11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/25


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5602 – RREEF Fund/BP/EVE/Repsol/BBG)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 217/08

1.

Fl-4 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta għal konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li biha l-impriżi RREEF Pan-European Infrastructure Fund LP (“RREEF Fund”, Ir-Renju Unit), li fl-aħħar mill-aħħar huma ġestiti minn Deutsche Bank (“DB”, il-Ġermanja), BP PLC (“BP”, ir-Renju Unit), Ente Vasco De La Energia (“EVE”, Spanja) u Repsol YPF, S.A. (“Repsol”, Spanja), jakkwistaw fi ħdan l-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill, il-kontroll konġunt tal-impriża Bahía De Bizkaia Gas, S.L. (“BBG”, Spanja) permezz ta' xiri ta' ishma f'impriża konġunta li diġà teżisti. Attwalment, BBG hija kkontrollata b'mod konġunt minn Iberdrola S.A. (“Iberdrola”, Spanja), BP, EVE u Repsol.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal RREEF Fund: fond ta' investiment attiv fis-servizzi bankarji, finanzjarji u servizzi oħra relatati madwar id-dinja kollha,

għal BP: l-esplorazzjoni, l-iżvilupp u l-produzzjoni taż-żejt u l-gass; l-irfinar, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti taż-żejt u l-petrokimiki u l-iżvilupp ta' energiji li jiġġeddu,

għal EVE: entità pubblika li topera fir-reġjun Basque ta' Spanja fil-qasam tal-enerġija, tal-provvista tal-ilma u tat-telekomunikazzjoni,

għal Repsol: attiva fi Spanja fl-esplorazzjoni u fl-isfruttament kummerċjali taż-żejt u prodotti relatati miegħu, flimkien ma' sorsi ta' enerġija oħra,

għal BBG: il-gassifikazzjoni mill-ġdid tal-gass naturali likwidu fi Spanja.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l’operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (+32 22964301 jew 22967244) jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5602 – RREEF Fund/BP/EVE/Repsol/BBG, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.