4.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/7


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5613 – Piraeus Bank/BNP Paribas/Greek JV/Swiss JV)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 209/05

1.

Fil-25 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta għal konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Piraeus Bank SA (“Piraeus Bank”, il-Greċja) u BNP Paribas SA (“BNPP”, Franza) jakkwistaw skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill kontroll konġunt tal-impriżi Piraeus Wealth Management AEPEY (“Greek JV”, il-Greċja) u Piraeus Wealth Management (Switzerland) SA (“Swiss JV”, l-Iżvizzera) permezz tax-xiri ta' ishma f’kumpanija ġdida li tikkostitwixxi impriża konġunta.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Piraeus Bank: Bank li hu elenkat fuq il-Borża ta’ Ateni, attiv fil-Greċja u f’numru ta’ pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa,

BNPP: Grupp bankarju Franċiż li għandu operazzjonijiet fis-servizzi bankarji ġenerali u korporattivi, servizzi bankarji għall-investiment u ġestjoni tal-assi,

Greek JV: se tikkombina l-attivitajiet tal-ġestjoni tal-assi fil-Greċja li jsiru rispettivament fid-diviżjoni tal-Piraeus Bank Wealth Management u fil-fergħa Griega tal-BNPP Wealth Management. Se tkun dedikata għal servizzi ta’ ġestjoni tal-assi domestiċi fil-Greċja,

Swiss JV: kumpanija li se toffri servizzi ta’ ġestjoni tal-assi internazzjonali, b’mod partikolari lil investituri għonja Griegi.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (+32 22964301 jew 22967244) jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5613 – Piraeus Bank/BNP Paribas/Greek JV/Swiss JV, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32.