totali disponibbli huwa EUR 2 miljun. Il-kontribut finanzjarju jingħata bħala sussidju.

Il-kontribut finanzjarju massimu li jista’ jingħata huwa bejn EUR 10 000 u EUR 150 000.

Il-kontribut finanzjarju mogħti fl-ebda każ mgħandu jaqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli sottomessi mill-produttur (60 % għal proġetti li juru interess fil-promozzjoni tad-diversità kulturali Ewropea).

L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li ma tiddistribwix il-fondi kollha disponibbli.

6.   Data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Aġenzija Eżekuttiva (EACEA) sa mhux aktar tard mis-27 ta’ Novembru 2009 u s-12 ta’ April 2010 (ara l-punt 3) fl-indirizz li ġej:

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) – MEDIA

Mr. Constantin Daskalakis

BOUR 3/30

Avenue du Bourget 1

1140 Brussels

BELGIUM

Ser jiġu aċċettati biss l-applikazzjonijiet li jiġu sottomessi fuq il-formola tal-applikazzjoni uffiċjali, iffirmata kif suppost mill-persuna intitolata biex tidħol f'impenji li jorbtu b'mod legali f'isem l-organizzazzjoni li qed tapplika u li jkunu jinkludu l-informazzjoni u l-annessi kollha speċifikati fit-test sħiħ tas-Sejħa.

Applikazzjonijiet mibgħuta b’faks jew email mhux ser jiġu milqugħa.

7.   Dettalji kollha

It-test sħiħ tal-linji gwida flimkien mal-formoli tal-applikazzjoni, jistgħu jiġu kkonsultati fl-indirizz elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/media

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mat-termini kollha tal-linji gwida u jintbagħtu fuq il-formoli pprovduti.